![]() |
||||
|
Abbozz ta’ Ligi dwar ir-Registru Centrali - Abbozz Nru 3 - 28/05/08 |
||||
ONOR. JUSTYNE CARUANA: Sur President, bla dubju ta’ xejn l-abbozz ta’ liġi li għandna quddiemna huwa interessanti ħafna u nemmen li se jkollu utilita` kbira kemm għall-pubbliku in ġenerali kif ukoll għalina li noperaw fl-ambitu tal-professjoni legali għax permezz tiegħu se niġu fornuti b’għodda ħalli nkunu nistgħu naħdmu u noperaw aħjar għall-ġid tal-klijenti tagħna. F’kull abbozz ta’ liġi jien dejjem nipprova nara l-aspett Għawdxi u nara kif Għawdex se jiġi milqut. Hawnhekk irrid nistqarr li filwaqt li f’liġijiet oħrajn Għawdex ġieli ma kienx jissemma, f’din il-liġi partikolari qed jissemma. Ovvjament jien se nagħmel xi kummenti li nispera li jiġu nnotati u ikkonsidrati biex din il-liġi tkun aktar effettiva f’Għawdex. Imbagħad se ngħaddi biex nagħmel xi kummenti aktar ġenerali, kemm għal Għawdex kif ukoll għal Malta. Sur President, ir-reġistru pubbliku u r-reġistru ta’ l-artijiet, kif qegħdin bħalissa fiżikament f’Malta, huma żewġ binjiet separati. Għalhekk naħseb li huwa opportun li wieħed jibda jara l-loġistika ta’ kif se jaħdem u fejn se jkun dan ir-reġistru ċentrali. Qed ngħid dan għax forsi jekk f’Malta din ma tippreżentax problema, f’Għawdex, minħabba l-limitazzjoni ta’ spazju, jistgħu jinħolqu xi problemi, u allura tajjeb li wieħed jibda jaħseb minn issa kif se jiġi manned ir-reġistru ċentrali. Qed ngħid dan għax kemm l-istaff tar-reġistru pubbliku kif ukoll l-istaff tar-reġistru ta’ l-artijiet għandhom ċerti loads, u allura wieħed irid jara kif se jikkonsidra dan l-aspett ukoll. Waħda mill-funzjonijiet ta’ l-uffiċċju tar-reġistru ċentrali se tkun li jkun hemm il-produzzjoni ta’ riċerki uffiċjali. Meta jien iggradwajt u għall-ewwel bdejt naħdem ta’ nutar niftakar li kont immur ir-reġistru pubbliku, kont noqgħod bil-qiegħda fl-art, kont niftaħ il-volumi u nagħmel ir-riċerki jien għax dak iż-żmien il-volumi tan-noti ta’ l-Insinwa kienu disponibbli, pero` llum il-ġurnata – ilna ftit hekk mhux ħażin – dawn in-noti qegħdin Malta għax meta ġiet ikkummissjonata l-kumpannija li tagħmel ir-riċerki li għandha l-monopolju biex tagħmel ir-riċerki f’pajjiżna, dawn il-volumi ttieħdu mir-reġistru ta’ Għawdex għal Malta. Għalhekk, kemm-il darba din il-pożizzjoni tibqa’ kif inhi, ir-reġistru ċentrali f’Għawdex ma jistax jaqdi l-funzjoni tiegħu skond dan l-abbozz ta’ liġi. Ċertament dan se jkun ta’ detriment għall-poplu Għawdxi għax inkella se jkollu jibqa’ bis-sitwazzjoni kif inhi. L-uffiċċju ta’ Għawdex, bħal dak ta’ Malta, se jkollu r-responsabbilta` li jippreserva noti, atti jew dokumenti kif ukoll l-aċċettazzjoni, il-preżentazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ atti reġistrabbli. Ovvjament hawnhekk qed nitkellmu wkoll fuq atti notarili. Problema oħra li niltaqgħu magħha f’Għawdex hija dwar il-fatt li għandna xi nutara, li lanqas tgħoddhom fuq id waħda, li mhux qed jaderixxu ma’ l-obbligu li huwa impost fuqhom f’artiklu 55 ta’ kapitlu 55 li jirrigwarda l-professjoni notarili. Dan l-obbligu impost mil-liġi huwa fis-sens li n-nutara għandhom l-obbligu legali li fi żmien xahar jiddepożitaw kull att li jkunu ppubblikaw fl-arkivju ta’ Għawdex. Għalkemm din il-liġi li għandna quddiemna as such ma tirrigwardax l-arkivji notarili, dan l-obbligu xorta waħda se jkollu effett dwar il-mod ta’ kif se noperaw fil-kontest ta’ din il-liġi, għax jekk ma jkollokx ċerti kuntratti li ma jkunux available ovvjament ma nistgħux naderixxu mar-rekwiżiti ta’ dan l-Att. Nixtieq nagħmel riferenza wkoll għal problema partikolari li qed niltaqgħu magħha f’Għawdex. Minħabba din il-problema għandna kawżi li ilhom pendenti ‘l fuq minn għaxar snin. Per eżempju, għandna problema dwar atti ta’ nutar li llum huwa mejjet, u dawn l-atti tiegħu qed jiġu preservati mill-familja tiegħu. Fil-fatt għandna diffikulta` enormi, biex ma ngħidx kważi impossibbilta`, li nottjenu kopji ta’ dawn il-kuntratti. Ovvjament dan qed joħloq inkonvenjent kbir mhux għall-klijenti biss imma anke għalina l-avukati li rridu naħdmu, u jekk ma jkollokx id-dokument legali f’idejk ma tistax tipproċedi. Per eżempju, jien u avukat ieħor għandna każ ta’ nutar li ma baqgħetx tipprattika ta’ nutar u meta spiċċat mill-operat tagħha ma qagħditx għall-obbligi tagħha skond l-artiklu 17 ta’ kapitlu 55 u la ħatret nutar konservatur u lanqas iddepożitat l-atti tagħha fl-arkivju ta’ Għawdex jew fl-arkivju ta’ Malta. Is-sitwazzjoni hija tali li għandna bżonn testment ta’ din in-nutar, u ġaladarba m’huwiex available dawn in-nies ma jistgħux jagħmlu causa mortis tal-persuna li ġiet nieqsa, bil-konsegwenza li jekk xi darba dan it-testment jiġi available u nagħmlu l-causa mortis, ovvjament se jkun hemm konsegwenzi xejn pjaċevoli, għax it-taxxa li se tkun dovuta se tkun waħda konsiderevoli. Ġaladarba jeżistu dawn id-diffikultajiet minn dawn in-nutara li mhux qed jaderixxu ma’ l-obbligu tagħhom, naħseb li it’s about time li xi ħadd jaqbad il-barri minn qrunu, jieħu azzjoni, u forsi xi darba nibdew inħarsu ‘l quddiem. Rigward ir-reġistrazzjoni ta’ titolu abbażi tal-preskrizzjoni akkwiżittiva f’Għawdex għandna ċerti problemi. Qed ngħid dan għax f’dawn l-aħħar snin kulmin ipprova jirreġistra t-titolu tiegħu abbażi tal-preskrizzjoni, l-applikazzjoni tiegħu waqfet għax kienu qed jintalbu jipproduċu l-kuntratti. Issa ovvjament min qed jinvoka l-preskrizzjoni, ma jkollux kuntratti għax normalment kulma jkollhom dawn ikun xi affidavit fejn jiddikjaraw li jkunu ppossedew il-proprjeta` għal aktar minn 30 sena. Imbagħad – hawnhekk qiegħda l-anomalija – ikollok applikazzjonijiet oħrajn li jsiru abbażi ta’ kuntratti regolari u jkun hemm xi ħadd li jdaħħal kawzjoni b’affidavit anness u jinvoka l-preskrizzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn tieqaf ukoll. Allura qed nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ikollok ħafna applikazzjonijiet li qed jiġu mwaqqfin u mhux qed jiġu proċessati għal dawn ir-raġunijiet. Dan l-abbozz ta’ liġi jikkontempla wkoll reġistrazzjoni ta’ titolu abbażi ta’ preskrizzjoni, pero` flimkien ma’ l-applikazzjoni, hawnhekk qed jingħad li se jintalab att reġistrabbli flimkien ma’ dikjarazzjoni maħlufa. Kif għedt qabel, min jinvoka l-preskrizzjoni, aktar iva milli le, ikollu affidavit, pero` dwar il-kuntratti, dawn ma jkollhomx, u allura qed nissuspetta li s-sitwazzjoni se tibqa’ status quo. Dan insostnih bil-fatt li meta tħares lejn l-artiklu 51, fejn qed jissemmew il-persuni li jistgħu jiġu reġistrati bħala sidien, l-abbozz ta’ liġi ma jsemmix persuna li tkun qed tippossjedi l-proprjeta` uti domini, u allura jkun hemm l-invokazzjoni tal-preskrizzjoni. Rigward it-tribunal imsemmi fi klawsola 69 jidher li se jkun hemm wieħed biss u li se jkun qed jisma’ l-kawżi f’Malta. Tant hu hekk li anke qed jissemma r-reġistru tal-prim awla ċivili, u qed jissemma’ wkoll li min ma jaqbilx mad-deċiżjoni tat-tribunal irid jintavola l-appell fil-prim awla tal-qorti ċivili li tinsab f’Malta. Dan ikun ifisser li jekk xi ħadd Għawdxi li jkollu jirrikorri għal dan it-tribunal jew xi stanza oħra jrid imur Malta, u dan aħna l-Għawdxin ma rriduhx. Min jiġi sal-qorti ta’ Għawdex isib li l-parti l-kbira tal-każijiet huma dwar proprjeta`. Għalhekk naħseb li jagħmel sens li anke f’Għawdex ikollok fergħa jew tribunal, imbagħad ikollok il-qorti tal-maġistrati ta’ Għawdex u s-sede superjuri tagħha li taqdi l-funzjoni tal-prim’awla. Hemm ukoll ċerti kontradizzjonijiet, u naħseb li huwa opportun li wieħed jiċċarahom għax forsi x’ħin qrajthom interpretajthom ħażin. Klawsola 14 titkellem dwar is-setgħat tar-reġistratur ċentrali li se jkollu l-fakulta` li jmexxi b’ċerti proċeduri li meta wieħed jarahom isib li huma kważi ġudizzjarji. Per eżempju, dan se jkollu s-setgħa li jeżamina taħt ġurament u jieħu dikjarazzjonijiet solenni u anke joħroġ ċitazzjoni għat-taħrik tax-xhieda. Dan se jkollu wkoll il-fakulta` li persuna tinstab ħatja u tiġi mmultata. Ġaladarba dawn il-proċeduri se jieħdu forma ġudizzjarja naħseb li huwa importanti li jiġu salvagwardati wkoll id-drittijiet taċ-ċittadin u jiġu segwiti d-dettami tal-ġustizzja naturali. Dan qed ngħidu għax f’partijiet oħra ta’ l-abbozz ta’ liġi fejn qed jissemma t-tribunal dawn l-affarijiet jissemmew, pero` x’ħin niġu għal din il-parti mhux qed jissemmew. Għalhekk ġaladarba jidher li qegħdin niddipartixxu mis-sistema tradizzjonali legali tagħna u qegħdin nintroduċu sistema inkwiżitorjali fl-ambitu ċivili, allura rridu noqogħdu aktar attenti. Qed jingħad ukoll li min iħossu aggravat jista’ jintavola appell quddiem il-qorti ta’ l-appell kemm-il darba din il-kwestjoni għandha tiġi riferita lit-tribunal. Rigward it-tribunal qed jingħad li meta tingħata l-opinjoni tat-tribunal, min ma jaqbilx magħha għandu jirriferi l-każ lill-prim awla tal-qorti ċivili, u skond subklawsola (6) ta’ klawsola 72 qed jingħad li m’għandu jkun hemm ebda appell mid-deċiżjoni tal-prim awla tal-qorti ċivili. Il-mistoqsija tiegħi hija din. Ġaladarba l-Att qed jeskludi l-appell, kif tista’ persuna aggravata tressaq l-appell quddiem il-qorti ta’ l-appell kif qed tgħid subklawsola (9) ta’ klawsola 14? Allura jien nistaqsi: Jekk jeżisti dritt ta’ appell, liema artiklu jikkontempla dan? Apparti minn hekk, f’subklawsola (3) ta’ klawsola 72 qed jingħad li l-prim awla għandu jkollha l-kompetenza li tiddeċiedi mhux biss l-affarijiet diskussi u determinati fit-tribunal iżda affarijiet oħra anċillari u relatati magħhom. Imbagħad f’subklawsola (5) qed jingħad li l-qorti m’għandhiex tħalli produzzjoni ta’ dokumenti jew xiehda oħra li ma kenux prodotti quddiem it-tribunal sakemm il-qorti ma tkunx sodisfatta li d-dokumenti jew xiehda meħtieġa nħolqu wara li ngħatat opinjoni jew li min talabhom ma kienx jaf bihom qabel. Normalment fl-appelli hekk isir, pero` hawnhekk għandek każ li huwa daqsxejn differenti għax quddiem il-prim awla jistgħu jinġiebu ħwejjeġ oħra anċillari u relatati li ma kenux neċessarjament quddiem it-tribunal. Għalhekk aktar probabbli milli le, il-parti li se tmur quddiem il-prim awla ma tkunx ġabet provi fuq dan. Ġaladarba dan ikun il-każ, huwa ovvju li l-parti li tmur quddiem il-prim awla trid tressaq il-provi ġodda. Ċertament dan il-każ ma jaqax taħt il-provisos li qed tagħmlilna l-liġi li tippermetti l-produzzjoni ta’ provi fil-każijiet stipulati biss, u allura naħseb li huwa opportun li f’dan il-każ parti jista’ jkollha dritt titlob li titħalla tipproduċi provi, ovvjament salv li tiddikjara r-raġuni għalfejn għandha bżonn tali provi, u mbagħad se mai ikun għall-qorti li tiddeċiedi tilqax it-talba jew le. Pero` żgur li le li, a priori u minn qabel, ma jistax ikun hemm din iċ-ċaħda awtomatika li xi ħadd iressaq provi ġodda, għax inkella nkunu qegħdin nostakolaw il-proċess ġudizzjarju. Sur President, qed jingħad ukoll li wara għaxar snin ikollna titolu garantit. Wara kollox, din hija s-sitwazzjoni li għandna bħalissa. Dan huwa garantit sa ċertu punt, għax jista’ jkun hemm korrezzjoni sa ħames snin wara li titolu jiġi dikjarat bħala garantit, u allura dik il-gap ta’ ħames snin tista’ toħloq inċertezza speċjalment meta jkollok persuna li mingħaliha jkollha titolu garantit, tidħol f’ċerti obbligi, f’dak il-perijodu ta’ ħames snin isiru l-proċeduri kif kontemplati fl-abbozz ta’ liġi, u jirriżulta li minflok titolu garantit ma jkollok titolu garantit xejn. Naħseb li jekk it-terminu ta’ għaxar snin m’huwiex biżżejjed għandu jiġi estiż, pero` wara dak it-terminu ma jistax ikun hemm emendi għaċ-ċertifikat. Dwar l-artikli l-ġodda li jirrigwardaw il-prokuri rrid ngħid li dawn huma importanti ħafna u se jsolvu ħafna problemi, pero` naħseb li hemm xi żball fid-data għax ma jistax ikun li tirreġistra xi ħaġa sa l-2005 li diġa` għaddiet. Diffikulta` oħra li qed nara hija dwar id-diversi termini li hemm indikati għall-preżentazzjoni ta’ atti reġistrabbli. Fil-fehma tiegħi naħseb li huwa opportun li wieħed jikkonsidra li jkun hemm terminu standard għax meta jkollok termini differenti, wieħed, ikun kemm ikun attent u jkun kemm ikun diliġenti, jista’ jkun li jfixkel terminu b’ieħor u allura jekk ikollna terminu wieħed, inkunu aktar attenti u nipprevjenu li jkun hemm xi taħwid jew konfużjoni. Dan huwa abbozz ta’ liġi kumpless ħafna u hemm ħafna xi tgħid dwaru. Jien ħadt gost naqrah u nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ħadmu fuqu biex jiġi ppreżentat lilna u anke lil dawk li taw il-kontribut tagħhom. Jalla dan l-abbozz ta’ liġi jkollu r-riżultat mixtieq biex kemm il-poplu kif ukoll dawk li jaħdmu fil-professjoni legali jieħdu benefiċċju minn dan l-abbozz ta’ liġi. Nirringrazzjak.
|
||||
|
©
2008 - Justyne Caruana
|