


Bl-għajnuna ta’ Alla bdiet sena oħra. Kull sena kulħadd jagħmel l-proponimenti biex l-affarijiet jagħmilhom aħjar mis-sena ta’ qabel. Iżda jidher li l-Gvern m’għamel ebda proponiment f’dan is-sens għal Għawdex. Qed ngħid hekk għax f’dawn l-aħħar ġranet Għawdex sar qisu xi kamp tal-gwerra. Qed nirreferi għax-xoglijiet li qegħdin isiru fil-parti tat-triq bejn ix-Xewkija u r-Rabat. Kull meta jkun hemm xi biċċa xogħol ta’ dan it-tip jinqalgħu problemi u inkonvenjenti kbar u allura jispikka b’mod prominenti ħafna n-nuqqas ta’ ħsieb u kompetenza.
Fil-ġranet tax-xita mbagħad qam rebus sħiħ u anke kien hemm lok ta’ periklu. Peress li qegħdin isiru x-xogħlijiet fit-triq prinċipali, it-traffiku qed jgħaddi minn bnadi oħrajn u toroq u mogħdijiet oħrajn li jinsabu fi stat ħażin ħafna. Eżempju għandek it-triq li aħna nsejħulha ta’ wara ċ-ċimiterju li mbagħad tinfed għal Triq San Leonardu biex tibqa’ sejra lejn ir-Rabat. Din it-triq tinsab fi stat ħażin ħafna u lanqas indenjaw rwieħhom jagħmlu ftit żrar fit-toqob fondi li hemm. Jien mistoqsija parlamentari għamilt imma l-Ministeru għal Għawdex farfar ir-responsabbiltà.

Imbagħad għandek dik il-parti tat-triq maġenb il-bini tal-MDP u fejn hemm l-ETC li hija fi stat tal-biki. Hemmhekk għandek kumulu ta’ tajn u mhux l-ewwel darba li weħlu l-vetturi għax it-tajn ċeda bihom. Dan ġara wkoll fil-parti fejn hemm il-Gozitano. Hemmhekk seħħ inċident ta’ karozza tal-linja li weħlet fit-tajn u anke ċediet parti mit-triq.
Issa jien nifhem li qegħdin isiru x-xogħlijiet u allura bilfors irid ikun hemm devjazzjoni tat-traffiku però ma naċċettax li dawn id-devjazzjonijiet qegħdin jinżammu f’dan l-istat. Ara Malta hija storja differenti għax kull fejn kien hemm devjazzjoni saret sura ta’ nies u anke saru toroq asfaltati. Veru wkoll li ċerti xogħlijiet saru ta’ kafkaf għax malli għamlet naqra xita nqala’ kollox bħalma ġara għat-triq tal-Marfa fejn il-lukanda Riviera. Iżda l-fatt jibqa’ li għal Malta hemm pjan – għal Għawdex għaliex m’hemmx dan? Ma’ kull min titkellem jgħidlek li “karozza damdamtha” u allura dan in-nuqqas ta’ ħsieb qed ikun kaġun ta’ ħafna ħsara.
Anke f’dawn iċ-ċirkostanzi Għawdex qed jiġi ttrattat tat-tieni u anke tat-tielet klassi. Però dawn l-affarijiet għandhom ukoll jiġu kkonsidrati mill-awtoritajiet li suppost qegħdin jissorveljaw ix-xogħlijiet u jaraw li l-kuntrattur iwettaq l-obbligi tiegħu. U jagħmel xogħol tajjeb. Qed ngħid hekk għax dan l-aħħar per eżempju kien hemm it-Triq tax-Xlendi li ħarġulha difetti kbar. Iktar qabel kien hemm it-triq Ta’ Pinu u anke tkellimt dwarha fil-Parlament u poġġejt ir-ritratti fuq il-mejda tal-kamra.
La qegħdin jintefqu flus il-poplu, il-poplu għandu dritt għal xogħol tajjeb skont l-arti u s-sengħa u bl-użu ta’ materjal tajjeb kif titlob il-liġi. Ma jistax ikun li ċ-ċittadin jibqa’ jiġi ttrattat b’dan il-mod. Nappella biex il-poplu ma joqgħodx lura milli jilmenta dwar il-ħsarat li qed iġarrab għax wara kollox għal dan kollu r-responsabbiltà huwa tal-kuntrattur li għandu jieħu kull prekawzjoni biex ma ssir ħsara. Kemm-il darba il-Gvern komdu b’din is-sitwazzjoni, l-istess gvern ukoll għandu jinżamm responsabbli u anke l-awtoritajiet kollha kkonċernati li mhux qegħdin jagħmlu xogħolhom sew għax mhux jissorveljaw kif obbligati li jagħmlu. Min dan kollu qegħdin ibatu l-Għawdxin li ta’ kuljum qegħdin jiffaċċjaw din is-sitwazzjoni u qegħdin inħossuna qegħdin ngħixu f’xi kamp tal-gwerra.