Problemi ta’ aċċessibilità għad-diżabbli
L-Orrizont (08-10-2011)

Xi ġranet ilu waqt li kont ħierġa mill-bini tal-Qorti ta’ Għawdex daħlet mara titlob l-għajnuna għax kien weġ­ġa’ xi ħadd. Fil-fatt ġara li kien hemm raġel b’diżabilità li kien b’siġġu tar-roti u li pprova jitla’ mir-rampa li appuntu hemm biswit it-taraġ tal-knisja katidrali u dan ir-raġel inqaleb bis-siġġu b’kollox. Din ir-rampa normalment tintuża biex minnha jittellgħu xi provvisti għall-ħwie­net li hemm in-naħa ta’ fuq. Però fl-assenza ta’ sinjali, tabelli u aċċess ieħor, dan ir-raġel assuma li l-aċċess għall-bqija taċ-Ċittadella huwa appuntu minn din ir-rampa.

Hija ħaġa tal-mistħija li post bħaċ-Ċittadella għandu problemi ta’ aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità. Meta qegħdin nitkellmu fuq iċ-Ċittadella qegħdin nitkellmu fuq sit li joffri esperjenza unika lil dawk kollha li jżuruna inklużi wkoll turisti li għandhom diżabilità li għandhom kull dritt li jkollhom dan is-sit u siti oħrajn aċċessibbli għalihom.

Għal darb’oħra nerġa’ ntenni wkoll il-problema ta’ aċċessibilità għall-bini tal-Qorti nnifsu. Illum il-ġurnata l-Gvern qed jgħid li wasal biex ikun f’pożizzjoni li jirratifika l-konvenzjoni internazzjonali

dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.  Imma dawn il-problemi ta’ aċċessibilità huma inaċċettabbli speċjalment meta qegħdin nitkellmu dwar il-Qorti li huwa uffiċċju governattiv li jaqdi funzjonijiet importanti ħafna imma li kif għedt mhux aċċessibbli għal dawk kollha li għandhom problemi ta’ mobili­tà.

Dan jgħodd ukoll għal diversi dipartimenti oħrajn bħal per  e­żem­pju d-dipartiment tat-taxxi interni u tad-Dipartiment tal-VAT li wkoll għandhom problemi ta’ aċċessibilità. Għalkemm hemm il-lift dan iktar ma jaħ­dimx milli jaħdem u allura min ma jistax jitla’ t-taraġ qed jiġi mċaħħad l-aċċess għal dawn l-uffiċini.

F’Għawdex għandna wkoll l-iskola speċjali f’Ta’ Sannat. Nixtieq nirringrazzja minn qalbi l-istaff kollu ta’ din l-iskola għax jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjo­ni kbira. Diversi ġenituri però lmentaw miegħi minħabba t-tinda li kellha ssir biex meta t-tfal iniżluhom mill-karozzi jkollhom il-kenn speċjalment fil-ġranet ta’ xita. Fuq talba ta’ dawn il-ġenituri għamilt diversi mistoqsijiet parlamentari għax iħossu li sempliċi tinda m’għandhiex iddum is-snin biex issir.

Il-ġenituri jilmentaw min- nuqqas ta’ servizzi kif ukoll minħabba l-fatt li ċerti servizzi li jingħataw fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jiġu offruti biss filgħodu u allura biex ikunu jistgħu jieħdu lit-tfal għal dawn l-appuntamenti jkollhom itellfuhom ġurnata skola. Allura dawn il-ġenituri qegħdin jitolbu biex almenu jkun hemm xi ġranet fil-ġimgħa fejn dawn is-servizzi jkunu jistgħu jingħataw waranofsinhar.

Dan l-aħħar ukoll tressaqli lment għaliex b’konsegwenza tal-privatizzazzjoni tal-marina f’Għawdex saret xatba u ngħalaq l-aċċess għal parti mix-xatt fejn kienu jittieħdu persuni b’di­żabilità għall-ħargiet u anke biex jgħumu. Issa li saret din ix-xatba jridu jaraw isibux post alternattiv, li mhux daqshekk faċli li ssibu f’Għawdex, peress li għandna nuqqas ta’ postijiet rikreattivi li huma adegwati u aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

Fil-fatt ħafna ġenituri jgħidu­lek li ħlief għaċ-Ċentru Santa Marta wliedhom m’għandhom ebda post fejn imorru. Insemmi wkoll il-Fondazzjoni Arka li tant tagħmel ġid f’dan il-qasam u li għandha bżonn tant u tant għajnuna – għajnuna li għandha tiżdied mill-istat għax wara kollox il-fondazzjoni qiegħda toffri servizzi li suppost joffri l-istat.

Grazzi lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità f’Għaw­dex u li  jagħ­m­lu tant u tant ġid għal dawn il-persuni u flimkien mal-familji tagħ­hom.


© 2011 - Justyne Caruana