Is-sentiment tad-dwejjaq li qed jirrenja f’Għawdex
L-Orizzont (28-01-2012)

Din il-ġimgħa fil-Parlament ġiet diskussa l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern. Fid-dibattitu spikka ħafna l-mod ipokrita ta’ kif diversi kelliema tal-Gvern qegħdin iħar­su lejn il-mod ta’ kif sejjer il-pajjiż inkluż Għawdex. Fil-fatt fid-dibattitu anke tkellmet il-Ministru għal Għawdex u tgħidx kemm ftaħret li Għawdex huwa ġenna tal-art. Huwa minnu li Għawdex huwa ġawhra però dan il-Gvern abbandunah u ħalliħ jiddeterjora u jmur lura.

Meta tmur iddur lin-nies fid-djar tagħhom, fil-kwiet ta’ darhom iħossuhom komdi jitkellmu u jgħidulek dwar l-għawġ kollu li huma u familthom ikunu għaddejjin minnhom. Il-qtigħ ta’ qalb f’Għawdex hija xi ħaġa tal-biża u GonzPN qed ikompli għaddej bil-kampanja tal-biża u intimidazzjoni li ċertament hija xi ħaġa krudili u rresponsabbli.

Fl-artiklu preċedenti tiegħi ktibt kif Għawdex qisu kamp tal-gwerra u hekk hu. Però hemm inħawi li huma ħafna għar minn hekk. Għandna toroq qishom ta’ żmien Oliver Twist kollha ħofor mimlijin ilma maħmuġ u drenaġġ. Per eżempju triq partikolari hija Triq il-Qortin, in-Nadur. Din it-triq qiegħda

fi stat tal-biki u r-residenzi għadhom mhumiex ikkomunikati mas-sistema tad-drenaġġ u għadhom bil-fossa. L-iżbroff tad-drenaġġ hija ħaġa komuni f’din it-triq. Imma possibbli fis-sena 2012 meta għandna Gvern li jiftaħar tant dwar il-kwalità tajba tal-ħajja, nistgħu inqisu toroq u sitwazzjonijiet bħal dawn bħala aċċettabbli! Imbagħad għandna Triq San Bert fix-Xewkija li saret periko­luża mmens għar-residenti u hemm bżonn ta’ ‘zebra crossings’ u dwal kif ukoll it-triq tas-Sellum li fil-punt li tasal fil-Wied ta’ Żejta fir-Rabat, qiegħda iċċedi għax ħafna traffiku qed jgħaddi minn hemm. Anke Triq Għajn Qatet fir-Rabat hija triq ħażina ħafna u bħal dawn it-toroq hemm ħafna f’Għaw­dex.

Huwa aċċettabbli li għandna żgħażagħ ikkwalifikati li jkollhom jirrikorru għand id-deputat biex isibulhom xogħol! Din hija umiljazzjoni kbira għaex mhux aċċettabbli li biex taħdem trid tmur għand xi ħadd. Ix-xogħol huwa dritt u l-Gvern għandu d-dmir li jipprovdi x-xogħol. Il-poplu Għawdxi diżil­luż u mdejjaq u qed iħossu umiljat.

F’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà speċjalment mard fil-familja, ħafna jħossuhom abbandunati u ma jifilħux jiffaċċjaw id-diffikultajiet konnessi ma vjaġġar lejn Malta biex jieħdu kura, trattamenti, testijiet jew għal xi operazzjoni.
Il-poplu Għawdxi qed iħossu ddiskriminat fejn għandek min hu aġevolat u min dejjem ilaqqat fuq rasu kull fejn imur u kull fejn jersaq. Ħafna mdejjqin bir-riformi fil-MEPA għaliex din swiet biss biex liż-żgħir tkompli tgħaksu iktar u dan meta huwa magħruf sewwa li għandek diskrepanzi kbar dwar kif ir-regoli jiġu applikati skont min tkun.

Dan huwa s-sentiment ġenerali ta’ dwejjaq li qed jirrenja f’Għawdex. Sentiment li qed jeqred lit-tessut soċjali f’Għaw­dex u li qed jaqta’ qalb lil Għawd­xin. GonziPN jaf li f’Għawdex qed jitlef l-appoġġ u dan qed jidher elezzjoni wara oħra. Għal din ir-raġuni issa qed jinfexxu jattakkaw lilna, imma għalxejn jipprovaw kemm jipprovaw. Jien l-ewwel waħda dejjem ħdimt bla heda biex Għawdex u l-Għawdxin jimxu ’l quddiem u għall-Partit Laburista Għawdex huwa prijorità u fi ħdan il-Partit tagħna, Għawdex għandu vuċi soda. Anke fil-parlament u kull fejn inkun anke barra minn Malta dejjem ħtaft l-opportunità biex nindirizza l-bżonnijiet ta’ Għawdex u l-Għawdxin.

Lil Għawdxin kollha ta’ rieda tajba ngħidilhom biex jagħmlu l-kuraġġ għax ġejjin żminijiet sbieħ għal Għawdex taħt Gvern Laburista – Gvern li jifhem il-bżon­nijiet ta’ Għawdex u l-Għawdxin – Gvern li se jwettaq u jagħtina d-drittijiet tagħna u kull dinjità li tixirqilna.


© 2012 - Justyne Caruana