Stqarrija tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Socjali tal-Parlament
(20-02-09)

L-Onor Edwin Vassallo u l-Onor Justyne Caruana jipparteċipaw fil-konferenza “Żwieġ - Quo Vadis?” L-Onor Edwin Vassallo, President tal-Kumitat Parlamentari tal-Affarijiet Soċjali u l-Onor Justyne Caruana, kelliem ewlenija għall-Familja u l-Ugwaljanza u Membru fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali ġew mistiedna sabiex jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom fil-konferenza “Żwieġ-Quo Vadis?”, organizzata minn PROĠETTIMPENN.  Din it-task force bejn il-Kummissjoni Djoċesana Familja, Kana u Caritas ġiet imwaqqfa sabiex taħdem fis-soċjetà Maltija b’risq żwieġ b’saħħtu. L-Onor Vassallo tkellem fuq kif it-tisħiħ tal-familja u ż-żwieġ huma intrinsikament marbuta mat-tisħiħ tas-soċjetà.  Huwa qal li llum f’pajjiżna qed naraw żieda fi problemi soċjali kaġun ta’ fallimenti ta’ żwieġ u familji, u dan qed ikollu effetti ħżiena fuq it-tfal.  Ħafna esperti jirrikonoxxu l-familja bħal kapital soċjali u istituzzjoni li ma tistax tiġi pprivatizzata għaliex il-familja hija tal-ġid komuni.  L-Onor Vassallo qal li s-soċjetà tħallas prezz qares kull darba li żwieġ ifalli u l-familja titkisser.  Huwa rrefera għal riċerka fejn tgħid li l-ebda terapija ma tista’ ġġib lura l-impatt tas-separazzjoni fuq it-tfal u dawn it-tfal bla ħtija jikbru biċ-ċans li jimirdu aktar, ibatu l-faqar, ma jirnexxux fl-iskola u jidħlu f’ċirki ta’ kriminalità u vizzji.  L-Istat jispiċċa jħallas għal din l-instabilità fis-soċjetà.  Il-President tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali qal li minn studji li saru fi New Zealand u l-Ingilterra, jidher li dawn il-pajjiżi qed iħallsu biljun dollaru u 20 biljun sterlina rispettivament għat-tifrik tal-familji, fosthom f’benefiċċji soċjali, saħħa, akkomodazzjoni soċjali, edukazzjoni u xogħol. L-Onor Vassallo tkellem kif il-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali huwa impenjat li kull ġimgħa jiddiskuti temi relatati mal-familja, tinħareġ stqarrija għall-istampa li tirresponsabilizza favur it-tisħiħ tal-familja u tħejjiet e-rsource centre fuq il-familja.  Quddiem dan kollu, l-impenn għandu jiġi mingħand kulħadd u huwa spjega 10 proposti għad-diskussjoni: 

  1. Tinħoloq kultura ta’ low conflict marriage; Edukazzjoni favur il-valuri universali tal-familja; Edukazzjoni favur is-saħħa sesswali sabiex jitnaqqsu t-twelid barra ż-żwieġ; Edukazzjoni favur il-bilanċ bejn il-mara u r-raġel sabiex titnaqqas il-vjolenza  domestika; Edukazzjoni favur il-bżonn li l-missier iqatta’ aktar ħin mat-tfal, flimkien mal-omm; Jitnaqqsu l-marriage penalties; Tiġi riveduta l-proċedura eżistenti sabiex jitnaqqsu l-unknown fathers; Ħidma soċjali fil-komunità u fl-ante/post-natal clinics li joffru sapport lill-familji, partikolarment dawk f’faqar relattiv; Aktar miżuri maħsuba sabiex it-tfal ikunu aktar fil-preżenza tal-ġenituri; u
  2. It-tisħiħ taċ-Ċentru ta’ Studju fuq il-Familja.

Dawn l-inizjattivi huma maħsuba fl-eżerċizzju ta’ tisħiħ tal-familja u programm ta’ prevenzjoni minn aktar tkissir tal-familja.  Huwa qal li ma’ din l-inizjattiva trid tibqa’ għaddejja inizjattiva oħra maħsuba sabiex tisma’ u toħrog b’soluzzjonijiet legali għal dawk li jġarbu l-falliment taż-żwieġ. Minn naħa l-oħra, l-Onor Justyne Caruana spjegat kif il-Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali, għamlu t-tisħiħ tal-familja bħala prijorità fid-diskussjonijiet tagħhom.  Hija qalet li l-effetti ħżiena tat-tifrik tal-familji fuq it-tfal huwa preokuppanti u dan ħareġ ċar tul id-diskussjonijiet li qed ikollu l-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali.  L-Onor Caruana qalet li kulħadd għandu jimpenja ruħu sabiex l-interessi tat-tfal ikunu verament mħarsa – kemm dawk imwielda fiż-żwieġ kif ukoll dawk imwielda barra miż-żwieġ. Jinħass il-bżonn li fil-pajjiż tibda diskussjoni biex il-pożizzjoni ta’ dawn it-tfal tiġi regolarizzata għaliex it-tfal m’għandhom ħtija ta’ xejn.  L-Onor Caruana semmiet kif ix-xogħol tagħha ta’ avukat, ilaqqagħha ma’ diversi każijiet li jittrattaw it-tifrik tal-familja. Minn dawn l-esperjenzi hija tista’ tgħid li għad jinħass il-bżonn li s-soċjetà Maltija ssib aktar bilanċ bejn il-mara u r-raġel.  Meta l-ġenituri jkunu jaħdmu t-tnejn, ix-xogħol fid-dar għandu jsir mit-tnejn u l-missirijiet għandhom ikunu aktar parteċipattivi.  Hija sostniet li huwa inutli li nħeġġu l-mara toħroġ taħdem mingħajr ma sseħħ bidla fil-kultura sabiex kemm il-mara u kemm ir-raġel iġorru r-responsabiltajiet flimkien. 

Fuq dan il-ħsieb, l-Onor Caruana saħqet fuq l-importanza ta’ edukazzjoni tal-koppja favur il-komunikazzjoni, commitment, u kompatabilità.  Il-pedament ta’ żwieġ b’saħħtu hija l-komunikazzjoni bejn il-koppja.  Permezz tal-komunikazzjoni, il-koppja żżomm ħbiberija, jisimgħu lil xulxin, jesprimu gratitudni, sodisfazzjon, jisimgħu x-xewqat u d-dwejjaq ta’ xulxin.  Il-komunikazzjoni tfisser rispett u huwa mezz ta’ kif jiġi evitat il-kunflitt bejn il-miżżewġin.  Il-kompatabilità tfisser li l-koppja tagħmel affarijiet li jogħġbu lil xulxin. Koppji fi żwieġ iridu jsibu ħin sabiex jieħdu ħsieb lil xulxin u b’hekk joħolqu stabilità emozzjonali.  B’dan il-mod kulħadd iħossu komdu u bla biża’ li jesprimi lilu nnifsu.  Meta r-raġel u l-mara jibqgħu kommessi lejn xulxin, mhux talli għandhom aktar ċans li jibqgħu flimkien imma jkunu qed isaħħu s-sens ta’ stabilità u jżommu lura milli jinħolqu aktar kunflitti.  Fi ftit kliem, it-tnejn ikunu qed jemmnu li ser jibqgħu ta’ xulxin għal dejjem.  Iż-żwieġ huwa commitment bejn it-tnejn u flimkien il-koppja trid tindirizza kull sfida li tiltaqa’ magħha bħal trobbija tat-tfal, xogħol, flus, attivitajiet mal-familja u oħrajn soċjali.  B’hekk it-tnejn mhux talli jsiru jafu aktar lil xulxin u jirreaġixxu f’ċertu sitwazzjonijiet iżda jikbru u jiżviluppaw flimkien.  L-Onor Caruana għalqet id-diskussjoni tagħha billi qalet li l-komunikazzjoni, commitment u l-kompatabilità jagħtu sens ta’ motivazzjoni u ugwaljanza bejn il-koppja u jwasslu għal low conflict marriages.

Dr Justyne Caruana
Kelliema ghall-Familja u Ugwaljanza

© 2009 - Justyne Caruana