![]() |
||||
|
Indirizz b'risposta ghad-Diskors tal-President ta' Malta - 20/05/08 |
||||
ONOR. JUSTYNE CARUANA: Sur President, dan huwa l-ewwel diskors tiegħi f’din il-leġislatura u nixtieq nibda billi nifraħ lilek tal-kariga prestiġġjuża li ngħatajt. Nixtieq ukoll nifraħ u nirringrazzja lis-Sinjorina Pauline Abela, l-Aġent Skrivan ta’ din il-Kamra ta’ kemm tieħu paċenzja bina, kif ukoll lill-istaff ta’ dan il-parlament, lill-pulizija u anke lill-membri tal-Forzi Armati. Nixtieq nawgura wkoll lil sħabna l-membri parlamentari taż-żewġ naħat tas-suċċess personali li kisbu. Nixtieq nifraħ b’mod partikolari lill-membri parlamentari l-ġodda. Minn qalbi nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Għawdxin kollha talli għat-tieni darba konsekuttiva għoġobhom jafdawni biex nirrappreżentahom f’dan il-parlament u nwegħedhom li bħalma kont vuċi soda fil-leġislatura li għaddiet, kemm għal Għawdex kif ukoll għall-Għawdxin, f’din il-leġislatura se nkompli b’dan ir-ritmu. Grazzi kbira tmur għall-familja tiegħi u għal dawk kollha li għenuni fil-ħidma tiegħi waqt il-kampanja elettorali. Din kienet kampanja elettorali daqsxejn partikolari għax kienet daqsxejn diffiċli li nkampa ma’ elezzjoni u tqala, pero` bil-ħidma u bl-għajnuna ta’ ħafna nies irnexxieli nagħmel dan. Hawnhekk nixtieq nieħu l-opportunita` u nifraħ lill-kollega tiegħi l-Onor. Anthony Agius Decelis u lill-mara tiegħu għat-tarbija li kellhom il-ġimgħa l-oħra. Milli jidher il-catching phrase ta’ din il-leġislatura se tkun “naħdmu flimkien”, xi ħaġa li jekk verament isseħħ nemmen li se nkunu kapaċi nwettqu affarijiet kbar għal pajjiżna u nkunu qed nuru maturita` politika li l-poplu ġustament qed jistenna mingħandna. Pero` biex naħdmu flimkien ifisser li l-ewwel u qabel kollox irid ikollna rispett reċiproku. Huwa importanti u essenzjali li l-gvern jistma b’rispett lil din l-oppożizzjoni li tirrappreżenta nofs il-poplu Malti li emmen fina u fil-politika tagħna u eleġġiena proprju f’dan il-parlament biex nirrappreżentawh. Sur President, il-ġid ta’ pajjiżna u tal-poplu se jiddetermina l-mod ta’ kif aħna se naħdmu u noperaw f’din il-leġislatura. Pero` mbagħad il-gvern, min-naħa tiegħu, għandu juri bil-fatti u mhux bil-catching phrases biss li aħna jistħoqqilna kull rispett u konsiderazzjoni. Ċertament spiċċa dak iż-żmien fejn jiġi xi ħadd min-naħa tal-gvern jittrattana b’mod mhux xieraq billi jgħidilna li ladarba tan-naħa l-oħra għandhom maġġoranza ta’ ħames siġġijiet allura jagħmlu li jridu. Illum il-ġurnata l-affarijiet inbidlu, jifirduna biss hemm ftit mijiet ta’ voti u allura ċertament hemm aktar lok għal korrettezza politika. Ovvjament minkejja l-kliem sabiħ diġa` rajna ċertu kuntrast bejn il-kliem u l-fatti. Sinċerament dan ma tantx jawgura tajjeb għal li ġej u jimpinġi ħafna fuq il-kredibilita` ta’ dan il-gvern li qed jaġixxi b’mod, sa ċertu punt, kontradittorju u inkonsistenti ħafna. Fuq nota ġenerali dwar id-Diskors tal-President rajna proposti li konna għamilna aħna stess fil-pjan Laburista għal bidu ġdid. Dan sar ukoll fil-budget li għadda. Fil-fatt il-gvern ippreżenta proposti bħala tiegħu li konna għamilna aħna wara li kien ikkritikahom ħafna u fl-opinjoni tiegħi dan huwa ċertifikat tajjeb li l-proposti tagħna kienu verament tajbin. Rajna wkoll proposti oħrajn li huma riċiklati għax ilna nisimgħuhom f’din il-Kamra għal sena wara oħra. Ladarba dawn ġew ippreżenti jfisser ħaġa waħda, li minn dan assolutament ma sar xejn. Jekk dak li ġie propost jiġi mwettaq, jien l-ewwel waħda li nkun ferħana li pajjiżna jkun qed jimxi ‘l quddiem u javvanza, għax wara kollox aħna ta’ l-oppożizzjoni hekk irridu u nixtiequ. Pero` rrid infakkar li dan m’huwiex gvern ġdid imma huwa kontinwita` ta’ dak preċedenti u qed jerġa’ jipproponi affarijiet li ma wettaqx. Dan il-fatt jixħet ċertu dubju kemm dan il-gvern verament għandu r-rieda li jwettaq u kemm verament irid li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Għalhekk għad irridu naraw kemm dan il-gvern għandu l-ħeġġa li jaġixxi u kemm effettivament għandu l-kapaċita` li jmur ‘il hinn mill-paroli u jgħaddi għall-azzjoni. Sur President, dwar l-oqsma taż-żgħażagħ, sport u kultura jidher li l-gvern irrealizza kemm fl-aħħar leġislatura dawn l-oqsma tħallew lura. Ladarba ġie ristrutturat il-ministeru taħt it-tmexxija tal-Ministru Dolores Cristina wieħed jispera li l-affarijiet jinbidlu u jmorru ħafna għall-aħjar. Rigward il-qasam taż-żgħażagħ irrid ngħid li aħna bħala partit ukoll ħdimna fuq il-politika tagħna għaż-żgħażagħ għax ridna u għadna rridu li ż-żgħażagħ ikunu protagonisti anke fit-tfassil tal-politika u l-andament ta’ kif jitmexxa dan il-pajjiż. Fil-fatt il-politika tagħna saret miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ stess fejn stedinna lil diversi għaqdiet taż-żgħażagħ u flimkien magħhom fassalna proposti u ideat biex nindirizzaw ir-realtajiet u l-problemi relatati maż-żgħażagħ. Il-konċett prinċipali kien li rridu liż-żgħażagħ tagħna jkunu fit-tmun tal-ġejjieni. Ovvjament aħna dejjem irridu nimplimentaw u nsostnu l-konċett ta’ ċittadinanza attiva. Fuq quddiem nett fil-politika tagħna dejjem kellna u għad għandna l-problema tax-xogħol. Aħna nemmnu li x-xogħol huwa dritt sagrosant u jinkwetana ħafna l-fatt li għandna ħafna żgħażagħ li qed isibuha diffiċli ħafna li jinfiltraw fid-dinja tax-xogħol. F’Malta huwa diffiċli ħafna u nista’ ngħidlek li f’Għawdex huwa kważi impossibbli li żagħżugħ, anke jekk ikun akkademikament kwalifikat, jinfiltra fid-dinja tax-xogħol. Aħna inkwetati ħafna dwar il-kondizzjonijiet u d-drittijiet taż-żgħażagħ tagħna fuq il-postijiet tax-xogħol. Jidher li dan il-fatt qed jinkwieta lill-gvern ukoll. Kien għalhekk li aħna konna pproponejna proposta fejn l-istudenti tagħna, sa minn fuq il-bankijiet ta’ l-iskola, jiġu mħarrġin u jiġu ppreparati għad-dinja tax-xogħol biex ikunu jafu d-drittijiet tagħhom u x’għandhom jagħmlu jekk xi ħadd jipprova jkasbar u jimmina dawn id-drittijiet. Sfortunatament ix-xogħol prekarju u instabbli qiegħed isir aktar komuni. Dan qiegħed ukoll jaffettwa l-għażliet taż-żgħażagħ tagħna anke rigward il-formazzjoni tal-familja. F’dan id-dibattitu ssemmiet ħafna l-familja u dan huwa fattur li l-inċertezza li ġejja mix-xogħol prekarju u xogħol instabbli qed jaffettwa ħafna l- pedamenti tal-familji tagħna speċjalment dawk żgħażagħ. Min-naħa tal-gvern smajna wkoll lill-Ministru Tonio Fenech jgħid li għar-rigward tax-xogħol il-gvern qed jagħmel il-miri tiegħu għal din il-leġislatura. Huwa tajjeb li timmira għax jekk timmira tista’ forsi tolqot, pero` jien nistaqsi: Għaliex din il-mira ma saritx qabel? Kieku saret qabel forsi llum aħna f’pożizzjoni ħafna aħjar. Allura nħeġġeġ lill-gvern biex jekk għandu jagħmel xi ħaġa bl-aktar mod konkret jagħmilha issa u mhux iħalli għal aktar tard bħalma ġara fil-passat. Qed ninsisti ħafna fuq ix-xogħol għax teżisti frustrazzjoni fost iż-żgħażagħ tagħna li mhux qed jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u qed jidħlu f’ċirku vizzjuż bil-konsegwenza li mbagħad tbati s-soċjeta` ġenerali u anke dawn l-istess żgħażagħ u l-familji tagħhom. Xi ħaġa oħra fuq dan is-suġġett li xtaqt nindirizza hija li ċertament m’huwiex etiku li jiġi xi ħadd mill-isfera politika li juża l-vulnerabilita` taż-żgħażagħ. Dan qed ngħidu għax qabel l-elezzjoni kienet għaddejja kampanja ta’ intimidazzjoni fost iż-żgħażagħ li jekk jappoġġjaw lill-Partit Laburista jmorru ħażin. Dak m’huwiex l-ispirtu ta’ kif titmexxa kampanja elettorali fost iż-żgħażagħ. Aħna tal-Partit Laburista qatt ma dħakna biż-żgħażagħ u m’għamilniex bħalma għamel gvern Nazzjonalista li fil-budget li għadda ġie hawnhekk jiftaħar li se jagħti €1.2 miljun għall-iskema ta’ l-equity sharing u f’dawn l-aħħar ġranet smajna li din l-iskema ġiet sospiża u l-applikazzjonijiet m’humiex qegħdin jiġu proċessati. Dan ħoloq inkonvenjent għal koppji żgħażagħ li kellhom arranġamenti u konvenji pendenti li issa qed jinkwetaw dwar x’se jiġri minn dan is-sussidju. Sur President, għalina l-edukazzjoni kienet, għadha u tibqa’ prijorita`. Ninsabu inkwetati ħafna dwar il-fatt li għandna żgħażagħ li qed joħorġu illitterati jew semi-illitterati mill-iskejjel u anke mingħajr ħiliet bażiċi li wieħed normalment jistenna meta ż-żgħażagħ joħorġu mill-iskejjel. Dawn huma fatturi li qed ixekkluhom meta jiġu biex jimpjegaw ruħhom. Għalhekk aħna konna għamilna proposti f’dan is-sens biex ir-riżors uman tagħna kemm jista’ jkun nippreparawh tajjeb għad-dinja tax-xogħol ħalli nkabbru l-produttivita` u l-kompetittivita` u naqgħu fil-parametri ta’ l-aġenda ta’ Lisbona u mhux dejjem nibqgħu fl-aħħar kif qegħdin s’issa. Bl-għaqal u mingħajr ma nagħmlu l-edukazzjoni xi ħaġa politika naħseb li nistgħu naraw x’hemm bżonn isir, u jekk hemm bżonn issir xi ħaġa indipendentement minn min ikun ipproponiha naħseb li huwa għaqli li ssir. Rigward l-oqsma tal-kultura u ta’ l-isport, aħna bħala partit ukoll għamilna l-politika tagħna. Fl-aħħar budget il-gvern ħa xi proposti minn tagħna wkoll pero` għad baqa’ proposti oħrajn u dawn huma pubbliċi u għall-ġid tal-pajjiż naħseb li m’aħna se ngħidu xejn jekk min-naħa tal-gvern jissellfu xi tnejn bħalma għamlu fil-budget li għadda. Aħna ħarisna lejn il-kultura bl-aktar mod wiesa’, soċjali u inklussiv biex ikollna politika kulturali li tiddistingwina mill-pajjiżi l-oħra kollha. Nixtiequ li jkun hemm proposti biex il-poplu tagħna japprezza aktar il-kultura ta’ pajjiżna u dak kollu li jagħmilna ġens Malti, u ovvjament min għandu talent għandu jingħata l-għajnuna neċessarja biex ikompli jiżviluppa t-talent tiegħu. Konna ttrattajna wkoll il-kultura mill-aspett ta’ tkabbir ekonomiku għax dan huwa settur li għandu potenzjal kbir li jikkontribwixxi għall-attivita` ekonomika ta’ pajjiżna, u b’kumbinazzjoni l-bieraħ dwar Għawdex, l-Onor. Frederick Azzopardi semma żewġ proposti interessanti, dak li jittella’ festival ta’ opri liriċi f’Għawdex u dak tal-mużew ta’ l-arti f’Għawdex. Dawn kienu żewġ proposti inkorporati fil-politika tagħna u fl-opinjoni tiegħi huma ideat tajbin. Għalhekk nistieden lill-gvern biex jistudjahom ħalli eventwalment jiġu in place. Rigward l-isport għamilna wkoll politika innovattiva u sħaqna ħafna dwar il-ħtieġa ta’ l-isport biex isir parti minn ħajjitna ħalli nkunu aktar b’saħħitna, dixxiplinati kif ukoll biex inneħħu l-istress tal-ħajja ta’ kuljum. Indirizzajna l-aspett ta’ l-isport ukoll mil-lat ekonomiku tal-potenzjal ta’ dan il-qasam li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. Nemmen li jekk nindukraw dawn iż-żewġ oqsma bil-għaqal inkunu nistgħu noħolqu niċeċ għalina speċjalment fit-turiżmu, u t-talent li għandna f’pajjiżna nkomplu ngħinuh u nippromwovuh. Naħseb li huwa opportun li peress li din il-ġimgħa se jkollna l-ambaxxatriċi tagħna li se tikkontesta fil-Eurovision nifirħilha minn hawnhekk. Qed jingħad li l-Għawdxin għandhom sfidi partikolari li jridu jingħelbu biex dawn igawdu sehem sħiħ fis-suċċess tal-pajjiż. Jien qed nikkwota minn dak li qal il-President. Hawnhekk għandna rikonoxximent formali fejn sfortunatment l- Għawdxin waqgħu lura. Jien l-ewwel waħda jiddispjaċini li dan qed isir u nixtieq ħafna li l-gvern iwettaq dak li ma kienx kapaċi jwettaq s’issa f’20 sena. Nixtieq nara opportunitajiet ta’ xogħol u edukazzjoni ta’ kwalita` biex it-tfal tagħna jimxu ‘l quddiem. Nixtieq nara wkoll l-investiment u minflok ikun hemm Smart City u Smart Malta jkollna Smart Gozo wkoll. Nixtieq ukoll li negħlbu l-istaġjonalita` fis-settur turisitku u nimxu lejn turiżmu aktar kwalitattiv. Ovvjament nixtieq nara wkoll titjib fis-servizzi offruti lill-Għawdxin vulnerabbli u bil-problemi u bżonnijiet soċjali u speċjali. Fuq kollox nixtieq nara settur tas-saħħa mill-aqwa kif imwiegħed mill-gvern għax wara kollox aħna l-Għawdxin inħallsu taxxi daqskemm iħallsu l-Maltin. Li ma nixtieqx huwa li nagħmlu leġislatura oħra nisimgħu l-istess paroli mbagħad niġu fl-aħħar u jkun sar ftit li xejn jew li jkun sar ikun sar ta’ malajr u jibdew joħorġu d-difetti wara. Dan qed ngħidu għax fil-proġetti li saru fil-leġislatura li għaddiet il-gvern tant kien imdorri ma jagħmel xejn f’Għawdex li malli għamel xi ħaġa bdiet tispikka l-inkompetenza u l-inkapaċita`. Qed ngħid dan għax minkejja li ġiet stallata d-decompression chamber, wara sena u nofs għadha ma tħaddmitx, u l-Ministru għal Għawdex fid-diskors tagħha lanqas biss semmietha. Ir-rampi tal-karozzi u tal-passiġġieri tat-terminal ta’ l-Imġarr saru ħażin u kellhom jinqalgħu bil-konsegwenza li saru diversi spejjeż imbagħad reġgħu saru kif suppost. Meta qegħdin nitkellmu fuq toroq, f’nofs ix-xogħol irrealizzaw li riedu jagħmlu s-servizzi b’żieda konsiderevoli ta’ l-ispejjeż li kważi rdoppjaw. Meta saret it-triq tar-Ramla ma’ l-ewwel ftit xita saru diversi inċidenti għax beda ħiereġ xi materjal tat-triq stess u meta ngħalqet il-biċċerija suppost ingħalqet għal sitt xhur u għaddew ħames snin u nofs u din il-biċċerija għadha magħluqa. Rigward l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ irrid ngħid li għandna saga sħiħa. Rigward il-mużew li semma l-bieraħ l-Onor. Frederick Azzopardi dan qal li saru xi vetrini state of the art - jiena ninsab informata li dawn diġa` bdew jixxaqqu u anke għandhom xi ħsarat. Rigward is-servizz tas-saħħa kien sar ħafna ftaħir pero` nixtieq ngħid li kull filgħodu mal-vapur tas-7.30 a.m. titlaq coach ta’ pazjenti għat-trattamenti f’Malta, li minnhom għandek min imur l-Isptar Boffa għall-chemotherapy. Immaġina dawn in-nies li wara l-chemotherapy iridu jagħmlu dak il-vjaġġ. Imbagħad għandek min irid imur għal sempliċi test jew trattament żgħir ieħor. Per eżempju, anke għal mammogram trid tmur Malta aħseb u ara għal affarijiet kbar. Apparti minn hekk għandek min ikun rikoverat l-isptar, jiġifieri jkun batut u muġugħ, iktar mejjet milli ħaj, u lil dawn in-nies ġieli jaqbdu u jeħduhom l-isptar f’Malta bil-helicopter. Alla biss jaf kif ikunu dawn biex jagħmlulhom xi testijiet. Naħseb li din hija xi ħaġa inumana ħafna u hemm bżonn li tiġi indirizzata minnufih. Sena wara oħra dejjem nisimgħu li l-gvern se jindirizza dawn il-problemi pero` dejjem nibqgħu status quo. Rigward l-aspett ambjentali rrid ngħid li fid-Diskors tal-President kien hemm imsemmi l-konċett ta’ Għawdex bħala gżira ekoloġika li wara kollox kienet ukoll fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Personalment dan nikkonsidrah bħala konċett sabiħ u utli ħafna pero` hawnhekk nistaqsi: Dan kif se jiġi attwat? Milli jidher, anke kif qrajt fil-ġurnali, għadu ma sar ebda pjan u studju. Apparti minn hekk hemm kuntrast kbir bejn dan il-konċett kif qed jiġi propost u l-anomaliji ambjentali li jeżistu f’Għawdex. Dan qed ngħidu għax f’Għawdex hemm diversi proposti għal żviluppi mdaqqsa li qed jheddu l-ambjent u jidher li dawn għandhom l-appoġġ tal-gvern. Per eżempju, l-Onor. Marlene Pullicino semmiet l-iżvilupp tar-Ramla l-Ħamra li għall-ewwel qajjem ċertu kjass. Sakemm ġiet u għaddiet l-elezzjoni l-affarijiet qishom li kienu kkwietaw, imma donnu li issa li għaddiet l-elezzjoni, dan l-iżvilupp qed jerġa’ jissemma. Dan il-proġett huwa wieħed li se jibbenefika minnu grupp ta’ spekulaturi u li Għawdex ċertament li ekonomikament m’hu se jieħu xejn u se jkun detrimentali anke għall-ambjent. Ta’ min jgħid li r-Ramla l-Ħamra hija waħda mill-isbaħ bajjiet tad-dinja u żvilupp bħal dan se jgħarraq il-pajsaġġ u l-ambjent kollu tar-Ramla l-Ħamra. Hemm ukoll il-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien. Din hija waħda mill-uniċi żewġ bajjiet li għadhom fl-istat naturali tagħhom ġewwa Għawdex. Hemm propost żvilupp enormi li r-residenti tal-Qala u ħafna Għawdxin ma jriduhx għax, again, se jkun detrimentali għall-ambjent ta’ Għawdex. Flimkien ma’ dan hemm il-proġett tal-waste transfer station f’Imġarr ix-Xini li ftit ’il bogħod minnha għandek sit arkeoloġiku. Ir-residenti tax-Xewkija ċertament li mhumiex kuntenti bih u l-għaqdiet u NGOs li jaħdmu fil-qasam ta’ l-ambjent u ta’ l-arkeoloġija ċertament m’humiex jappoġġjawh. Sur President, nagħlaq billi ngħid li aħna ta’ din in-naħa għandna kull rieda tajba, pero` din trid tiġi reċiprokata min-naħa tal-gvern u aħna minn din in-naħa nistennew korrettezza politika, konsistenza u koerenza. Aġir mod ieħor kulma se jagħmel hu li jiffavorixxi l-firda u ċertament dan ikun detrimentali għall-pajjiż kollu. |
||||
|
©
2008 - Justyne Caruana
|