![]() |
||||
|
Abbozz ta’ Ligi dwar Servizz Pubbliku - 15/09/08 |
||||
ONOR. JUSTYNE CARUANA: Sur President, l-abbozz ta’ liġi li għandna quddiemna rridu narawh fl-ambitu ta’ dak li ġara kemm qabel l-elezzjoni u aktar u aktar fl-ambitu ta’ dak li ġara wara l-elezzjoni. Dan l-abbozz ta’ liġi ġie quddiemna anke fil-leġislatura li għaddiet u dakinhar inti, Mr Speaker, bħala ministru tkellimt fuqu wkoll. Issa llum tinsab fin-nofs tal-Kamra u għalhekk tinsab f’pożizzjoni li tisma’ aktar lilna ta’ l-Oppożizzjoni. Naħseb li għalhekk tkun tista’ tifhem u tapprezza aktar il-fatt li aħna mhux qegħdin hawnhekk biex insaħħnu s-siġġijiet imma biex niddefendu l-interessi tal-poplu u nagħmlu dmierna ħalli l-poplu jkollu dak li jistħoqqlu. F’dan l-abbozz ta’ liġi nsibu ħafna kliem sabiħ ta’ meritokrazija, kompetenza, imparzjalità u ħafna kliem ieħor sabiħ. Madankollu ma rridux naraw biss dan il-kliem imma rridu naraw ukoll il-fatti għax meta mbagħad naraw ir-realtà nsibu li kemm qabel l-elezzjoni kif ukoll wara l-elezzjoni saru ħafna ħatriet u ngaġġi li ftit li xejn jirrispekkjaw dan il-kliem sabiħ li nsibu hawnhekk. Jiena ngħid li dawn aktar kienu thankyous lil ħafna nies. Imbagħad meta kont qiegħda naqra dan l-abbozz ta’ liġi u d-dibattiti li kellna hawnhekk aktar bdejt ninterpretah bħala ammissjoni impliċità min-naħa tal-gvern li l-affarijiet m’humiex mexjin kif mixtieq. U għalkemm m’għandniex ammissjoni ċara u tonda minn naħa tal-gvern, hija xi ħaġa ovvja li l-gvern m’huwiex kuntent bil-mod ta’ kif l-affarijiet mexjin. Imma ġaladarba s-settur pubbliku huwa responsabbli minnu l-gvern u l-affarijiet mhux sejrin daqshekk tajjeb, allura sta għall-gvern li jkun l-ewwel wieħed u minn ta’ quddiem nett li jagħmel idejh fuq sidru u jibda jlissen il-mea culpa. Issa jiena fil-ħidma politika tiegħi, aktar minn dik legali, ikolli ħafna kuntatt ma’ ħaddiema f’diversi dipartimenti ġewwa Għawdex. U jkolli nistqarr li hemm ħafna minn dawn in-nies li huma dedikati immens u li għandhom kuxjenza kbira. Ta’ min jgħid ukoll li għandek nies ikkwalifikati ħafna, u hija ħasra li għandek riżors uman kwalifikat li mhux qed jintuża tajjeb. Per eżempju, insibu nies fi clerical staffs li jaslu sal-livell ta’ masters u hija verament ħasra li dan il-livell ta’ edukazzjoni li għandhom ma jintużax tajjeb ħalli s-settur jimxi ‘l quddiem. Għalhekk huwa l-mument opportun li jsir eżerċizzju sabiex dan ir-riżors uman jitħaddem aħjar. Fost dawn in-nies hemm ukoll il-feeling li maċ-ċivil ma tistax tavvanza u li b’ħiltek biss aktar u aktar ma tagħmel xejn. Dawn in-nies jgħidulek ukoll li ftit li xejn takkwista esperjenza u li min huwa fuqhom jibża’ minnhom sa ċertu punt għax ikunu kkwalifikati aktar minnhom. Għalhekk il-kapijiet ma jiddeligawlhomx aktar xogħol għax jibżgħu li jagħmlu performance aħjar minnhom. Imma mbagħad għandek il-faċċata l-oħra tal-munita. Fil-fatt għandek ħaddiema oħra li jmorru litteralment għall-paga biss. Dawn huma nies li min ipoġġihom hemm litteralment ma kienx jaf x’inhu jagħmel għax l-inkapaċità u l-inkompetenza tagħhom hija xi ħaġa inkredibbli. Hija ħasra li dawn in-nies ikollhom kuntatt man-nies għax xi kultant min imur iffittex u jirrikorri għall-għajnuna ta’ dawn in-nies, tant ma jkunux jafu x’inhuma jagħmlu, li aktar jispiċċaw igerrfxulhom moħħhom milli jiddiriġuhom u juruhom x’għandhom jagħmlu, kif huwa dmirhom li jagħmlu. Sur President, meta l-Prim Ministru kien qed jitkellem fuq il-ħames valuri naħseb li kien jaf għal liema tip ta’ nies qed nirreferi, pero` minħabba li ħafna minn dawn in-nies ikunu qegħdin f’ċerti postijiet għax ġew akkomodati fihom, il-Prim Ministru mhux se jammetti li qed nitkellmu fuq il-blue-eyed girls u l-blue-eyed boys. Issa meta jsiru dawn l-affarijiet ikunu qed isiru a skapitu tal-kwalità tas-servizz offrut lill-pubbliku. Dawn huma l-pupilli tas-servizz pubbliku u mbagħad għandek ħafna cinderellas, li dejjem ilaqqtu fuq wiċċhom u jissubixxu mingħand min ma jaqbilx magħhom, anke politikament. Għandek ħafna impjegati tal-gvern li aktar issibhom barra mid-dipartimenti milli ġewwa, jixorbu xi kafe’ x’imkien. Imbagħad għandek oħrajn li anke jekk jillargaw sat-toilet jew inkella jidħlu lura minuta tard mill-break isibu lil min jerfgħalhom salibhom. U proprju l-bieraħ il-Prim Ministru semma kif illum il-ġurnata l-kapijiet tad-dipartimenti jistgħu jisimgħu każijiet ta’ dixxiplina. Għalhekk nixtieq infakkar li sa ftit tas-snin ilu f’Għawdex kellna s-sistema ta’ l-inspectors. Meta ssemmi din is-sistema jkun hemm min ma jiddejjaq xejn għax ma kenitx affettwatu u ssib ħafna oħrajn li jġeddu memorji daqsxejn koroh. Issa fil-professjoni tiegħi jiġu għandi kemm Nazzjonalisti u kemm Laburisti. Ġieli kelli wkoll l-opportunità li niddefendi każijiet bħal dawn, imma oħroġ il-għaġeb ħaddiema li jħaddnu twemmin Nazzjonalista qatt ma ġew għandi fuq dawn il-każijiet. Kull meta mort niddefendi dawn it-tip ta’ każijiet, kważi kważi qatt ma rajt Nazzjonalisti! Fil-fatt darba minnhom, waqt kontra-eżami lill-head li kienet qiegħda tmexxi l-inspectors, irriżulta fatt interessanti ħafna. Din kienet qalet li l-inspectors ma kenux imorru fuq kulħadd imma kienu jmorru fuq persuni magħżula. Issa magħżula mhux abbażi ta’ xi rapport li jkun sar jew fuq xi ilmenti li jkunu saru imma abbażi ta’ ċerti fatturi arbitrarji li jkun tajjeb li wieħed iżommhom f’moħħu. Hija ħasra li jkollok raġel ta’ familja li qed jagħmel xogħlu sew u li mbagħad jispiċċa vittimizzat għax ma jkollux l-istess fehma tal-gvern tal-ġurnata. Hija ħasra kbira għax imbagħad ikun hemm min lanqas biss jersaq għax-xogħol u jmur biss biex jiffirma. Madankollu l-inspectors qatt ma jmorru fuq dawn in-nies. L-abbozz ta’ liġi jikkontempla wkoll is-surplus pool. Il-Prim Ministru spjega wkoll li f’ċerti dipartimenti tista’ tinħoloq sitwazzjoni ta’ ħaddiema żejda. Allura se jkun hemm il-fakultà li dawn il-ħaddiema żejda jiġu mħarrġa u jintbagħtu f’post ieħor. Issa din hija xi ħaġa li lili tinkwetani ħafna għax nibża’ li tintuża b’tali mod li jkun hemm xi ħaddiem Għawdxi li jiġi kkonsidrat bħala żejjed u allura jispiċċa f’xi dipartiment f’Malta. Bħalissa qed jiġu f’rasi l-ħaddiema ta’ l-MDP. Meta għalqet l-MDP ta’ Għawdex il-ħaddiema kollha spiċċaw lock, stock and barrel u riedu jitilgħu lejn Malta mal-vapur ta’ l-4.00 a.m. u jitilgħu lura mal-vapur ta’ l-4.00 p.m. Huwa trattament inaċċettabbli li jkollok persuni ta’ ċerta eta` li jkunu draw jaħdmu Għawdex u li mbagħad ikollhom jerġgħu jittieħdu lejn Malta sabiex jaħdmu hemmhekk. Għalhekk nispera li din is-surplus pool ma taffettwax lil xi Għawdxi li jkollu jduq esperjenza simili minħabba li jkun meqjus bħala żejjed. Sur President, jissemma wkoll il-kunċett ta’ meritokrazija permezz tal-kummissjoni tal-ħarsien tal-mertu. Dan il-kunċett lili jogħġobni ħafna u huwa deżiderabbli ħafna. Jiena verament nixtieq li din il-kummissjoni taħdem bis-serjetà u ma jkunx kunċett fuq il-karta biss ħalli taparsi qiegħda hemmhekk. Nixtieq li din tkun effettiva. Nerġa’ ngħid li fil-professjoni tiegħi jkolli każijiet fejn persuni li jkunu kkwalifikati aktar minn ħaddieħor ikollhom interviews u jispiċċaw ma jintagħżlux għax jintagħżlu persuni li jkunu anqas ikkwalifikati forsi minħabba l-konoxxenzi jew l-alleanzi politiċi li jkollhom. Mhux l-ewwel darba li għamilt petizzjoni quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u lanqas hija l-ewwel darba li din il-kummissjoni tat raġun lil dawn in-nies għax l-ilment tagħhom ikun ġustifikat. L-akbar każ li kelli u li spiċċa wkoll fil-qrati ta’ Għawdex huwa l-każ tas-securityguard li kien fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex meta kien hemm applikazzjoni għal seniorsecurity guard u nqala’ rebus sħiħ, tant li l-persuna li ntagħżlet f’din l-interview, li ma kienetx il-klijenta tiegħi, spiċċat il-qorti in konnessjoni mal-famuż allegat ċertifikat falz ta’ l-ischoolleaving. Ovvjament m’iniex se nidħol fil-każ tal-qorti għax mhux korrett li nidħol fih, pero` ħa nsemmi dan il-każ minn aspett ieħor. Huwa opportun li nitkellmu dwaru ħalli min qed jissubixxi ċerti abbużi u diskriminazzjonijiet inħeġġuh li jqum jitkellem għad-drittijiet tiegħu u ma joqgħodx jittollera l-abbużi li jkun qiegħed isofri. Dan il-każ, kif għedt, kien jirrigwardja interview fejn intagħżlet din il-persuna li ma kenitx ikkwalifikata. Għalhekk saret petizzjoni u l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku stħarrġet il-każ u rriżulta li dak li ġie l-ewwel u li ppreżenta ċertifikat falz ma kienx ħaqqu li jieħu dak ix-xogħol, u għaldaqstant l-ingaġġ tiegħu ġie mħassar. S’hemmhekk kollox fair, plain and simple u ngħid prosit lil kulħadd. Imma mbagħad kien hemm persuna oħra li ħassitha urtata li dik il-persuna ħadet l-impjieg hi. Allura li ġara kien li nħoloq impjieg ieħor u għalhekk trid tara daqsxejn il-mod li bih saru l-affarijiet. Qiegħda ngħid hekk għax meta saret l-applikazzjoni oriġinarjament, il-call for application kienet għal persuna waħda u mhux għal tnejn biex jokkupaw l-istess impjieg. In-neċessità nħolqot wara, u għalhekk huwa dubjuż il-mod ta’ kif ġiet ingaġġata l-persuna l-oħra. Barra min hekk trid tara wkoll ir-regoli tal-Public Service Management Code fejn paragrafu 1.1.5.13 jispeċifika li meta jkun hemm sejħa għal applikazzjoni trid issir dikjarazzjoni li jkun hemm fondi allokati biżżejjed sabiex il-pożizzjoni l-ġdida tkun sostnuta finanzjarjament. Issa meta saret din is-sejħa, oriġinarjament saret għal post wieħed. Għalhekk ma nistax nifhem kif kien hemm sejħa għal post wieħed u mbagħad kellek dan il-paragrafu tal-Public Service Management Code li ġie bypassed u nħolqot vacancy oħra mingħajr ma ġie sodisfatt dan il-paragrafu. Apparti minn hekk, meta sar it-tieni ingaġġ, iż-żmien ta’ validità tar-riżultat kien laħaq skada. Hawnhekk qiegħda ngħid hekk għax skond l-istess Public Service Management Code, paragrafu 1.2.1.16 jgħid li r-riżultat huwa validu għal sena minn meta jiġi ppubblikat. Issa t-tieni ngaġġ sar aktar minn sena wara meta l-validità ta’ dan ir-riżultat kienet diġa’ skadiet. Issa fid-dawl ta’ dan kollu l-konklużjoni hija waħda sempliċi. Nemmen li t-tieni ngaġġ kiser ir-regolamenti kollha li kien hemm fil-Public Service Management Code u dan sar bil-barka ta’ ħafna rjus u sar kollox qisu xejn m’hu xejn. Il-ksur tar-regoli li qed nara f’dan il-każ - kien għalhekk li semmejt il-Public Service Management Code - huma flagranti u għalhekk qed nitkellem fuq dan il-każ ladarba qed nitkellmu fuq amministrazzjoni trasparenti. Naħseb li huwa opportun li nsemmi dawn l-affarijiet ħalli min għandu rasu fuq għonqu u min qiegħed jerfa’ ir-responsabilità jara dawn l-affarijiet ukoll. Każ ieħor li xtaqt nsemmi huwa dak tal-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu mal-protezzjoni ċivili. Il-Prim Ministru l-bieraħ qal li l-każijiet ta’ l-Ombudsman u tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji qed jarahom wieħed wieħed. Issa każ minn dawn spiċċa quddiem l-Ombudsman, u allura jekk għadu ma rahx nispera li x’ħin jiġi f’idejh jikkonsidrah minnufih. Essenzjalment dan il-każ kien jittratta dawn il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili li qabel kienu mal-Forzi Armati ta’ Malta, fejn qabel ma saret ix-shift, kellhom kuntratt f’idejhom u dawn talbuni nagħtihom parir dwaru minħabba li kien hemm klawsola partikolari fuq l-employment rights. Niftakar li kont għamilt mistoqsija parlamentari lill-Prim Ministru ta’ qabel li fiha staqsejtu jekk dawn l-employmentrights humiex se jiġu affetwati. Min-naħa tiegħu dan assigurani - din il-mistoqsija parlamentari qiegħda fir-records tal-parlament - li ma kellhomx għalfejn jinkwetaw għax dawn id-drittijiet li kellhom ma’ l-AFM kienu se jżommuhom meta jsiru parti mill-protezzjoni ċivili. Li ġara hu li meta dawn il-ħaddiema rċevew l-ewwel paga tagħhom skoprew li ma kellhomx l-allowances li kellhom meta kienu ma’ l-AFM. Għalhekk stennew il-paga ta’ wara u ta’ wara biex ikunu ċerti minn dawn l-affarijiet imma baqgħu ma ħaduhomx. B’hekk spiċċajna bil-każ quddiem l-Ombudsman, u dan tahom raġun. Madankollu sal-lum il-ġurnata bir-raġun biss baqgħu għax l-allowances għadhom ma ħaduhomx. It-tajba hi li qabel l-elezzjoni wħud minn dawn il-ħaddiema avviċinaw ħafna nies - anke tal-Partit Nazzjonalista - u kollha qalulhom li għandhom raġun imma issa li l-elezzjoni għaddiet dawn baqgħu bir-raġun biss. Għalhekk nispera li x’ħin il-Prim Ministru jkun qed jara dawn il-każijiet jirranġa din l-inġustizzja minnufih. Il-bieraħ il-Prim Ministru semma ukoll il-family-friendly measures li daħlu fis-settur pubbliku. Jiena ngħid li din hija xi ħaġa tajba u hija l-linja li rridu naqbdu u nkomplu naħdmu fuqha. Għalkemm ilni biss ftit tal-ġranet bħala kelliema tal-familja u l-ugwaljanza, ikolli ngħid li diġa’ bdejt nirċievi ċerti ilmenti u informazzjoni. Għalhekk se nieħu din l-opportunità sabiex insemmi xi ilmenti fuq l-amministrazzjoni pubblika li waslu għandi forsi tittieħed nota tagħhom u jiġu rimedjati. Għandi każ ta’ mara mpjegata mas-settur pubbliku li għadha kemm welldet u qiegħda tagħti l-breastfeeding lit-tarbija tagħha. Din il-mara qed issib problemi kbar biex tredda lit-tarbija għax peress li tgħix ftit ‘il bogħod minn fejn taħdem qed jkollha tillarga xi għaxar minuti minn fuq il-post tax-xogħol u qiegħda tiġi mhedda li se jittieħdu proċeduri dixxiplinarji kontra tagħha. Għalija dan żgur li m’huwiex atteġġjament family-friendly u qed jagħmel ħafna ħsara kemm lill-omm u kemm lit-tarbija. Għaliex? Għax meta tkun qed tagħti l-breastfeed lit-tarbija tiegħek u tkun qed tħossok tense, dik it-tensjoni se tgħaddiha lit-tarbija wkoll. Smajt ukoll b’każijiet ta’ nisa li jkunu tqal u waqt li jkunu fuq il-post tax-xogħol tagħhom ikollhom ċerti inkonvenjenzi u allura jkollhom bżonn li jmorru sal-bathroom jew inkella jkollhom bżonn joħorġu ftit. Issa dawn huma każijiet normali meta tkun f’dik il-pożizzjoni. Imma dawn in-nisa qed isibu diffikultajiet kbar biex jillargaw minn fuq il-post tax-xogħol, imbagħad sħabhom jidħlu u joħorġu x’ħin iridu biex imorru jieħdu l-kafe` mill-kafetteriji li hemm fi pjazza San Franġisk. Għandna wkoll ħafna każijiet oħra ta’ nisa Għawdxin tqal li jaħdmu mas-servizz pubbliku f’Malta li jagħmlu talba għal transfer temporanju lejn Għawdex minħabba t-tqala tagħhom, u din it-talba qiegħda ddum xhur sħaħ biex tiġi pproċessata. Tant hu hekk li dawn in-nisa jilħqu jaslu fi stat avvanzat tat-tqala tagħhom. Dawn huma każijiet delikati ħafna għax hawnhekk qed nitkellmu fuq każijiet li jinvolvu mhux biss is-saħħa ta’ l-omm imma anke s-saħħa tat-tarbija li tkun qiegħda ġġorr. Fil-fatt għandek ir-riskju ta’ korriment minħabba l-iskariġġ u l-istrapazz ta’ kuljum li jkollha tgħaddi minnu l-omm ġejja u sejra lejn Malta. Għaldaqstant nemmen li każijiet bħal dawn għandhom jiġu trattati kemm jista’ jkun malajr u b’ċerta urġenza. Sur President, aktar ‘il quddiem se jkolli l-opportunità li nitkellem ħafna fuq dawn is-suġġetti delikati u ta’ importanza kbira għax fl-opinjoni tiegħi hemm ħafna u ħafna x’isir anke fis-settur pubbliku. Jiena nagħlaq id-diskors tiegħi billi nawgura lill-Prim Ministru biex jieħu l-eżempju ta’ l-Onor. Alfred Sant meta kien Prim Ministru hu, għax l-Onor. Alfred Sant kien l-ewwel u l-unika wieħed li ħaddem il-kunċett ta’ meritokrazija to the full. F’dak il-każ imbagħad inkunu verament nistgħu nitkellmu fuq riżorsi umani li qed jiġu wżati u trattati tajjeb u b’dinjità. Hemmhekk verament inkunu mexjin lejn servizz tajjeb u ta’ kwalità sabiex is-settur pubbliku jkollu ċerta reputazzjoni mal-poplu li s’issa sfortunatament m’għandux. Nirringrazzjak.
|
||||
|
©
2008 - Justyne Caruana
|