![]() |
||||
|
Estimi ta’ dhul u nfiq tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u ta’ Patrimonju Malta ghas-sena 2007/2008 - 18/06/08 |
||||
ONOR. JUSTYNE CARUANA: Insellimlek, Sur President. Jien bħalma nagħmel is-soltu se nieħu l-opportunita` biex nitkellem dwar il-qagħda f’Għawdex li hija realta` li ġejja minnha u se nsemmi diversi problemi u punti li naf bihom jien f’dan il-qasam bit-tama li jiġu nnotati ħalli s-sitwazzjoni timxi ‘l quddiem. B’hekk Heritage Malta f’Għawdex tkompli topera aħjar minn qabel u dan għall-benefiċċju kemm ta’ l-Għawdxin stess imma aktar u aktar ta’ dawk li jiġu jżurna biex verament noffrulhom esperjenza unika u ta’ kwalita`. Madwar sena ilu fi ħdan Heritage Malta sar ċertu ċaqliq fis-sens li s-senior curators u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom ġew shifted. Fil-fatt il-manager tal-mużewijiet u tas-siti f’Għawdex ingħata r-responsabbilta` bħala senior curator fil-mużew ta’ l-etnografija kif ukoll il-Forti ta’ Sant’Anġlu fil-Birgu u dan fl-istess waqt baqa’ jaġixxi wkoll bħala acting manager tal-mużewijiet u tas-siti f’Għawdex. U l-ewwel punt li nixtieq insemmi huwa li dan il-fatt jikkontrasta bil-kbir ma’ dak li ġara f’Malta għax f’Malta is-senior curators li ġew maħtura mill-ewwel ħadu r-responsabbiltajiet ġodda tagħhom u bdew jaħdmu għall-benefiċċju ta’ dan il-qasam f’Malta. Għalhekk jien nistaqsi: Għaliex f’Malta ġara dan u f’Għawdex imbagħad il-post ta’ manager qed jiġi okkupat minn acting manager u ma nħatarx manager ġdid kif ġara f’Malta? Qed nistaqsi dan għax filwaqt li f’Malta għandek senior curators li huma responsabbli mill-mużewijiet, il-kollezzjonijiet u s-siti arkeoloġiċi, f’Malta għandek il-managers li huma responsabbli minn diversi oqsma ta’ l-amministrazzjoni. F’Għawdex dawn il-funzjonijiet qed taqdihom persuna waħda li għandha sieq ‘l hawn u sieq ‘l hemm. Allura ħafna qed iħossu f’dan il-qasam li qed nonqsu mill-aspett professjonali f’dan il-qasam għax ma jagħmilx sens li jkollok persuna waħda li kif għedt, għandha funzjonijiet f’Għawdex u funzjonijiet f’Malta li tkun qed taqdi ż-żewġ funzjonijiet f’daqqa jiġifieri kemm il-parti amministrattiva kif ukoll il-parti teknika. Illum is-sens ta’ professjonalita` jirrikjedi li jkun hemm dawn iż-żewġ rwoli separati. Wara kollox dan huwa kif qed jiġri f’Malta u allura għandu jsir f’Għawdex ukoll. Mill-banda l-oħra din is-sitwazzjoni qed twassal għal inċertezza u ambigwita` għax irid joħroġ ċar dwar safejn jaslu r-responsabbiltajiet u l-limiti tal-manager u tas-senior curator għal dak li jirrigwarda l-parti teknika u l-parti amministrattiva. Jekk is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata sfortunatament m’hi qed twassal xejn għajr għal frammentazzjoni tal-parti teknika f’Għawdex u din il-frammentazzjoni kollha qed tmur kontra kull sens ta’ loġika u effiċjenza u jien persważa li din il-ħaġa ma jixtieqha ħadd u allura hemm bżonn li tiġi indirizzata kemm jista’ jkun malajr. Dwar il-mużew ta’ l-arkeoloġija ta’ Għawdex fis-sena 2004 fis-Sentinella kien sar seminar dwar il-viżjoni li l-Heritage Malta għandha għal Għawdex u proprju dakinhar iċ-chairman tal-Heritage Malta kien qal li l-proġett tal-mużew ta’ l-arkeoloġija f’Għawdex kellu jitlesta sa l-aħħar tas-sena 2005. Issa mis-sena 2005 kważi għaddew tliet snin u l-proġett għadu mhux lest. Fil-fatt min imur iżur dan il-mużew jara kif għad fadal diversi spazji vojta li għadhom ma ntlewx bil-grafika jew informazzjoni kif kien proġettat u mwiegħed miċ-chairman ta’ Heritage Malta. Barra minn hekk kien hemm il-faċilita` interattiva permezz ta’ computer li kienet available f’dan il-mużew u kienet popolari sew mal-viżitaturi ta’ dan il-mużew u li tneħħiet xi żmien ilu. Minn dakinhar għadha ma ġietx stallata. Hemm ukoll in-nuqqas ta’ CCTV. Din kienet tneħħiet minn dan il-mużew sa minn meta beda l-proġett u ovvjament meta jkollok nuqqas ta’ sistema ta’ sigurta` hemm ċerti karenza minn dan l-aspett li wieħed jixtieq li jiġi indirizzat biex nissalvagwardaw il-mużew u l-affarijiet li jkun hemm esibiti hemmhekk. Dwar il-mitħna ta’ Kola li tinsab fix-Xagħra u li tiffigura wkoll fir-rapporti li ġew mgħoddija lilna irrid ngħid li din aħna nikkonsidrawha bħala ġawhra enormi u jekk tmur ix-Xagħra tinduna kemm in-nies ta’ din il-lokalita` huma kburin b’din il-mitħna. Pero’ sfortunatament dawn l-aħħar snin din il-mitħna tħalliet fi stat ta’ abbandun, u ma saritilha ebda manutenzjoni bil-konsegwenza li tant spiċċa fi stat ħażin li kellha tiżżarma. Hija ħasra għax qed inċaħdu lil min qed jiġi jżurna minn dan l-asset tant sabiħ u tant importanti u hija ħasra wkoll li kien hemm min kellu esperjenza ħażina għax minħabba l-istat u l-kondizzjoni li kienet tinsab fiha anke ħolqot ċertu perikoli għal min jiġi jżura u allura ħalliet ukoll dik l-impressjoni ħażina fuq dawn in-nies. Issa dan huwa eżempju klassiku ta’ fejn ixxaħħaħna għal ftit biex issa se neħlu tal-ħafna għax issa se tintefaq spiża mhux ħażin biex din il-mitħna terġa’ ssir mill-ġdid. Għar-rigward tat-tempji ta’ Ġgantija, again dawn huma assets imprezzabbli mhux biss għal Għawdex u għal Malta imma għad-dinja kollha, u dwar dan il-post tant importanti ta’ min isemmi l-isponsorship li kien ingħata mill-Vodafone. Issa minkejja li ngħata dan l-isponsorship mill-Vodafone għadu ma sar ebda xogħol ta’ konservazzjoni u lanqas ta’ restawr fuq it-tempji nfushom. U fil-fatt sal-lum il-ġurnata, il-ħitan għadhom mifrudin u ilhom hekk ormai għal diversi snin, u kulma sar fi Ġgantija to be fair sar xogħol ta’ tisbieħ permezz ta’ ġebel tas-sejjieħ u tħawwil ta’ siġra li ma nistax ngħid li mhux xi ħaġa tajba għax qed tabellixxi l-post, pero’ ċertament huma ferm ‘il bogħod minn dak li hemm bżonn isir f’dawn it-tempji fejn għandek partijiet minnhom li qegħdin fi stat prekarju u hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata biex insalvawha. Nirriferi wkoll għall-paviment ta’ l-injam, kien hemm paviment ta’ l-injam li kien jipproteġi l-art oriġinali tat-tempji. Dan tneħħa u allura llum il-ġurnata kull min imur fil-parti li tista’ taċċedi għall-Iġgantija, qed jimxi fuq l-art proprja. Dan ovvjament qed jikkawża dannu għall-art, u dan hu irreparabbli u allura hemm bżonn li jiġi indirizzat minnufih. Fir-rapport ta’ Heritage Malta jissemma wkoll ix-showcases ġodda tal-mużew tax-xjenza naturali fiċ-Ċittadella. Dawn ix-showcases il-ġodda m’ilhomx li saru pero’ diġa’ jidher li għandhom ħsarat strutturali fil-qiegħ tagħhom. L-istess qiegħ spiċċa jitkaxkar ma’ l-art bil-konsegwenza li ma jistgħux jitmexxew għax dawn ix-showcases qegħdin fuq ir-roti, u ġaladarba ċeda l-qiegħ ma jistgħux jiċċaqilqu minn hemm u minn hawn. Hemm ukoll numru ta’ specimens li huma esebiti f’dawn ix-showcases li qed isirilhom ħsara. U jidher li r-raġuni hi li l-materjal li ntuża għal dawn ix-showcases mhuwiex materjal idoneu għal dawn it-tip ta’ specimens u rriżulta li meta dawn l-ispecimens tpoġġew f’dawn ix-showcases qed isirilhom ċertu ħsara, u allura ċertament jekk dawn ix-showcases mhumiex idonei u mhumiex tajbin, allura kellu jiġi replaced. Jien ovvjament qed insemmi dawn in-nuqqasijiet mhux għax qed nieħu gost bil-ħsara, anke jien l-ewwel waħda li l-ħsara ddejjaqni u qed inġib dawn l-affarijiet għall-attenzjoni tal-ministru għax naf kif qal l-Onor. Galdes kemm il-ministru taħdem u kemm għandha għall-qalba s-settur li tkun topera fih, u appuntu qed inresqilha dawn l-affarijiet biex tikkonsidrahom u timmeljorahom. Issa dwar ir-rapport tas-soprintendenza għall-patrimonju kulturali, again Għawdex issemma ħafna drabi li huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija. Ir-rapport isemmi postijiet partikolari li jien tkellimt ħafna dwarhom kemm f’dan il-parlament kif ukoll barra. U dawn f’diversi okkażjonijiet u b’mezzi differenti. Fir-rapport qed jingħad ukoll li s-soprintendenza għandha observer status fil-laqgħat ta’ l-HAC fi ħdan il-MEPA u filwaqt li ngħid li din hija xi ħaġa tajba ngħid li dan mhux biżżejjed. U hemm bżonn li s-soprintendenza tkun iktar equipped, ikollha iktar riżorsi u jkollha vuċi iktar b’saħħitha fi ħdan l-awtorita’. Qed ngħid dan għax jekk ma jkunx hekk allura s-soprintendenza ma tkunx f’qagħda li twettaq il-fore functions li jissemmew fl-istess rapport. Issa qed ngħid dawn l-affarijiet in partikolari għall-iżviluppi li hemm pendenti f’Għawdex, u li qed jissemmew fir-rapport ukoll. U in partikolari xtaqt insemmi l-iżvilupp tar-Ramla li kien qajjem ċertu kjass, u bir-raġun, u fir-rapport qed jingħad ċar u tond li dan l-iżvilupp huwa ikkonsidrat li sar iħalli a high negative impact on cultural heritage of the area. Minkejja dak li qed tgħid is-soprintendenza dwar x’inhu l-istat reali u attwali ta’ dan l-iżvilupp, illum il-ġurnata kulħadd jaf is-sitwazzjoni x’inhi. Qabel l-elezzjoni ovvjament kien hemm interess li din l-issue tibqa’ low toned għaliex kien hemm l-għaqdiet ambjentali li qamu bil-qawwa kontra tagħha. U allura l-gvern kellu kull interess li jogħġob u ma jitlifx il-voti. Ovvjament l-elezzjoni għaddiet u l-gvern forsi jħossu iktar komdu li jaħseb u jaġixxi mod ieħor. Fil-fatt nafu li l-applikazzjoni issa ħadet volta oħra, sirt naf ukoll li diġa’ bdew isiru xi xogħlijiet minkejja li l-permess għadu ma ħariġx, naf ukoll li nqalgħu xi siġar, u naf ukoll li saru rapporti lill-uffiċjali nkarigati tal-MEPA, naf li l-ilmenti waslu għand saċ-chairman tal-MEPA u ma ttieħdet ebda azzjoni. U għalhekk jien nieħu l-opportunita’ sabiex min għandu jagħmel xi ħaġa jagħmilha għax dawn mhumiex affarijiet serji, mhumiex affarijiet aċċettabbli. U nistieden ukoll lil dawk kollha li konna wrejna l-ħsieb tagħna, konna vuċi soda qabel l-elezzjoni kontra dan l-iżvilupp nerġgħu anke nsemmu leħinna u naġixxu sakemm ikun hemm il-ħtieġa. Fir-rapport tas-soprintendenza qed jissemma wkoll il-lokalita’ tal-Kus. Din ili snin twal nitkellem fuqha għax tal-Kus jinstab fir-raħal tax-Xewkija, raħal li jien qrib ħafna tiegħu, nopera ħafna f’dan ir-raħal u ovvjament huwa għall-qalbi ħafna. Issa dan ir-raħal għal min ma jafx, ma nafx x’hemmx għax għandek iż-żona industrijali li qiegħda bi swiet iż-żona residenzjali, għandek antenna daqsxiex ta’ l-Enemalta, għandek antenna daqsxiex tal-Vodafone, se jsir żvilupp mill-Enemalta li se jkun qrib ukoll taż-żona industrijali, għandek l-inċerinatur tal-biċċerija u konsegwentement ukoll u pari passu għandek l-ogħla rata ta’ nies morda bil-kanċer u ażma f’Malta kollha. U r-rata ta’ mard li hemm hija marbuta proprju mal-konċentrazzjoni qawwija ta’ emissjonijiet u ta’ raġġi li hemm f’dawk l-inħawi. Issa hemm il-waste transfer station ukoll li tissemma f’dan ir-rapport. U r-rapport stess jgħid li f’dawn l-inħawi proprju ftit metri ‘l bogħod minn Tal-Kus hemm fdalijiet arkeoloġiċi, u qed jgħid ukoll ir-rapport li l-landscape tal-madwar għandu jiġi protett u salvagwardjat u konservat. Ir-rapport stess isemmi wkoll l-iskavazzjonijiet li saru f’Għar ix-Xiħ u s-survey arkeoloġiku li sar fil-Wied ta’ Imġarr ix-Xini li jinstab ftit ‘il bogħod, u jikkonferma wkoll li kien hemm involuta l-universita’ ta’ Malta. L-Onor. Cristina semmiet ir-rwol tal-kunsilli lokali u l-ħidma li għamlu l-kunsilli lokali f’dan il-qasam. F’dan il-każ partikolari kien hemm joint venture tal-kunsill lokali ta’ Sannat u l-kunsill lokali tax-Xewkija li ffinanzjaw dan il-proġett biex isir dan l-istudju arkeoloġiku. Proprju s-sajf li għadda kien hemm anke esebizzjoni u ġew anke mistiedna kelliema biex jitkellmu fuq dan il-proġett, u nista’ ngħid mill-fatti li rajt, din l-esebizzjoni huwa ċar li għandek valur arkeoloġiku ta’ ċerta portata f’dawn l-inħawi. Pero’ l-Wastserv qed tkompli twebbes rasha u qed tkompli tinsisti u ovvjament dan il-proġett qabad ċertu rittmu issa. U minkejja r-rakkmandazzjoni tas-soprintendenza, dan addio kollox u baqa’ kollox għaddej. Mhux talli hekk biss, talli hemm fattur interessanti. Fil-bord tal-Wasteserv ġiet maħtura persuna li kienet kandidat mal-partit nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, u sa hemmhekk tajjeb li tkun rikonoxxenti għal min jappoġġak, pero’ din il-persuna li ġiet maħtura wara l-elezzjoni ġenerali ġiet eletta bħala kunsilliera tar-raħal tax-Xewkija u din mir-Rabat allura forsi ma tafx li n-nies tar-raħal tax-Xewkija din il-waste transfer station ma jriduhiex. Il-kwestjoni li għandi inkwiet ġewwa fija hija din, jekk din hija parti mill-bord tal- WasteServ fl-istess waqt hija kunsilliera f’din il-lokalita’ fejn din l-issue hija hot potato, jekk tqum kwestjoni din il-kunsilliera ta’ xiex se taġixxi ta’ membru tal- bord jew ta’ kunsilliera li suppost qed taġixxi fl-interess ta’ min eleġġiha? Jekk dan ma jissejjaħx kunflitt ta’ interess ma nafx x’jsita’ jisejjaħ kunflitt ta’ interess. Qed nistqarr li din il-ħaġa qed iddejjaqni ħafna tant qed iddejjaqni li ktibt artiklu fuq l-“orizzont” u qed nistenna li jkun hemm reazzjoni ta’ xi tipli s’issa għad m’hemmx. Inqas ma jkun hemm reazzjonijeit min-naħa tal-gvern dwar dan il-punt u inqas ma jkun hemm spjegazzjonijiet fuq din il-kwestjoni iktar u iktar ikolli nissuspetta jew ikolli naħseb li din kienet xi manuvra li saret apposta biex l-interess tax-Xewkija u tan-nies jiġi preġudikat. Dan il-fatt qed idejjaqni ħafna u nispera li jkun hemm xi tip t’a reazzjoni, ovvjament m’iniex qed nistenna lill-Ministru Cristina tirrispondini fuqha gaħx mhux tort tagħha jew b’xi involviment tagħha imma ġaladarba ssemma’ dan il-post u hemm ukoll il-kummenti tas-soprintendenza ħadt l-opportunita’ biex nitkellem dwar dan il-punt. Nerġa’ ntenni li l-affarijiet li semmejt, l-affarijiet il-ħżiena ma semmejthomx biex inkun semmejthom biss imma qed nippretendi li tittieħed azzjoni u tittieħed azzjoni għax nemmen li l-affarijiet iridu jsiru sew, iridu jsiru bil-għaqal, Għawdex mhux ġojjel biss qabel l-elezzjoni imma huwa ġojjel dejjem u jrid jiġi trattat tajjeb u jkollu verament dak li jixraqlu. Minn qalbi nispera li l-Minsitru Cristina tidħol f’dan il-qasam u verament taħdem għal ġid ta’ Heritage Malta u tas-soprintendenza f’Għawdex ukoll. Grazzi. Sur President. |
||||
|
©
2008 - Justyne Caruana
|