Abbozz ta’ Ligi li jemenda l-Att dwar ir-Refugjati
Abbozz Nru 4
  - 03/06/08

ONOR. JUSTYNE CARUANA:  Sur President, l-ewwelnett nixtieq nibda l-intervent tiegħi billi ningħaqad mal-kollegi tiegħi taż-żewġ naħat tal-Kamra u niddikjara li jien kontra kull forma ta’ razziżmu u kontra kull manifestazzjoni ta’ xenophobia.  Bħala membri tal-ġens uman u bħala insara huwa dover tagħna li ngħinu lil min huwa fil-bżonn. Bħala poplu, minkejja d-daqs ġeografiku żgħir tagħna, dejjem spikkajna għall-qalb u għall-ġenerożita` kbira u ovvjament huwa desiderabbli li nibqgħu hekk.  Pero` minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħna pajjiżna kellu jiffaċċja influss qawwi ta’ immigrazzjoni u bla dubju ta’ xejn, għalkemm aħna nipprovaw nagħmlu dak kollu possibbli biex naqdu d-doveri tagħna, mhux biss morali u umanitarju imma anke legali, tgħabbejna b’piż  kbir, piż li ċertament ma nistgħux inġorru waħedna.  Bħala pajjiż fil-periferija ta’ l-Unjoni Ewropea għandna an added hurdle għax ħafna drabi nkunu l-ewwel art li jsibu dawn in-nies u dan minkejja l-fatt li ħafna minnhom ma jkunux iridu jiġu hawnhekk.  Il-fatt jibqa’ li pajjiżna qed jilqa’ lil dawn l-immigranti u qed nagħmlu aktar milli nifilħu u allura ovvjament għandna bżonn l-għajnuna.

Smajna ħafna wegħdiet ta’ għajnuna u  messaġġi ta’ simpatija fil-konfront tagħna minħabba l-piż li għandna, pero` sinċerament inħoss li bis-simpatija u bil-wegħdiet ma nagħmlu xejn.  Għandna bżonn l-għajnuna konkreta fejn il-pajjiżi l-oħra ta’ l-Unjoni Ewropea jridu jerfgħu l-piż u jgħinuna wkoll.  L-emendi li għandna għall-abbozz ta’ liġi huma importanti ħafna u għandhom utilita` kbira.  Nemmen ukoll li kull każ u kull talba għal status ta’ rifuġjat għandu jiġi mistħarreġ tajjeb biex dawk il-każijiet li verament ikunu ġenwini u li jistħoqqilhom kull għajnuna, din nagħtuhielhom kemm jista’ jkun malajr.  Per eżempju, f’Għawdex nara ħafna nies ta’ nazzjonalita` differenti fit-toroq tagħna.  Issa jekk humiex regolari jew le ma nafx, pero` jinteressani ħafna li nkun jaf jekk hemmx xi awtorita` jew xi għaqda li qed tkun viġilanti f’Għawdex biex dawn in-nies jiġu stmati tajjeb u ma jiġux sfruttati.  Qed nirriferi b’mod partikolari għall- kondizzjonijiet ta’ l-impjieg u d-drittijiet tagħhom fuq il-post tax-xogħol.  Hawn ħafna postijiet tax-xogħol li fihom jaħdmu persuni ta’ nazzjonalita` barranija u rridu nassiguraw li dawn bl-ebda mod u fl-ebda ħin ma jiġu sfruttati għax wara li jkunu ħallew is-sitwazzjoni kerha ta’ pajjiżhom ċertament m’huwiex desiderabbli li jsibu xorti ħażina f’pajjiżna. 

 Sur President, ftit tal-ġimgħat ilu b’kumbinazzjoni ltqajt ma’ persuna li taħdem fuq bażi volontarja mar-rifuġjati u tkellimna fuq ħafna affarijiet.  Ovvjament l-ewwel ħaġa li titkellem dwarha meta tiltaqa’ ma’ persuni simili hija li meta tara xeni fuq it-televiżjoni ta’ nisa u tfal neżlin minn fuq id-dgħajjes u bċejjeċ tal-baħar oħra tinduna bil-bixra fuq wiċċhom li turi tbatija kbira u meta tqis li dawn jissograw ħajjithom biex jitilqu minn pajjiżhom u jfittxu ħajja aħjar għalihom u għal uliedhom, ma tistax ma tħossx għalihom u tkun tixtieq li tingħata l-għajnuna possibbli.  Sirt naf ukoll li meta jiġu determinati u kkonsidrati applikazzjonijiet ta’ nisa għal status ta’ rifuġjat m’għandniex sett ta’ linji gwida uffiċjali u formali biex applikazzjoni tiġi mistħarrġa b’mod li tkun gender friendly.  Sirt naf ukoll li barra minn Malta jeżistu dawn il-guidelines u l-uffiċjali tagħna ġieli jirriferu għalihom. Pero` naħseb li ġaladarba aħna pajjiż li għandu dan l-influss qawwi ta’ immigrazzjoni lejn xtutna jkun tajjeb li aħna stess infasslu l-linji tagħna b’mod li jkunu tassew addattati u jirriflettu s-sistema tagħna u l-bżonnijiet partikolari tagħna. 

 Huwa fatt li għalkemm l-irġiel u n-nisa jistgħu jiġu ppersegwitati għall-istess affarijiet, hemm ċerti modi ta’ persekuzzjoni li hija strettament femminili.  Hawnhekk qed nirriferi għal każ partikolari meta mara tiġi mġiegħla twettaq abort, xi ħaġa li ovvjament raġel ma jistax jiġi mġiegħel li jagħmel.  F’ħafna pajjiżi għandna sitwazzjonijiet fejn id-drittijiet tal-mara huma mkasbra u l-mara hija soġġetta għal trattament inuman u inaċċettabbli.  Għalkemm dan kollu huwa normali u aċċettat f’pajjiżhom u fil-kulturi tagħhom, lilna dawn l-affarijiet jixxokkjawna u nistkerrħuhom.  M’huwiex aċċettabbli għalina li jkun hemm nisa mutilati jew ikunu sterilizzati biex jiġu mċaħħda mill-maternita` tagħhom.  F’ċerti pajjiżi dawn l-affarijiet huma aċċettati imma fil-kultura tagħna m’humiex. 

 Għalkemm il-kummissjoni u l-bord ta’ l-appell tar-rifuġjati jqis dawn iċ-ċirkostanzi u ċirkostanzi simili bħala azzjonijiet li jammontaw għal persekuzzjoni u li allura jiġu kkonsidrati,  jiġri li ħafna drabi l-applikanti nisa jiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet biex jesponu l-każ tagħhom.  Jgħidulek li r-raġuni hija li l-proċeduri tagħna m’humiex gender sensitive biżżejjed u għal dan il-għan hemm bżonn li jsiru ċerti affarijiet.  L-ewwel u qabel kollox huwa importanti li jkollna aktar nies imħarrġa biex jintervistaw lil dawn in-nisa li ħafna drabi jkunu għaddew minn esperjenzi trawmatiċi u allura jkollhom bżonn l-għajnuna biex jispjegaw minn xiex ikunu għaddew u jsaħħu t-talba tagħhom quddiem il-kummissarju u quddiem il-bord ta’ l-appell.  Ovvjament quddiem każ ta’ abbuż m’huwiex faċli li titkellem aħseb u ara meta jkollok sitwazzjonijiet ta’ nisa li jkunu f’pajjiż barrani. Ħafna drabi jkun hemm problema tal-lingwa u ma jħossuhomx komdi li jitkellmu u allura ma jirnexxielhomx jesponu l-każ tagħhom tajjeb.  B’hekk it-talba tagħhom tiġi rifjutata. 

 Jinħass il-bżonn li malli nisa immigranti irregolari jaslu f’pajjiżna jiġu milqugħa minn uffiċjali ta’ l-immigrazzjoni nisa.  Dawn għandhom jinformawhom bid-drittijiet tagħhom mill-bidu nett għax ħafna drabi n-nisa ma japplikawx għalihom imma japplikaw għall-istatus flimkien ma’ żwieġhom.  Ħafna nisa jħossuhom skomdi jagħtu ċerti dettalji fil-preżenza ta’ żwieġhom stess partikolarment meta jkun hemm każijiet ta’ mutilazzjoni jew tkasbir tad-drittijiet tagħhom.  Għalhekk peress li jkun hemm żwieġhom preżenti dawn jispiċċaw biex lanqas biss isemmuhom.  Kif għedt qabel ħafna drabi l-applikazzjonijiet ta’ nisa jkunu applikazzjonijiet ta’ persuni dipendenti u allura t-talba ta’ dawn in-nisa tkun tiddependi ħafna mit-talba tar-raġel.  Normalment meta mara jkollha talba li tkun tiddependi fuq dik tar-raġel, il-mara tiġi mistoqsija biss biex issaħħaħ il-pożizzjoni tar-raġel u allura jekk il-pożizzjoni tar-raġel ma tkunx b’saħħitha biżżejjed tiġi miċħuda kemm l-applikazzjoni tar-raġel kif ukoll dik tal-mara li tkun tiddependi minnha. 

 F’dawn iċ-ċirkostanzi tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li f’ċerti kulturi l-mara m’għandhiex ir-rwol bħalma għandha fis-soċjeta` tagħna u għaldaqstant ma tiġix ikkonsultata mir-raġel fl-andament ta’ ħajtu u ma tkunx f’pożizzjoni li ssostni jew tikkollabora dak li jkun qed jgħid ir-raġel.  Għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa essenzjali li jekk il-mara jkollha bażi għal talba,  din għandu jkollha l-opportunita` li tagħmilha għax jista’ jkun li r-raġunijiet li jkollha l-mara jkunu ferm aktar ġustifikati minn tar-raġel tagħha.  Kif għedt, biex in-nisa jħossuhom aktar komdi li jitkellmu u jispjegaw dak li jkunu għaddew minnu u r-raġuni għalfejn ikunu qed jagħmlu t-talbiet tagħhom, għandu jkollhom il-fakulta` li, per eżempju, jitolbu għal interviewer li jkun ta’ l-istess sess.  Ovvjament mara tħossha aktar komda titkellem ma’ mara  għax ħafna drabi vjolenza u abbużi fuq nisa jiġu mwettqa mill-irġiel u allura hija ħaġa naturali li meta mara tiġi biex titkellem fuq dawn l-affarijiet tibża’ tiftaħ qalbha ma’ raġel.  Dawn l-affarijiet ixekklu lin-nisa mill-mod ta’ kif jispjegaw iċ-ċirkostanzi tagħhom u jipprovaw il-każ tagħhom.  Hawnhekk qed nitkellmu wkoll fuq dettalji intimi u allura huwa importanti li nkunu sensittivi f’dawn il-każijiet.  Min ikun qed jieħu ħsieb dawn il-każijiet irid ikun mistħarreġ tajjeb.  

 Ġibduli l-attenzjoni wkoll dwar l-interpreti għax ħafna drabi l-mod ta’ kif persuna tesprimi ruħha anke x’ħin tiġi għat-translation jaffettwa l-kontenut ta’ kif tkun qed tispjega l-affarijiet.  Għalhekk huwa importanti li l-mara li tkun qed tispjega ċerti dettalji personali u intimi jkollha l-interpretu - preferibbilment din tkun mara -  biex din tkun tista’ twassal il-każ bl-aħjar mod mil-lenti femminili.  Jekk waqt il-proċeduri jkun hemm bżonn xi ħadd espert li l-mara tkun teħtieġ l-għajnuna tiegħu naħseb li m’hemm xejn ħażin b’dan.    Kif għedt qabel min għandu raġuni valida u ġusta biex japplika għall-asil għandu jkollu kull dritt li jagħmel dan.  Dawn l-affarijiet li semmejt jirrigwardaw id-drittijiet tan-nisa applikanti biex jaġevolawhom aktar u jgħinuhom aktar fil-każijiet tagħhom.  Ma nistgħux inżommu lil kulħadd għax iċ-ċirkostanzi ma jippermettux, pero` ma nistgħux nibagħtu lura nies li jkunu ġejjin minn pajjiżi fejn il-kultura tagħhom u s-sitwazzjoni ta’ pajjiżhom hija tali li tkun ta’ periklu għas-sigurta` tal-persuna u fejn il-ksur tad-drittijiet umani jkunu the order of the day.  Għandna nagħtu l-opportunita` lil kulmin ikollu każ ġenwin biex iressaq il-każ tiegħu biex jiġi trattat skond il-liġi.

Jekk dawn in-nisa qegħdin jiltaqgħu ma’ dawn id-diffikultajiet naħseb li ma jkun hemm xejn ħażin, anzi huwa suġġeribbli, li kemm jista’ jkun malajr jiġu introdotti dawn l-għajnuniet biex dawn in-nisa jkollhom verament id-dinjita` tagħhom imħarsa.  Nirringrazzjak, Mr Speaker.

© 2008 - Justyne Caruana