|
|
||||
|
Diskors tal-Budget - Edukazzjoni, Zghazagh u Impjieg nhar 10.11.05 |
||||
|
ONOR. JUSTYNE CARUANA: Sur President, illum qed niddiskutu ministeru li huwa wieħed mill-iktar importanti għaliex fih iħaddan il-qasam ta’ l-edukazzjoni, taż-żgħażagħ u sport u dak ta’ l-impjiegi, liema setturi, aħna, bħala oppożizzjoni Laburista, nemmnu li huma importanti ħafna u dejjem ħdimna bis-sħiħ sabiex nagħtuhom l-importanza li tixraqilhom kemm issa li qegħdin fl-oppożizzjoni u iktar u iktar meta konna fil-gvern. Naħseb li f’kull dibattitu kull wieħed u waħda minna hawn ġew, kemm ta’ naħa u kif ukoll ta’ oħra, dejjem jipprova jagħti l-kontribut tiegħu dwar is-suġġett li jkun qed jitkellem dwaru. Ovvjament il-parti l-kbira ta’ dak li aħna ta’ l-oppożizzjoni ngħidu ma tantx jinżel tajjeb ma’ tan-naħa l-oħra u allura b’xi mod jew ieħor jipprovaw ipinġuna koroh billi jgħidu li aħna naraw kollox iswed u kollox ikrah. Pero` huwa tajjeb li tan-naħa l-oħra jirrealizzaw li aħna m’aħniex qegħdin hawn biex ngħidu dak li jdoqq għal widnejhom biss, imma qegħdin hawnhekk biex nagħmlu dmirna, u dmirna hu li nikkritikaw bl-iktar mod kostruttiv biex nuru lill-poplu li aħna sensittivi għall-problemi li għaddejjin minnhom u li aħna dejjem konna u nibqgħu l-vuċi taż-żgħir. Sur President, meta smajt lill-prim ministru jaqra d-diskors tal-budget u jgħid kemm sejrin tajjeb, kemm hawn investiment u kemm naqas il-qgħad sinċerament ħassejtni daqsxejn skonċertata għax ħassejt li qisni qed ngħix ġo dinja oħra. Meta l-prim ministru u l-bqija tan-naħa tal-gvern jitkellmu b’dan il-mod jien nammirahom, sa ċertu punt. Għaliex? Għax dawn irridu jippridkaw vanġelu li deep down jafu li mhux daqshekk reali. Jien dejjem sostnejt li l-barometru ta’ kif sejrin l-affarijiet huwa x’qed iħossu n-nies u se jkolli naqbel ma’ dak li qal dalgħodu l-Onor. John Dalli meta qal li l-politika hija tan-nies u mhux tan-numri. Hawnhekk jiena qed nalludi għal dawk in-nies kollha li nhar it-Tnejn li għadda mxew magħna minħabba l-inċertezza tal-futur tagħhom u dawk in-nies kollha li javviċinaw lili u lill-kollegi tiegħi minħabba l-problemi tal-qgħad. Ovvjament dan jgħodd iktar u iktar għas-settur taż-żgħażagħ u mhux qed nitkellem biss għaż-żgħażagħ Għawdxin, imma qed nitkellem għaż-żgħażagħ kollha in ġenerali kemm ta’ Malta kif ukoll ta’ Għawdex. Jiena Għawdxija u forsi iktar jiena in touch mar-realta’ Għawdxija u nista` ngħid li, minkejja l-ftaħir kollu u t-tgħawwiġ ta’ fatti minn min jaqbillu jagħmel hekk, għandna kriżi fis-settur tax-xogħol speċjalment fost iż-żgħażagħ. Lili jiġu jkellmuni ħafna nies dwar il-problemi tagħhom, u għalkemm inkun nixtieq ngħinhom ħafna drabi ma nkunx nista’ għax insib ħafna bibien magħluqin. Sur President, jekk qed jingħad li ġie l-investiment barrani f’pajjiżna, allura aħna kif m’aħniex qegħdin inħossuh? Kif allura m’humiex jiżdiedu l-impjiegi biex iż-żgħażagħ tagħna jkollhom fejn jaħdmu? Naħseb li kulħadd ra lil dawk il-ħaddiema tad-Denim fuq il-mezzi tax-xandir. Dawk huma proprju xhieda ħajja tas-sitwazzjoni reali tal-pajjiż li ma jista’ jiċħadha ħadd. Il-ministru forsi lanqas jaf li għandek ħafna żgħażagħ Għawdxin li ta’ kull filgħodu jkollhom jaqsmu l-fligu biex jiġu jaħdmu Malta . Mhux qed nirriferi għall-ħaddiema tal-gvern għax ovvjament dawn bilfors iridu jiġu Malta , imma qed nirriferi b’mod partikolari għal dawk il-ħaddiema żgħażagħ kollha li f’Għawdex ma sabux xogħol u allura jkollhom jiġu Malta . Hawn irrid ngħid ukoll li mill-4 ta’ Diċembru dawn se jkomplu jiżdiedu għax se tagħlaq l-Imġarr Hotel u se jkollok 40 ruħ oħra li qegħdin ifittxu x-xogħol. Il-ministru għandu bżonn jara wkoll ftit l-abbużi li qed isiru fil-konfront ta’ dawk iż-żgħażagħ li biex iżommu l-impjieg tagħhom qed ikunu kostretti li jaħdmu taħt kondizzjonijiet żvantaġjużi ħafna. Għandek, per eżempju, ħaddiema li qed jiġu impjegati part-time u jaħdmu sigħat iktar milli kieku qegħdin jaħdmu full-time. Naħseb li għalhekk li mill-istatistika li qara l-prim ministru jirriżulta li l-impjegati part-time żdiedu, għax għandek dan il-fattur ukoll. Minħabba l-biża` li jispiċċaw mingħajr impjieg qed ikollhom jissubixxu trattament bħal dan u jaċċettaw dawn it-tip ta’ kondizzjonijiet. Sur President, qed jiżdiedu wkoll iż-żgħażagħ li jridu jemigraw lejn l-Amerika u lejn l-Awstralja. Meta għall-ewwel bdejt nisma’ b’dawn it-tip ta’ każijiet kważi ma ridtx naċċetta li wasalna f’din l-estrimita`, żgħażagħ li jridu jitilqu barra minn xtutna biex ifittxu x-xogħol bħalma kien ġara erbgħin sena ilu. Pero` jien nistaqsi: Illum, erbgħin sena wara, meta suppost mexjin ‘il quddiem u mhux sejrin lura, possibbli li hawn dawn is-sitwazzjonijiet? Ir-realta` hija li iva, hawn dawn is-sitwazzjonijiet u ż-żgħażagħ tagħna qed ifittxu li jitilqu barra minn xtutna biex isibu l-impjieg. Ħsieb ieħor imur għal dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol. Dan iż-żmien sfortunatament saret ħaġa komuni li għal kull ħaġa minima l-ETC taqta` lil dak jkun mir-reġistrar. Jien ovvjament m’iniex qed nirriferi għal dawk li huma traskurati jew għal dawk li jabbużaw, għax jekk tittraskura u tabbuża meta tkun qed tirreġistra eventwalment tispiċċa tittraskura u tabbuża anke fuq il-post tax-xogħol, imma qed nirriferi għal dawk il-każijiet verament ġenwini. Per eżempju, lili veru qed idejjaqni u jittikani l-fatt li meta żgħażagħ li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol jirċievu xi korrispondenza dwar xi interview u jmorru jistaqsu lill-impjegati ta’ l-ETC dwar dak li jkunu rċevew, qed jingħataw informazzjoni skorretta u dan iwassal biex imbagħad dawn iż-żgħażagħ jinqatgħu mir-reġistrar. Jiena mhux darba jew tnejn intavoljat appelli minħabba din ir-raġuni għax bir-rispett kollu huwa inġust li żgħażagħ li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol jinqatgħu minn fuq ir-reġistru wara li tkun ingħatatilhom informazzjoni ħażina mill-istess impjegati ta’ l-ETC. Mela dak li jkun ħa żball, ħa nsejħulu żball, jgħaddiha lixxa u qisu ma ġara xejn, imbagħad dak iż-żagħżugħ li ġenwinament imur jitlob l-informazzjoni u tingħatalu skorretta jispiċċa jinqata` mir-reġistru. Dan la huwa ġust u lanqas għandu jsir u allura hemm bżonn li jsir iktar monitoring biex nevitaw ċirkostanzi u sitwazzjonijiet bħal dawn milli jiġru. Għalhekk imbagħad joħorġu tan-naħa tal-gvern jgħidu li n-nies li jirreġistraw għax-xogħol qed jonqsu għax qed jinqatgħu mir-reġistrar minħabba raġunijiet banali bħal dawn. Sur President, jiena naħseb li l-ministru meta jirrispondina dwar is-sitwazzjoni ta’ l-impjiegi se jgħidilna: Daqskemm nedejna inizjattivi u programmi biex inħarrġu lin-nies li huma qegħda ħalli nsibulhom impjieg! Jiena lill-ministru ngħidlu: Dawn huma programmi u inizjattivi tajbin ħafna pero` għandek il-problema l-oħra, li jekk impjiegi mhux qed jiġu ġenerati, dawn iż-żgħażagħ xorta waħda mhux qed ikollhom fejn jaħdmu. X’jiswa li tagħmel il-programmi u inizjattivi ta’ taħriġ meta mbagħad mhux qed jinħolqu postijiet tax-xogħol! Inutli noqogħdu taparsi lil dawn iż-żgħażagħ nipprovaw nirranġawlhom biex jieħdu r-relief jew xi benefiċċju soċjali ieħor. Dan huwa abbuż sfaċċat li la qed jagħmel ġid liż-żgħażagħ in kwestjoni u lanqas lill-gvern. Jiena bħala żagħżugħa u bħala kelliema ta’ l-oppożizzjoni għaż-żgħażagħ inħossni fid-dover li nsemma’ leħni fuq dawn l-affarijiet u ma jidhirlix li għax qed nagħmel dmiri, għandu jqum xi ħadd tan-naħa l-oħra u jgħid xi diskors dispreġġjattiv fil-konfront tiegħi bħalma smajna l-bieraħ u dalgħodu stess. Meta jagħmlu hekk mhux lilna li nkunu qed nitkellmu jkun qed isir id-disprezz imma lil dawk kollha li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet kbar, f’dan il-każ iż-żgħażagħ kollha li ma jafux x’se jagħmlu bihom innifshom u li jixtiequ jaħdmu u ma jistgħux jsibu fejn. Din hija r-realta`. Hija kiefra imma dik ir-realta`. Tajjeb li tkun ottimist fil-ħajja imma bl-ottimiżmu biss ma tasal imkien. Dan mhux qed ngħiduh aħna biss imma qed jgħidu kulħadd. In-nies juruk u l-gvern għandu jkun konxju ta’ dak li qed tgħid in-nies u jirreaġixxi għal dan. Sur President, nixtieq issa nitkellem dwar każijiet partikolari li ltqajt magħhom jiena personalment. Jiena ġieli rċevejt xi e-mails jew SMSs li l-kontenut tagħhom jinkwetani ħafna. Per eżempju, riċentement irċevejt e-mail mingħand żagħżugħ ta' 20 sena li l-heading tiegħu b’tipa kbira kien “xbajt ngħix”. Jien ħadt qatgħa x’ħin rajt din l-e-mail. Meta komplejt naqra biex nara x’inhi l-problema ta’ dan iż-żagħżugħ sibt li dan ma jistax isib xogħol. Dan litteralment spiċċa qata` qalbu mill-ħajja u ħajtu qisha sfaxxat fix-xejn. Meta nisma` affarijiet bħal dawn naqbad u nitlaq kollox minn idejja u nipprova niddedika l-ħin kollu possibbli biex nipprova ngħin lil dawn in-nies. Huwa tajjeb li l-gvern ikun konxju ta’ dawn l-affarijiet u jara x’jista’ jagħmel. Qed insemmi dawn l-affarijiet mhux biex inpinġi kollox iswed, kif iħobb jgħid il-prim ministru, imma għax dawn huma l-weġgħat tal-poplu u aħna bħala rappreżentanti tal-poplu rridu nitkellmu dwarhom. Sur President, meta niġu għas-settur taż-żgħażagħ mil-lat amminsitrattiv insibu li d-dipartiment taż-żgħażagħ mhux qed jaħdem bl-aħjar mod possibbli. Qed ngħid dan għax għandek nuqqas ta’ staff u dan ifisser li għandek ċertu xogħol li mhux qed isir fil-ħin u x-xogħol fid-dipartiment qed jaqa` lura. Meta permezz tal-mistoqsija parlamentari numru 12,229 jiena kont staqsejt lill-ministru dwar dan, il-ministru kien irrispondieni li kienu se jittieħdu passi biex l-istaff complement jiżdied. Pero` jidher li minn dakinhar 'il hawn - u jidhirli li dik id-domanda kienet saret f’Mejju ta’ din is-sena - ma kien hemm l-ebda kambjament għax it-taqsima għadha qed taħdem b’żewġ impjegati full-time u wieħed part-time. F’mistoqsija oħra li kien għamel l-Onor. Abela dwar il-ħatra ta’ direttur fit-taqsima taż-żgħażagħ, il-ministru kien wieġeb li kien qed jikkonsidra jekk minflok jiġi maħtur direttur għandux wieħed iwaqqaf agenzija taż-żgħażagħ. Fil-frattemp minkejja din it-tweġiba t-taqsima taż-żgħażagħ m’hijiex qed taħdem bl-aħjar mod possibbli u allura l-gvern għandu jara kif din it-taqsima, li għandha rwol tant importanti fil-qasam taż-żgħażagħ, taħdem b’mod iktar effiċjenti u iktar trasparenti. Jiena nemmen li permezz ta’ din it-taqsima jista’ jsir ħafna xogħol siewi. Per eżempju, jistgħu jiġu offruti iktar servizzi liż-żgħażagħ biex jinħoloq iktar networking u anke tkompli toffri iktar assistenza liż-żgħażagħ u lill-għaqdiet tagħhom biex tiżdied il-parteċipazjzoni taż-żgħażagħ fid-diversi strutturi li għandna fil-pajjiż. Illum, iktar minn qatt qabel, jeħtieġ li fid-dawl tal-European youth pact il-policies tal-gvern għandhom ikunu iktar youth-friendly. Xi ħaġa proattiva, forsi aktar ‘il quddiem, għandha tkun li jkun hemm policy unit li tkun tista’ tgħarbel id-dokumenti li minn żmien għal żmien jgħaddu fl-Unjoni Ewropea u tipprepara l-pożizzjoni Maltija biex eventwalment dan is-settur ma jaqax lura u ż-żgħażagħ tagħna jkollhom kull opportunita` possibbli biex javvanzaw bħaż-żgħażagħ l-oħra minn pajjiżi oħra. Dan jista` isir biss jekk it-taqsima taż-żgħażagħ ikollha dawk ir-riżorsi umani u anke l-fondi neċessarji. Allura f’dan il-kuntest naħseb li iktar ma l-gvern se jdum biex isostni din it-taqsima iktar ikun qed iċaħħad liż-żgħażagħ minn dawn l-opportunitajiet li jinħolqu kultant żmien. Qed nirreferi b’mod partikoalri għall-youth action programme li għadu kemm ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew biex iktar żgħażagħ jiġu involuti fil-proġetti ta’ l-Unjoni Ewropea u jgħollu l-livell u l-kwalita` ta’ dawn l-attivitajiet. Jiena sinċerament nemmen li ż-żgħażagħ tagħna għandhom ħafna x’joffru u x’jikkontribwixxu u għalhekk iż-żgħażagħ u l-għaqdiet tagħhom għandu jkollhom kull opportunita` u kull għajnuna possibbli biex il-parteċipazzjoni f’dawn l-attivitajiet tkompli tiżdied. Sur President, hawnhekk nixtieq nikkwota statisitka li ħarġet reċentement. F’din l-istatistika jingħad li bejn l-2003 u l-2004 kien hemm żieda sostanzjali fil-pateċipazzjoni taż-żgħażagħ fid-diversi għaqdiet volontarji. Fl-2003 kien hemm 54,215 żagħżugħ u żagħżugħa, mentri fl-2004 dawn żdiedu għal 71,509. Naħseb li dawn il-figuri għandhom jagħmlulna unur u jinkoraġġixxu lill-gvern biex iżid iktar l-għajnuna għall-kontribut siewi li jagħtu dawn iż-żgħażagħ. Naħseb li wasal iż-żmien li titnieda xi tip ta’ skema jew xi tip ta’ sistema li permezz tagħha dan ix-xogħol volontarju jiġi rikonoxxut formalment b’tali mod u manjiera li jkunu jistgħu jużawh bħala riferenza għax-xogħol prospettiv li jkollhom.
Nixtieq ngħid ukoll li għandu jkun hemm iktar rikonoxximent għal dan ix-xogħol volontarju li dawn iż-żgħażagħ jagħmlu fil-komunitajiet tagħna. Jiena nħobb insemmi l-premju Żagħżugħ u Żagħżugħa tas-Sena li ta’ kull sena tniedi l-fondazzjoni OASI ta’ Għawdex u għalih jiġu nominati żgħażagħ minn kull parti ta’ Malta u Għawdex. Dawn iż-żgħażagħ li jiġu nominati għal dan il-premju huma ta’ eżempju tajjeb għal dawk iż-żgħażagħ l-oħra kollha li jistgħu jkunu f’diffikutlajiet, u naħseb li huwa mod pożittiv u inkoraġġanti għal dawk li jkunu qegħdin jaħdmu fis-settur tal-volontarjat. Hemm premji oħrajn li jingħataw. Per eżempju, din is-sena skoprejt – sinċerament ma kontx naf bih - li jingħata premju msejjaħ outstanding person of the year organizzat mill-junior chamber international. Sirt naf għax kont nominata għalih. Nominati miegħi għal dan il-premju kien hemm ukoll Nathan Farrugia tar-Razzett tal-Ħbiberija, il-ħabib tiegħi Għawdxi Kevin - minn hawnhekk insellimlu - u żgħażagħ oħra li ddistingwew ruħhom f’diversi kampijiet, speċjalment fil-kamp xjentifiku. Dawn huma żgħażagħ li jagħmlulna unur bħala pajjiż u naħseb li huwa importanti li nirrikonoxxuhom iktar ħalli nkomplu nħajru iktar żgħażagħ jipparteċipaw fil-ħajja ċivili ta’ pajjiżna. Sur President, ma rridx ninsa nsellem u nrodd ħajr lill-kunsill nazzjonali taż-żgħażagħ għax-xogħol siewi fil-qasam taż-żgħażagħ li għamel matul is-sena. Nixtieq nifirħilhom b’mod partikolari għas-suċċess ta’ l-inizjattiva tal-parlament taż-żgħażagħ li saret reċentement u li pparteċipajt fiha jiena wkoll. Kif għedt dawn iż-żgħażagħ u l-għaqdiet kollha li jkunu involuti fid-diversi attivitajiet għandhom ikunu ta’ eżempju għal dawk iż-żgħażagħ l-oħra li sfortunatament minħabba ċirkostanzi oħra, tort tagħhom jew ta’ oħrajn, jinsabu f’salib it-toroq. Qed nirreferi għal dawk iż-żgħażagħ kollha li huma vittmi tal-vizzju ta’ l-alkoħol u dak tad-droga li sfortunatment ħafna minnhom jispiċċaw jiċċappsu mal-kriminalita`. Minkejja li dawn l-issues jaqgħu taħt ministeri oħra bħal tal-ġustizzja u tal-familja u tas-solidarjeta` soċjali xorta nixtieq nagħmel appell biex lil dawn iż-żgħażagħ nagħtuhom iktar għajnuna. Hemm bżonn intejbu l-istrutturi tagħna biex dawn iż-żgħażagħ ngħinuhom joħorġu mill-vizzju tagħhom biex bir-rieda tajba ta' kull parti konċernata jkunu jistgħu jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjeta`. Sfortunatament dawn iż-żgħażagħ qed jiżdiedu u allura hemm bżonn li jiżdiedu wkoll il-faċilitajiet u n-nies speċjalizzati biex ikunu jistgħu jgħinuhom. Sur President, qasam ieħor importanti li jaqa` taħt dan il-minsteru huwa l-qasam sportiv. Huwa tajjeb li l-isport inħarsu lejh bħala mezz ta’ kif ngħixu ħajja iktar f’saħħitna. Pero` f’dan id-dibattitu rridu nitkellmu dwar l-isport minn perspettiva differenti u fuq livelli ftit iktar għolja. Sena wara l-oħra - u dan huwa t-tielet budget tiegħi - dejjem sħaqt fuq il-fatt li wasal iż-żmien li nibdew inħarsu lejn l-isport b’mod differenti u nipproġettawh fuq livell iktar professjonali. L-ewwel pass kien li tiddaħħal il-kultura sportiva fost iż-żgħażagħ, u l-introduzzjoni ta’ l-iskola sport kien pass importanti u konkret lejn din id-direzzjoni. Pero` naħseb li nistgħu nimxu iktar 'il quddiem jekk naħsbu bis-serjeta` biex ikollna skola speċjalizzata għall-isport. Din il-proposta nsemmiha minn sena għall-oħra, pero` ma tissema qatt min-naħa tal-gvern u allura qed nerġa’ nsemmiha biex forsi jkolli xi risposta. Qed insemmiha wkoll għax din kienet proposta elettorali numri 81 fuq il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt fil-manifest elettorali tagħhom kien hemm imniżżel hekk: “We will set up a specialised school for youngsters with exceptional promise in sports. We will also give bursaries for training overseas. Special assistance will be given to nurseries in various disciplines of sports.”. X’sar minnha din il-proposta? Fiex wasal l-ippjanar għaliha? L-idea wara t-twaqqif ta’ din l-iskola hija li nibdew inrawmu liż-żgħar promettenti tagħna f’ambjent professjonali u fl-istess ħin jiġu ppreparati akkademikament f’diversi suġġetti. L-importanza ta’ din l-iskola toħroġ mill-fatt li għalkemm l-atleti tagħna għandhom ħafna talent, meta jmorru jikkompetu fuq livell internazzjonali jispikka l-fatt li dawn m’humiex daqstant mitfugħin fuq l-isport bħall-kollegi tagħhom barra minn Malta li jikkonċentraw biss fuq it-training. Proposta oħra li nixtieq nagħmel f’dan ir-rigward hija li l-atleti tagħna għandhom jingħataw għajnuna finanzjarja biex imorru jagħmlu training barra minn Malta . Issa li qegħdin membri ta’ l-unjoni Ewropea naħseb li l-gvern għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jara kif iġib fondi jew jidħol fi programmi ta’ skambju biex l-atleti tagħna jmorru jagħmlu training barra biex jakkwistaw dik l-esperjenza. Problema oħra fil-qasam sportiv hija li aħna nikkonċentraw fuq sport li huwa popolari, imma fuq livell internazzjonali ma tantx jagħtina suċċess. Imbagħad għandna sport ieħor li m’huwiex daqshekk poplari li pero’ qed jagħtina ħafna suċċess. Qed nirreferi b’mod partikolari għall-atletika, għas-snooker, għall-isparar - hawn irrid insellem lil William Chetcuti għall-unur li għamlilna fuq livell internazzjonali - u r-rugby. It-team tar-rugby qed jirregalalna suċċess wara l-ieħor u naħseb li huwa tajjeb li ngħidu xi ħaġa dwar ir-rugby. Għal min ma jafx it-team tar-rugby ikkontribwixxa bi Lm300,000 lill-ekonomija ta’ pajjiżna, u qed jinformawni li s-sena d-dieħla dan l-ammont huwa mistenni li jiżdied. Għaliex? Għax dawn jospitaw teams barranin u meta jiġu dejjem iħallu xi ħaġa warajhom. Pero` għandna problema li m’għandniex pitches biżżejjed. Għandna pitch wieħed u meta jkollna lil dawn it-teams barranin nispiċċaw li jkollna xi 200 player f’daqqa biex jipprovaw jagħmlu t-training. Diffikulta` oħra li għandhom hija li l-international rugby board għandu Lm30,000 x’jagħti fi grants lit-team tar-rugby pero' bil-kondizzjoni li jkollhom titlu fuq il-pitch tagħhom. Allura peress li t-team tar-rugby qed jikkontribwixxi tant għall-ekonomija ta’ pajjiżna nħeġġeġ lill-gvern li jgħin lit-team tar-rugby u jikkonċedihielu t-titlu fuq l-art. Sur President, irrid ngħid xi ħaġa wkoll fuq il-kunsill għall-isport li jidher li ma tantx qed jiffunzjona tajjeb. Dan il-kunsill ġie allokat Lm420,000 u nista` ngħid li m’huwiex qed jilħaq l-għanijiet tiegħu, speċjalment dak ta' watchdog biex jara jekk dawk il-clubhouses li sena u nofs ilu ngħatatilhom proprjeta` hux qed jużawha għal skopijiet sportivi u mhux spekulattivi. Irrid nirreferi wkoll għas-saga li kellna din is-sena - nispera li ma tirrepeti ruħha qatt - bejn il-kunsill għall-isport u l-KOM. Dawn kellhom diverġenzi kbar bejniethom u hija xi ħaġa tal-mistħija li fil-qasam ta’ l-isport flok nispiċċaw li jkollna għaqda nispiċċaw li ninfirdu bil-kbir. Sur President, baqagħli ħafna xi ngħid pero` qed jgħiduli li l-ħin għad-dispożizzjoni tiegħi għadda. Nagħlaq billi nappella lill-gvern biex jagħti kas bis-serjeta` ta’ dak li qed tgħid l-oppożizzjoni ħalli l-poplu verament jgħix aħjar bil-fatti u mhux bil-paroli. Grazzi. |
||||
|
©
2007 - Justyne Caruana
|