ll Qorti ta’ Għawdex għandu jkun kif suppost u kif jixraq
L-Orizzont (17-12-2011)

Din il-ġimgħa fil-Parlament ġiet diskussa l-mozzjoni tiegħi dwar il-Qorti. B’sodisfazzjon ngħid li din il-mozzjoni għaddiet għax il-Gvern qabel magħha u sinċerament naħseb li ma setax ma jaqbilx magħha. Din il-mozzjoni fiha diversi aspetti u hija wkoll xi ftit teknika u għalhekk fl-intervent tal-Ministru għal Għawdex spikka l-fatt li forsi peress li mhix intiża fil-qasam, jidher li forsi ma fehmitx xi affarijiet u pprovat tixħet dell ikrah fuq l-istess mozzjoni però b’dan uriet biss li ma fehmitx l-aspett tekniku u filosofiku tagħ­ha tal-mozzjoni. Permezz ta’ din il-mozzjoni tlabt mhux biss li Għawdex ikollu Imħallef imma li l-Qorti tagħna tkun Qorti bħal dik ta’ Malta biex il-poplu Għawdxi jinqeda aħjar u ma jkunx hemm għalfejn noqogħdu ġejjin u sejrin Malta għax il-Qorti ta’ Għawdex kif inhi llum, ma tistax tisma ċertu kawżi.

Jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar din il-mozzjoni hija ta’ benefiċċ­ju tal-Għawdxin li jkollhom bżonn jirrokorru għall-Qorti biex jieħdu d-drittijiet tagħhom. Fil-fatt waqt id-diskussjoni tal-mozzjoni spjegajt kif hemm ħafna nies li jaqtgħu qalbhom li jmorru l-Qorti Malta minkejja li jkollhom drittijiet li jridu jiġ­ġieldu għalihom – bħala per eżem­pju ġibt l-appelli għaliex filwaqt li fuq medda ta’ ħames snin

kellna kważi elf kawża deċiża, kienu biss inqas minn kwart li ddeċidew li jappellaw u ħafna drabi r-raġuni tkun għax dak li jkun ma jkunx irid joqgħod jivvjaġġa lejn Malta.

Għandna problema wkoll meta persuna tkun trid tippre­żen­ta atti f’Malta. Per eżempju meta xi ħadd Għawdxi jissejjaħ biex iservi bħala ġurat u jkun irid jagħmel rikors. Kif inhi l-liġi llum dan ir-rikors irid jiddaħħal Malta u jien għedt li dawn ir-rikorsi għadhom jidħlu l-Qorti ta’ Għawdex. Tkellimt ukoll dwar xiehda Għawdxin li jiġu mħarrkin biex jixhdu Malta u kif dan jista’ jiġi evitat għax ix-xhieda tista’ faċilment tin­għata Għawdex stess. Semmejt ukoll li hemm bżonn li jibdew isiru seduti tat-tribunal industrijali f’Għawdex biex aktar ħaddiema jkunu jistgħu jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom.

Tkellimt ukoll dwar il-Qorti nnifsu li dan jmur band’oħra għax mhux jaqdi l-bżonnijiet tal-pubbliku u mhux idoneju biex tagħmel aktar xogħol amministrattiv fih. Għandna problema kbira ta’ aċċessibbiltà kemm għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà u prattikament għal kulħadd. Hemm nuqqas ta’ staff u fil-fatt hemm pressjoni kbira fuq il-ħaddiema li jridu jagħmlu xogħol klerikali, ilaħħ­qu max-xogħol tal-awli, man-nies u m’hemmx spazju fejn jaħdmu. Irrid ngħid li dawn fix-xitwa joperaw f’kesħa u umdità tremenda u fis-sajf fi sħana kbira. U allura l-ħaddiema għandhom jkollhom dritt li jaħdmu u joperaw f’ambjent idoneju u diċenti.

Il-Qasam tal-Ġustizzja huwa qasam importanti ħafna u n-nies iridu li jkun hemm sistema ġu­dizzjarja effiċjenti li taqdi l-bżonnijiet tal-Għawdxin. L-Għawd­xin għandhom dritt għall-aċċess għall-ġustizzja f’Għaw­dex stess u mhux no­qogħ­du ġejjin u sejrin Malta.
Issa waqt id-dibattitu, intqal ħafna diskors sabiħ mill-kelliema tal-Gvern iżda però dan mhux biżżejjed. Il-Gvern issa jrid iwettaq dak li qabel miegħu u allura kemm jista’ jkun malajr irid jibda x-xogħol, biex l-Għawd­xin jingħataw id-drittijiet tagħhom.
Bid-diskors biss dan mhux se jseħħ u allura issa l-Gvern irid iżomm l-impenn li ħa fil-Parlament biex l-Qorti ta’ Għawdex ikun Qorti kif suppost u kif jixraq lill-Għawdxin.

Awguri lill-Editur u l-Istaff ta’ dan il-ġurnal flimkien mal-fa­milji tagħhom u kif ukoll lill-qarrejja kollha ta’ dan il-ġurnal. Nawguralkom Milied ħieni u sena mimlija saħħa u sliem.


© 2011 - Justyne Caruana