|
|
||||
|
Diskors tal-Budget - Edukazzjoni, Zghazagh u Impjieg nhar 04.12.04 |
||||
|
ONOR. JUSTYNE CARUANA: Sur President, bħala żagħżugħa u ovvjament bħala kelliema tal-partit Laburista għaż-żgħażagħ, inħoss li llum iktar minn qatt qabel għandi nkun il-vuċi ta’ dawk iż-żgħażagħ kollha kemm Għawdxin kif ukoll Maltin li bħalissa għaddejjin minn diffikultajiet kbar. Dejjem nisimgħu li ż-żgħażagħ huma l-futur ta’ pajjiżna u li għandna ninvestu fihom sabiex eventwalment għada pitgħada jkollna soċjeta` aħjar. Fil-fatt l-obbligu tal-gvern huwa li jinvesti fiż-żgħażagħ u jassigura li l-ġejjieni tagħhom ikun sod u sigur biex eventwalment iż-żgħażagħ jissodisfaw l-aspirazzjonijiet tagħhom, jirrealizzaw ruħhom u jsibu posthom fl-istess soċjeta`. Dan huwa kollu kliem sabiħ imma kemm qed iseħħ minnu? Qed ngħid dan għaliex naħseb li aħna ta’ din in-naħa kif ukoll il-poplu qed naqblu li bħalissa s-sitwazzjoni fil-pajjiż hija diffiċli għal kulħadd. Jien minn hawn nixtieq nesprimi l-preokkpazzjoni tiegħi għal dak in-numru ta’ żgħażagħ li qed jispiċċaw mingħajr xogħol. Sfortunatament dan in-numru dejjem qed jikber, b’mod partikolari f’Għawdex. Hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq kwestjonijiet ta’ ħlewwa u ta’ mrar jew mhux ċifri li jistgħu jiġu interpretati b’mod jew b’ieħor imma qed nitkellem fuq fatti u esperjenzi li niltaqa’ magħhom ta’ kuljum u ma jista’ jmerihom ħadd. Il-gvern jgħid ħafna kliem sabiħ dwar pjanijiet u programmi u li saru studji u rapporti biex l-ekonomija tqum fuq saqajha u jiġu ġġenerati l-impjiegi. Pero` wieħed irid jiżen dak kollu li qed jingħad min-naħa tal-gvern u jarah mill-perspettiva proprja tiegħu. Sur President, temmen meta tara għaliex tant ilna nisimgħu l-istess diska u tant ilna nisimgħu affarijiet li l-poplu spiċċa bħal San Tumas li jibda jemmen meta jara u mingħajr ma jrid qed isir xettiku. Li kieku l-gvern verament kellu l-buona volonta` biex b’mod konkret jindirizza l-problema tal-qgħad fost iż- żgħażagħ, kont nippretendi li meta ġiet diskussa l-mozzjoni proposta mill-oppożizzjoni, l-atteġġjament tal-gvern kien ikun differenti. Wieħed mill-aktar membri tan-naħa tal-gvern li ħareġ kontra tagħha u li ħadha mill-aspett l-aktar negattiv tagħha, kien appuntu l-Ministru Galea li kien quddiemi u issa ma nafx fejn mar. L-aktar ħaġa inkwetanti hi li minkejja li n-naħa tal-gvern jgħajtu bil-consensus u li huma miftuħin għad-diskussjoni, meta għamilna l-proposti, kulħadd jaf kif ġew trattati dawn il-proposti. Sur President, meta jkollok problema kbira u trid issolviha, l-ewwel li trid tagħmel hu li tammetti li għandek problema u mhux l-ewwel tgħid li għandek problema u mbagħad tgħid li m’hijiex daqshekk problema. Ma jistax ikun li l-atteġġjament tal-gvern ikun daqshekk inkonsistenti u jekk il-gvern mhux se jindirizza l-problema kif suppost, mhux se jirnexxilu jsolviha. Jien niddejjaq nisma’ ċertu diskors, bħal, per eżempju, li l-problema tal-qgħad m’hijiex daqshekk gravi u li l-oppożizzjoni qed tpinġi kollox iswed. Dan it-tip ta’ diskors qed jurta ħafna nies, l-aktar lil dawk li qegħdin fil-periklu li jispiċċaw mingħajr xogħol. Dan id-diskors imisshom jgħiduh lil dawk il-ħaddiema tal-Merit li qed jgħidulhom li minn nhar it-Tnejn jew imorru jaħdmu Malta jew altrimenti jistgħu jinsew l-impjieg tagħhom. Barra minn hekk, hemm fabbrika oħra bħalissa li għadha kemm ittrasferiet l-operat kollha tagħha Tuneż u lill-ħaddiema qaltilhom li jew imorru jaħdmu Tuneż jew inkella jinsew l-impjieg tagħhom. Dawn huwa n-nies li qegħdin iweġġgħu, Sur President! Din hija r-realta` u ma tistax tiċħadha. Is-soluzzjonijiet u l-problemi ma tirranġahomx billi tirranġa lin-nies biex jieħdu r-relief jew biex jgħaddu bord. Iż-żgħażagħ xogħol iridu, speċjalment wara s-sagrifiċċji li jkunu għamlu biex jiksbu ċ-ċertifikati u jiggradwaw. X’futur hemm għal dawn iż-żgħażagħ? Dan mhux qed ngħidu jien biss. Fil-ġimgħat li għaddew, kien hemm iċ-ċerimonji tal-gradwazzjonijiet u rajna s-sens ta’ protesta li kien hemm anke permezz ta’ banners li saru. Dawn għandhom raġun għaliex wara tant snin ta’ sagrifiċċju - mhux tagħhom biss imma anke tal-familji tagħhom – qed jispiċċaw jiggradwaw u xorta ma jirnexxilhomx isibu xogħol jew inkella jsibu xogħol fejn jiġu sfruttati. Jien naf kollegi tiegħi li għadhom kemm gradwaw mill-kors tal-liġi – is-Sinjorija taf għaliex int avukat bħali – u spiċċaw jaħdmu f’law firms b’paga miżera. Barra minn hekk, hemm kategoriji oħra ta’ studenti li qed jispiċċaw f’jobs li huma over-qualified għalihom. Il-frustrazzjoni minn hemm tinħoloq, Sur President, għax dawn jibdew jipparagunaw ruħhom ma’ ħaddiema li jkunu fi scale baxx mal-gvern u li jkunu jaqilgħu aktar minnhom! Għandna problema akbar b’dawk iż-żgħażagħ li jkunu ħarġu mill-iskola mingħajr kwalifiki ta’ xejn. L-Onor. Carmelo Abela tkellem ampjament fuq dan l-aspett. Sfortunatament qed ikollna tfal li joħorġu mill-iskola lanqas biss ikunu jafu jiktbu isimhom! Ovvjament l-opportunitajiet għal dawn iż-żgħażagħ se jkunu ħafna aktar limitati minn oħrajn. Sur President, il-problemi tal-qgħad f’Għawdex, speċjalment ta’ żgħażagħ taħt it-30 sena, huma agħar għaliex minħabba ċ-ċokon, il-limitazzjoni, ir-riperkussjonijiet u l-effetti tas-sensji u tan-nuqqas ta’ xogħol, dawn jinħassu aktar. Iż-żgħażagħ Għawdxin fir-realta` m’għandhomx ħafna bibien xi jħabbtu u ħafna minnhom qed jispiċċaw jiġu Malta biex ifittxu x-xogħol. Hawnhekk għandek anomalija oħra fejn il-gvern kien impenja ruħu li aktar Għawdxin se jaħdmu f’Għawdex u fir-realta` spiċċajna b’aktar Għawdxin iħabbtu l-bibien Maltin. Hija ħasra għax iż-żgħażagħ għandhom bżonn ta’ inkoraġġiment u sens ta’ direzzjoni, liema bżonnijiet dan il-gvern qed jonqos milli jagħtihom! Sur President, l-għan tal-gvern għandu jkun li joħloq opportunitajiet ġodda u anke żbokki f’diversi oqsma. Dan għandu jagħmlu b’mod reali, bil-fatti u bil-provi kif ukoll b’impenn konkret u mhux b’ħafna kliem li x’ħin tagħsru ma ssib xejn. Inutli li joqogħdu jittimbrawna bħala l-uccelli del mal augurio jew id-doomsday u jpinġuna bħala dawk li naraw kollox iswed. B’dan l-atteġġjament qed ikun hemm ħafna żgħażagħ li qed jispiċċaw jaqbdu t-triq il-ħażina u saħansitra jispiċċaw jiċċappsu mal-kriminalita’. F’dan id-dibattitu nixtieq nespandi ftit fuq dan il-qasam għaliex fil-fehma tiegħi hija xi ħaġa inkwetanti u ta’ min jidħol fiha fid-dettall. L-involviment taż-żgħażagħ fil-kriminalita’ tant qed jikber li fis-sena 2003 tressqu 941 żagħżugħ il-qorti, mentri matul din is-sena s’issa tressqu 1,083. Jiġifieri n-numru ta’ żgħażagħ li qed jitressqu l-qorti fuq kriminalita’ qed jiżdied. Ir-raġunijiet li qed iwasslu għal dan jistgħu jkunu ħafna u m’iniex qed ngħid li l-affarijiet bdew iseħħu issa. Pero’ meta fil-pajjiż ikollok nuqqas ta’ xogħol il-kriminalita’ se tikber għaliex jekk ikollok restrizzjonijiet fuq il-mezzi finanzjarji, bilfors se tara minn fejn se ġġib il-flus! Qed jiżdiedu wkoll il-pressures fuq l-istudenti u ż-żgħażagħ tagħna kemm finanzjarjament kif ukoll minħabba impenji oħra bir-riżultat li ħafna żgħażagħ qed jispiċċaw jaqgħu f’dipressjonijiet jew f’xi vizzji. Hawnhekk qed nirriferi b’mod partikolari għall-pjaga tad-droga, li sfortunatament aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tħalli vittmi li l-biċċa l-kbira tagħhom ikunu żgħażagħ taħt it-30 sena. F’xogħli niltaqa’ ħafna ma’ dawn it-tip ta’ żgħażagħ u nħoss għalihom. Meta nkun qed nitkellem magħhom jgħiduli li spiċċaw f’din it-triq minħabba l-frustrazzjonijiet li jkollhom, fosthom għaliex ma jsibux min jismagħhom biżżejjed u għalhekk ikollhom dwejjaq kbar li jwassalhom fi żvog bħax-xorb jew xi vizzju ieħor. Sur President, m’iniex qed ngħid li dawn huma skużi ħalli ma ninftiehemx ħażin, pero’ jekk għandna problema rridu naraw li nindirizzawha bis-serjeta’. Ta’ xejn noqogħdu niftaħru kemm ressaqna nies il-qorti u affarijiet bħal dawn. Biżżejjed ngħid li fuq kwestjonijiet ta’ drogi matul is-sena 2003 tressqu 321 persuna filwaqt li din is-sena s’issa tressqu 557 persuna. Il-fatt li n-numru ta’ persuni li jitressqu l-qorti qiegħed dejjem jiżdied jindika li hawn aktar nies involuti fiċ-ċirku ħażin tad-droga u li qed jabbużaw minnha. Is-Sinjorija Tiegħek bħali tkun il-qorti u taf x’tip ta’ każijiet ikollna. Fil-fatt qed ikun hemm każijiet ta’ żgħażagħ li jinqabdu bil-pussess tad-droga, pero’ qed tinqabad il-ħuta ż-żgħira u l-importatur u t-traffikant tad-droga jibqa’ għaddej qisu mhux hu! Jien nifhem li l-pulizija tagħmel il-ħidma tagħha pero’ r-riżorsi tagħha huma limitati u għalhekk sta għall-gvern li jindirizza dawn il-problemi. Fl-istess ħin ma naċċetta qatt li jkollok każijiet bħalma smajna dan l-aħħar fuq il-mezzi tax-xandir fejn membri tal-korp tal-pulizija tressqu l-qorti minħabba akkużi ta’ droga! Lanqas ma naċċetta li kif smajna din il-ġimgħa stess fil-faċilita’ korrettiva, fis-sezzjoni taż-żgħażagħ ikun hemm id-droga u affarijiet oħra. Għax imbagħad bilfors li tibda tiddubita u tistaqsi; Allura din x’faċilita’ korrettiva hi? Dawn l-affarijiet ma jagħmlux sens iktar u iktar meta forsi jkollok żgħażugħ li jkun żbalja u jkun qiegħed jipprova jirriforma ruħu! Il-problema tad-drogi hija l-akbar pjaga li għandu dan il-pajjiż. Pero’ din il-problema ma tieqafx hawn għax min ikun fil-vizzju tad-droga aktarx jispiċċa jsir kriminal ukoll. Kulħadd jaf li l-vizzju tad-droga huwa wieħed expensive u jiena naf b’każijiet fejn żgħażagħ li jkollhom dan il-vizzju l-ewwel iduru fuq il-ġenituri tagħhom u jaraw x’ikunu jistgħu jieħdu mingħandhom, imbagħad ladarba ma jsibux x’jieħdu aktar joħorġu barra u jispiċċaw iwettqu hold-ups u serq ieħor, bir-riżultat li l-kriminalita’ tkompli tiżdied. Per eżempju, is-sena l-oħra fil-qorti tal-minorenni tressqu 63 ruħ, li l-kawżi prinċipali tagħhom kienu fuq serq u inġurji tal-persuni. Barra minn dan, qed ikollna wkoll il-problema tal-prostituzzjoni li kulma tmur aktar qed tiżdied fost iż-żgħażagħ. Din il-problema qabel kienet tkun aktar assoċjata ma’ nisa u tfajliet imma llum qed ikollna wkoll ħafna każijiet ta’ rġiel li jkunu ta’ eta’ żgħira. Biżżejjed ngħid li fis-sena 2003 tressqu 133 każ ta’ prostituzzjoni, li minnhom 36 kienu nisa u sitta kienu rġiel. L-iżgħar fosthom kien żagħżugħ ta’ 18-il sena. Għalkemm, kif diġa’ għidt, il-vizzji huma element ewlieni għaż-żieda fil-kriminalita’, wieħed ma jridx jinsa li hemm fatturi oħra għalfejn wieħed jispiċċa jħabbat difru mal-ġustizzja. U meta fil-pajjiż ikun hemm il-qgħad żgur li l-kriminalita’ se tiżdied u minħabba dawn iċ-ċirkostanzi tal-ħajja qed ikollna ħafna nies li jispiċċaw f’din it-tip ta’ ħajja. Sur President, hemm każijiet oħra li jekk wieħed jeħodhom at face value tħosshom li huma minimi, pero’ in the long-term jista’ jkun li jkollhom effetti gravi wkoll. Hawnhekk qed nirriferi għal dawk il-każijiet li niltaqgħu magħhom fis-seduti tad-distrett, speċjalment f’postijiet ta’ divertiment. Qed ikollna ħafna żgħażagħ imressqa l-qorti minħabba li jkunu kisru l-bon ordni bi ġlied u affarijiet oħra. M’iniex qed ngħid li kulmin jiġġieled jew jikser il-bon ordni huwa xi kriminal iżda meta tara r-raġunijiet li jkunu waslu għal dan il-ġlied bilfors jaqbdek id-daħk għaliex il-biċċa l-kbira jkunu argumenti banali bħal, per eżempju, fuq xi tfalja jew biex juru li huma superjuri għal ħaddieħor. Sur President, jiena ninkwieta meta tisma’ lil dawn iż-żgħażagħ jitkellmu fuq il-fatt li kellhom x’jaqsmu mal-ġustizzja bħalilikieku għaddew minn xi avventura, xi ħaġa li jitkellmu fuqha ma’ sħabhom u li anke jiftaħru biha! Wisq nibża’ li dawn iż-żgħażagħ li jkollhom ċertu enerġija qed jispiċċaw jiżvogawha f’affarijiet negattivi. Fil-kamp tal-kriminalita’ meta wieħed joqgħod jistudja ftit kif dawn iż-żgħażagħ ikunu kapaċi jidentifikaw the windows of opportunity u jkunu kapaċi jidentifikaw il-postijiet, il-ħinijiet u anke l-mezzi ta’ kif jippreparaw ir-reati tagħhom sabiex ovvjament jiggwadanjaw xi ħaġa titbellah u anke l-pulizija stess kultant jibqgħu mbellhin.
Ma nistax ma nsemmix ukoll il-każijiet ta’ stupru u abbużi sesswali li smajna bihom dan l-aħħar fejn naħseb li kulħadd baqa’ mkexkex b’dak li sema’. Fil-fatt dawn ġew perpetrati minn żgħażagħ fuq żgħażagħ oħra li saħansitra kienu sħabhom stess. Din hija xi ħaġa inkwetanti u ta’ min wieħed jindirizzaha immedjatament. Ħaġa oħra li qed issir komuni fost iż-żgħażagħ hija l-klikek li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jikbru. Hawnhekk m’iniex qed nitkellem fuq klikek ta’ meta konna żgħar u konna noħorġu flimkien u nqattgħu l-ħin tagħna flimkien. Dawn huma klikek li qed ikunu nvoluti f’atti ta’ vjolenza u tista’ tqabbilhom ma’ gangs ta’ New York jew il-Bronx li naraw fuq it-televiżjoni. Naf li s’issa kont daqsxejn negattiva, pero’ l-kuxjenza ma tagħtinix li ma nindirizzax il-qasam taż-żgħażagħ minn dan l-aspett ukoll. Sur President, appuntu nixtieq nirriferi għall-kliem li qal Dun Manuel Cordina waqt attivita’ annwali organizzata mill-OASI waqt il-premju ‘’Żagħżugħ tas-sena 2004’’. Dun Cordina qal li m’huwiex fair - u veru m’huwiex fair – li nħarsu lejn iż-żgħażagħ b’mod negattiv biss għaliex fil-media jidhru biss dawk iż-żgħażagħ li jitressqu l-qorti, eċċ. Fil-fatt l-attivita’ li għadni kemm semmejt hija prova ta’ dak li qal Dun Cordina għaliex f’din l-attivita’ jiġu nominati żgħażagħ li matul is-sena jkunu ħadu sehem f’ħafna attivitajiet ta’ volontarjat u jkunu għamlu ħafna ġid. Din hija prova li fejn iridu ż-żgħażagħ jafu jinvolvu ruħhom f’affarijiet pożittivi u malajr wieħed jirrealizza kemm iż-żgħażagħ iħobbu l-ħajja u għalhekk tarahom kollha enerġija f’dawn l-attivitajiet ta’ volontarjat u meta jidħlu għal xi ħaġa li tkun fdata lilhom jidħlu għaliha b’ruħhom u b’ġisimhom ħalli jirnexxu. L-inkwiet huwa li meta jkollok din l-enerġija pożittiva kollha u tkun għadek żagħżugħ tista’ tispiċċa tiżvoga f’affarijiet ħżiena. Nammetti li dik l-enerġija kollha wieħed ikun irid jiżvogaha x’imkien u għalhekk nemmen li għandu jitħejja pjan fuq livell nazzjonali li jkun estiż fl-iskejjel meta t-tfal ikun għadhom żgħar u f’kull post iffrekwentat miż-żgħażagħ. Dan għandu jkun programm varjat u li jipprovdi attivitajiet rikreattivi, sportivi u anke edukattivi ħalli dawn iż-żgħażagħ irabbu ċerta fibra u karattru. Naf li l-aġenzija Sedqa kellha programmi ta’ dan it-tip iżda minħabba nuqqas ta’ finanzi kellhom jitwaqqfu. Hija sfortuna li programmi bħal dawn kellhom jitwaqqfu għaliex kienu programmi u attivitajiet li setgħu jkunu ta’ għajnuna għal min ikun f’salib it-toroq. Dawn kienu mezz ta’ kif iż-żgħażagħ jistgħu jsibu divertiment alternattiv sabiex ibegħidhom mit-triq il-ħażina. Fil-fatt meta niġu għall-kamp sportiv ma naħsibx li kelmtejn biss irridu ngħidu, kif għamel fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru għaliex hemm ħafna xi tgħid u xi jsir, aktar u aktar jekk irridu nibdew inħarsu lejn l-isport b’mod differenti u nibdew nipproġettawh fuq livell professjonali. Kif dejjem ngħidu mhux biżżejjed li jkollna t-talent lokali għaliex issa qed nispiċċaw nikkompetu internazzjonalment u mhux dejjem nakkwistaw ir-riżultati mistennija jew mixtieqa.
Sur President, jekk irridu nibdew niggerjaw l-isport fuq livelli professjonali, l-ewwel pass li rridu nagħmlu huwa li ndaħħlu kultura sportiva fost iż-żgħażagħ tagħna sa minn eta’ żgħira. Waqt intervent tiegħi s-sena l-oħra jien kont semmejt il-bżonn li nibdew naħsbu bis-serjeta’ ħalli jkollna skola speċjalizzata fuq l-isports. Din il-proposta fil-fatt kienet waħda mill-ħafna items li kienu fuq il-manifest elettorali u fuq il-websites tal-partit Nazzjonalista. Pero’ issa ilha fuq il-websites għal bosta żmien. Fil-fatt din l-electoral proposal 81 kienet tgħid hekk:
‘‘We will set up a specialised school for youngsters with exceptional promise in sports. We will also give bursaries for training overseas, special assistance will be given to nurseries and various disciplines in sports.”. Din il-proposta ilni li rajtha u fil-fatt kont semmejtha s-sena l-oħra u kont għamilt mistoqsija lill-ministru responsabbli. Illum se nerġa’ nagħmel l-istess mistoqsija lill-ministru konċernat: X’sar minn din il-proposta u fejn wasal l-ippjanar għaliha? Nixtieq inkun naf ukoll x’ġara fir-rigward tal-proposta sabiex jingħataw fondi lill-atleti. Wieħed mill-passi importanti sabiex l-atleti tagħna jgħollu l-livell tagħhom huwa appuntu li jkollhom l-opportunita’ sabiex jittrejnjaw barra minn Malta u jkollhom dawn il-bursaries for training overseas. Sur President, waqt dan id-dibattitu ma nistax ma nikkummentax fuq ir-rwol tal-kunsill Malti għall-isport. Milli jidher dan għadu ma qabadx art daqskemm forsi kien maħsub jew mistenni. Din is-sena semmejnih meta konna qed nitkellmu dwar ir-riżoluzzjonijiet ta’ l-artijiet tal-clubhouses sportivi. Dak iż-żmien niftakar li kont tkellimt dwar l-Otters u l-Hotspurs ta’ Għawdex u niftakar li kont għidt sabiex noqgħodu attenti ħalli dawn il-clubs jew premises ma jispiċċawx bħala intrapriżi kummerċjali. Kont tkellimt ukoll dwar ir-rwol tal-kunsill Malti għall-isport u għidt li dan għandu jservi ta’ watchdog fuq dawn il-premises u jara li jkunu qed jintużaw b’mod tajjeb. Jiena nemmen li l-kunsill Malti għall-isport għandu jibda jitħaddem kif suppost u matul is-sena għandna nidħlu sew f’dan is-settur. Kelma żgħira li xtaqt ngħid fuq dawn ir-riżoluzzjonijiet hija li dawn huma affarijiet tajbin, pero’ meta tikkonsidra li l- clubs ġew mitluba ċerti somom konsiderevoli, ma naħsibx li tkun qed tagħmel il-ġid jekk tagħti dawn il-grants u mbagħad ikun hemm dawn il-piżijiet finanzjarji fuq il-clubs. Mid-dehra dan il-budget mhux se jgħin sabiex jittaffew il-problemi ta’ l-isports. Dan jidher b’mod ċar f’item 5178 dwar sports activities and assistance to organisations fejn insibu li l-vot ta’ Lm420,000 s-sena l-oħra niżel għal Lm380,000 għal din is-sena. Jiġifieri kien hemm nuqqas ta’ Lm40,000, liema nuqqas żgur li mhux se jawgura tajjeb għall-isport Malti meta kulħadd jaf xi problemi għaddejjin minnhom bosta dixxiplini. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ construction, upgrading and work on equipment of sports facilities insibu li fil-budget tas-sena 2003 kienu ġew allokati Lm555,000. Is-sena l-oħra dawn naqsu għal Lm400,000 u din is-sena baqgħu l-istess. Nixtieq nistaqsi jekk fadalx xi ammonti li jridu jitħallsu mill-fondi allokati ta’ din is-sena u jekk fir-realta’ din is-sena hux se jitnaqqru aktar minn dawn l-Lm400,00 u allura l-ammont għal din is-sena jkun anqas. Sur President, naħseb li għandna wkoll nieħdu l-opportunita’ sabiex nitkellmu dwar dixxiplini sportivi speċifiċi bħalma huwa r-rugby li huwa wieħed mill-isport li qed jagħtina sodisfazzjon kbir u li qed jirreġistra progress. Attwalment dawn qed jużaw pitch Nru. 5 tal-Marsa pero’ jidher li l-MEPA tefgħet għajnejha fuq dan il-pitch minħabba l-proposti tal-golf courses li tant ilna nisimgħu dwarhom. Allura dawn se tinqalagħlhom problema għaliex mhux se jkollhom pitch x’jużaw. Qed jgħiduli li l-international rugby board lest li jagħtihom Lm50,000 f’fondi basta jkollhom pitch u t-titlu fuqu. Jekk din il-problema ma tiġix indirizzata immedjatament it-team tar-rugby se jitlef l-opportunita’ ta’ Lm50,000 f’fondi minn dan il-bord. Il-Malta sailing federation li tiġbor fiha l-clubs kollha ta’ Malta qed ikollha wkoll problemi mal-MEPA minħabba l-clubhouse tagħha. Il-Malta royal yacht club li ta’ kull sena jorganizza l-middle sea race, tiġrija li kellha ħafna suċċessi u hija popolari ħafna man-nies u li tant tagħti benefiċċju lil pajjiżna, qed ikollu problemi minħabba l-premises tiegħu u ħadd ma jaf x’se jiġri minnu, minkejja li bosta ministri jiġu jiftaħru u jfaħħru l-attivitajiet li jorganizza dan il-club! Sur President, nixtieq ngħid xi ħaġa fuq l-atletika f’Għawdex. L-atleti f’Għawdex lanqas biss għandhom track u naħseb li wasal iż-żmien li dan in-nuqqas jiġi ndirizzat. Il-vot fuq l-isport għal Għawdex huwa biss ta’ Lm7,500. Ix-shooting range taż-Żebbuġ għandhom ukoll problemi mal-MEPA. Jiġifieri l-MEPA minflok qed tgħin ħalli l-isport javvanza ‘l quddiem aktar qed toħloq problemi. Il-proġett tal-korsa taż-żwiemel f’Tax-Xħajma li kien proġett kbir ta’ żmien il-gvern Laburista tat-tmenijiet spiċċa mitluq għal riħu. Il-gvern mhux qed jagħraf il-potenzjal ta’ dan il-proġett minkejja li qed ngħidu li pajjiżna għandu jimmira lejn turiżmu sportiv u ċerti niċeċ bħal dawn. Għalkemm baqagħli ħafna xi ngħid, il-ħin tiegħi wasal biex jiskadi pero’ rrid nikkonkludi billi ngħid li jekk il-gvern ma jinvestix fl-istrutturi li hemm bżonn ma jista’ jimmira qatt għat-tip ta’ turiżmu li qed jissemma fil-budget speech u dan qed ngħidu anke fil-kontest ta’ kif qed jiġi ttrattat il-Malta royal yacht club. Ma tista’ qatt timmira lejn dawn l-affarijiet jekk tibqa’ talloka l-istess ammont għall- upgrading ta’ l-isports facilities u tnaqqas ukoll l-għajnuna lill-għaqdiet sportivi. Jekk ma jkunx hemm rieda u buona volonta’ min-naħa tal-gvern ma naslu qatt sabiex nilħqu dawn il-miri u għal darba oħra ngħid li l-gvern reġa’ qed jonqos mill-wegħdiet tiegħu li joħloq u jiġġenera impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ tagħna. Fil-fehma tiegħi, dan huwa kollu daħk fil-wiċċ u l-gvern imissu jgħid mia culpa, mia culpa għall-qgħad li hawn fost il-poplu. Nirringrazzjak.
|
||||
|
©
2007 - Justyne Caruana
|