


Il-Gvern maqtugħ mir-realta’ f’Għawdex
Indirizzat il-Konferenza tal-Aħbarijiet ukoll il-Kelliem għall-Familja, Tfal u Persuni b’Diżabilita’ Justyne Caruana li qalet li l-Budget juri kemm il-Gvern huwa maqtugħ mir-realta’ f’Għawdex u għandu nuqqas ta’ ħeġġa u ambizzjoni biex jindirizza l-isfidi tal-Għawdxin. Dan hu Gvern, żiedet tgħid Justyne Caruana, li għal ħafna snin ra lil Għawdex bħala mazzra u xkiel.
Għa ll-Partit Laburista, il-ħolqien tal-impjiegi jibqa’ priorita’ f’Għawdex. Hija semmiet kif l-aktar milquta min-nuqqas ta’ opportunitajiet, huma ż-żgħażagħ li qed ikollhom joħorġu mill-gżira u jinfirdu minn mal-familja.
Il-Kelliema Laburista saħqet li ċertifikat ta’ falliment tal-politika tal-Gvern ingħata fil-Budget stess, meta tħabbar li l-ħolqien tax-xogħol mhux se jibqa’ taħt il-Ministeru ta’ Giovanna Debono, iżda se jaqa’ taħt is-Segretarjat għall-Istrateġija Politika fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Justyne Caruana elenkat lista ta’ proġetti li ingħatajna x’nifhmu li saru, meta fil-verita’ għadhom ma tlestewx. Fosthom ix-xogħol fil-biċċerija. Saħqet li fil-Budget ma smajna xejn konkret fuq il-kura tal-kanċer f’Għawdex, fuq il-problema tad-drenaġġ f’Wied il-Mielaħ, fuq il-Micro Enterprise Park, fuq is-servizzi ta’ childcare, dwar kif se tikber l-industrija, dwar is-servizzi finanzjarji u l-gaming.
Il-Partit Laburista jemmen li l-Għawdxin huma nies b’ħiliet kbar, u mhux ċittadini ta’ klassi inferjuri kif iqishom il-Gvern Nazzjonalista. Gvern li qed ikun reazzjonarju u mhux proattiv.
Dwar it-turiżmu saħqet li l-Partit Laburista jemmen li għandu jkollna Awtorita’ għat-Turiżmu Għawdxija, u mhux sempliċiment NGO. Min-naħa l-oħra f’dan is-settur, il-Gvern ma nefaqx il-flus li vvota, sena wara sena.
Justyne Caruana nnotat b’mod pożittiv iż-żieda fil-fondi lill-istudenti Għawdxin, proposta tal-Partit Laburista. Saħqet iżda li l-proposta tal-Partit Laburista kienet tinkludi lill-istudenti kollha, u mhux biss tal- Universita, l-MCAST u l-ITS.
Dr Justyne Caruana
Kelliem ghal Familja, Tfal u Persuni b’ Dizabilita’