It-trattament tal-kimoterapija f’Għawdex
L-Orizzont (24-09-2011)

Hu fatt magħruf li f’Għawdex ir-rata ta’ mard bil-kanċer qiegħda dejjem tiżdied u huwa fatt ukoll li r-rata tagħna hija ferm ogħla mill-bqija tal-pajjiż. Dan ġie repetutament ikkonfermat minn żmien għal żmien minn statistika u infor­mazz­joni oħra li kultant u tant tiġi ppubblikata.

Ilqajt b’sodisfazzjon l-impenn tal-MUMN biex il-pazjenti tal-kanċer jibdew jingħataw it-trattament tal-kimoterapija f’Għaw­dex stess u bħala PL, permezz tal-Kel­lie­ma għas-Saħħa Marie Louise Coleiro Pre­ca, qed nappoġġjaw din il-kawża għax iva hemm il-ħtieġa li pazjenti Għawdxin jiġu ttrattati f’Għawdex stess.

Din ilha ġlieda tiegħi kemm ili fil-Parlament fl-2003 u sa mill-ewwel intervent bdejt nis­ħaq fuq it-tbagħtija li l-pazjenti tagħna jgħaddu minn­ha ta’ kuljum. Taj-jeb li nfakkar li ta’ kuljum ikollna trasport li jaqbad il-vapur tas-7.30 a.m. biex imurr l-Isptar Boffa jew Mater Dei u tiġi lura bil-paz­jenti wara li jkunu spiċċaw it-tera­pija u dan apparti numru sostanzjali ieħor ta’ pazjenti li jmor­ru l-isptar bil-vetturi tagħhom. L-effetti tal-kimoterapija u radjoterapija huma kifrin ħafna għax wara li t-terapija,

il-pazjenti jkunu għaj­jenin u anke muġugħin u allura vjaġġ lura lejn Għawdex huwa ta’ strapazz enormi u ħafna jgħidulek li jkagħbarhom ħafna.

Niftakar dibattitu fil-Parlament jaħraq ħafna ma-eks-Mi­nistru tas-Saħħa Louis Degua­ra fejn qal­li li mhux vijabbli li jkoll­na dan it-trattament f’Għaw­dex u nif­takar ukoll li lanqas ma kien vijabbli li jkollna CT Scan – dejjem skont l-Onor. Deguara. Illum CT Scan għandna u naqbel perfettament ma’ din id-deċiżjoni għaliex kellna bżonn dan l-apparat fl-Isptar Ġenerali tagħna. Allura jekk dan is-servizz sar vijabli, sar aktar vijabbli t-trattament tal-kimoterapija, li kif għedt qabel aktar Għawdxin qegħdin jiġu bżonnu.

Irrid ngħid li l-kumpanija Gozo Channel tagħti biljetti b’xejn u ‘priority boarding’ lil dawn il-pazjenti u nispera li din is-sitwazz­joni ma tinbidilx in­kon­segwenza tat-tender li ħadet l-istess kumpa­nija biex tkompli tipprovdi s-servizz bejn iż-żewġ gżejjer. Nemmen li għandha tibqa’ tagħti din l-għajnuna li għal dawn in-nies li jkun għaddejjin minn din is-sitwazzjoni daqshekk diffiċli tgħin ħafna. Infakkar ukoll li għall-aħ­ħar tal-2004, il-kumpanija Gozo Channel kienet irrevediet din il-pożizzjoni tagħha u rtirat din l-għajnuna. Dak iż-żmien il-Minis­tru responsabbli kien l-Onor. Austin Gatt u kont ħadt aġġornament biex nikxef din l-inġus­tizzja u esebejt korrispondenza li kienet intbagħtet lill-pazjenti fejn kienu informati bil-miktub li ma kinitx se tibqa’ tingħata l-għajnuna. Kont ktibt artiklu fuq il-MaltaIndependent dwar din il-meskinita u ngustizzja u l-maniġer tal-Gozo Channel ta’ dak iż-żmien kien wieġeb: “paying one’s fare on pub­­lic transport can hardly be termed an injustice.” – kumment li jien weġibtu bl-aħrax f’aġġor­nament fil-Parlament fis-seduta 218 tal-11 ta’ Jannar, 2005 u domt niġġieled sakemm il-pazjen­ti ngħataw dak li kellhom.

Il-pazjenti Għawdxin speċjalment dawk li huma milqutin mill-marda tal-kanċer għandhom jingħataw kull għajnuna possibbli u għandhom kull dritt li jiġu ttrattati f’Għawdex stess. Jekk il-Ministru għal Għawdex qiegħda tgħid li huma t-tobba li jridu jiddeċiedu dwar dan, minn hawn ngħidilha li iva hemm min hu lest li jikkura lill-pazjenti Għawd­xin f’Għawdex stess imma dan biss mhux biż­żejjed għax ir-ri­żorsi finanzjarji f’idejn ill-Gvern qegħdin u huwa l-Gvern li jrid jieħu l-impenn politiku u amministrattiv biex iva l-affarijiet jit­wettqu. Hija ipokrezija li qed jintefa l-ballun f’saqajn it-tobba u l-istaff mediku biss – kieku kollox jiddependi mit-tobba u l-infermieri biss kieku l-pazjenti tal-kanċer Għawdxin ilhom jiġu ttrattati f’Għawdex kif għandhom kull dritt li jsir.






© 2011 - Justyne Caruana