


Bla dubju ta’ xejn, il-kultura f’Għawdex għandha importanza kbira u bħal dan iż-żmien tas-sena mbagħad jibda l-istaġun operistiku biż-żewġ każini tal-baned tar-Rabat li jtellgħu opra kull wieħed f’perjodu ta’ ftit ġranet waħda l-bogħod mill-oħra.
Fil-fatt il-ġimgħa li għaddiet fit-Teatru Aurora ttellgħet l-opra Tosca ta’ Puccini u l-ġimgħa d-dieħla jmiss lit-Teatru Astra li se jtella’ l-opra Norma ta’ Bellini. Ta’ min jgħid li l-opra Norma hija parti mill-Festival Mediterranea li huwa avveniment kulturali annwali u li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jiġbed nies.
Hija xi ħaġa kbira ħafna li ż-żewġ soċjetajiet tal-banda tagħna li joperaw fuq bażi ta’ volontarjat, ta’ kull sena qegħdin joffru lill-pubbliku Għawdxi u Malti u anke dak internazzjonali żewġ esperjenzi inkredibbli. Ta’ min ifaħħar u jammira lil dawk kollha involuti f’dawn l-avvenimenti tant importanti b’risq il-kultura f’Għawdex li tant qed jiġbed nies lejn gżiritna. Prosit kbira lill-artisti tagħna li qegħdin juru l-kapaċitajiet tagħhom anke meta qegħdin jitilgħu fuq il-palk ma’ artisti barranin u joħorġu bl-unuri kollha u li tant jagħmluna kburin bħala Għawdxin.

Avvenimenti bħal dawn għandhom jiġu inkoraġġati u mgħejjunin għax jistgħu jkunu mezz importanti u utli ħafna ta’ kif toħloq niċċa turistika fi żminijiet fejn it-turiżmu jkun beda jbatti. It-turiżmu kulturali fil-fatt qed jaqbad art f’pajjiżi oħrajn u aħna nistgħu nisfruttaw ħafna fatturi fosthom il-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna proprju fiċ-Ċentru tal-Mediterran li huwa meqjus bħala l-benniena taċ-ċivilizzazzjoni u kultura. Għalhekk dan għandu jirrendina f’pożizzjoni aktar favorevoli biex nipproġettaw lil ġżiritna f’dimensjoni kulturali unika u partikolari li kapaċi toffri esperjenza unika li dawk kollha li qegħdin ifittxu esperjenza kulturali li jistgħu jsibu f’Għawdex.
Qed ngħid dan għax apparti t-talent artistiku kemm dwar ‘performing arts’ imma wkoll dwar tip ta’ arti oħrajn bħal dik viżiva, għanda partimonju kulturali imprezzabbli u li ddur kemm iddur fid-dinja mkien ma ssib bħalu. Minn dan kollu għandna nagħmlu kapital permezz ta’ viżjoni għal Għawdex li iva tkun proġettata biex noħolqu kalendarju kulturali rilevanti għal matul is-sena kollha u ninvestu fi strutturi u infrastruttura biex nilqgħu dik il-faxxa ta’ turiżmu kulturali.
Din il-viżjoni se tiġi diskussa fil-ġranet li ġejjin mill-Partit Laburista. Fil-fatt fi tmiem il-ġimgħa se jiltaqa’ l-ewwel kungress reġjonali għal Għawdex u dan wara l-bidla fl-istatut li appuntu jirrikjedi li jsir dan il-kungress biex tingħata d-direzzjoni. Għalhekk se niltaqgħu biex niddiskutu l-politika u l-viżjoni għal Għawdex u f’din id-diskussjoni se jkunu nvoluti diversi esperti u nies oħrajn li ġejjin minn oqsma differenti.
Il-Partit Laburista dejjem kellhu politika reġjonali li verament tpoġġi lil Għawdex tagħna fiċ-ċentru tal-attenzjoni u tal-ħidma tagħna bħala partit. Dejjem ridna li Għawdex u l-Għawdxin verament jingaħtaw dak li jixirqilhom tant li dejjem ħriġna bi proprosta innovattivi u tajbin tant li matul iż-żmien dawn ġew ikkoppjati u eventwalment anke attwati mill-Gvern ovvjament mingħajr ma jagħti kreditu lill-Partit Laburista li jkun ħareġ bil-ħsieb.
Però dan l-eżerċizzju li se jsir fi tmiem il-ġimgħa se jkun eżerċizzju intern importanti ħafna għax iva Għawdex u l-Għawdxin għandhom bżonn ta’ tmexxija serja – tmexxija li tista’ tkun biss f’idejn il-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat