Bżonn ta’ investiment bis-sħiħ fiż-żgħażagħ għall-ġid tagħhom u tal-familji tagħhom
L-Orizzont (05-11-2011)

L-aħħar artiklu li kelli f’dan il-ġurnal għalaqtu billi għamilt referenza għall-kungress reġjonali li sar f’Għawdex. F’dan il-kungress proprju ddedikajna sessjonijiet u ddiskutejna dwar Għawdex tagħna minn aspetti u angoli differenti. Fil-fatt anke nqsamna f’‘workshops’ skont is-suġġett u għal dawn il-‘workshops’ attendew nies li ġejjin mill-oqmsa relattivi u kellna diskussjonijiet tajbin ħafna. Fl-aħħar tas-sessjo­ni mbagħad ġie redatt rapport biex fih jinġabru l-ħsibijiet u l-proposti li se jiġu mressqin ’il qud­diem.

Jien kont responsabbli mit-tmexxija tal-grupp taż-żagħżagħ u nistqarr li l-esperjenza preċedenti bħala kelliema għaż-żgħa­żagħ sibtha utli immens u allura stajt nuża din l-esperjenza biex nagħtu aktar rilevanza lill-qasam taż-żgħażagħ f’Għawdex.

Iż-żgħażagħ tagħna qegħdin juru tħassib serju dwar il-qagħda u l-futur tagħhom. Fil-fatt ta’ min jgħid li f’Għawdex jeżisti l-faqar soċjali fost iż-żgħażagħ tagħna u li kulma jmur qiegħed iktar jiżdied. In-nuqqas ta’ xogħol hija l-akbar uġiegħ ta’ ras u dan anke għal min hu kkwalifikat u jagħmel snin sħaħ jistudja anke l-Università. Fil-fatt minn tagħrif mogħti fil-Parlament għandna mijiet ta’ żgħa­żagħ Għawdxin li ta’ kull sena jiggradwaw mill-Università però huma ftit biss dawk li jirnexxiel­hom isibu mpjieg f’Għawdex  stess. L-istatistika turina li nofs iż-żgħażagħ f’Għawdex ma jaħ­dmux u mhux kollha qegħdin jirreġistraw għax-xogħol u allura konvenjentement il-Gvern jikk­wota biss il-figuri ta’ dawk li qegħdin jirreġistraw taħt l-ewwel u t-tieni parti u allura għan­dek figura sostanzjali ta’ żgħa­żagħ qiegħda li ma jidhrux.

L-aħjar elementi qegħdin jib­qgħu Malta wara li jtemmu l-istudji u fattur ieħor li qed iwassal għal dan huwa għa­x il-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-pagi f’Malta huma ħafna aħjar minn dawk f’Għawdex. Minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet ħafna żgħażagħ jiġu sfruttati fuq il-post tax-xogħol tagħhom u dan qed ikompli jger­­rixhom milli jaħdmu f’Għaw­dex. Fil-kungress semmejt kif dan qed ikollu impatt fuq il-familja ġene­rali għax dan ifisser li l-familji tagħna qegħdin jiġu mifrudin minn xulxin – għax l-ulied ikunu Malta u l-ġenituri u l-bqija tal-familja jkunu Għawdex.
Anke l-edukazzjoni f’Għawdex għandha tingħata aktar attenzjo­ni. Kemm l-MCAST kif ukoll iċ-Ċentru tal-Università u l-ITS f’Għawdex għandhom jiġu utillizzati aktar u għandu jkun hemm iktar għajnuniet lill-istudenti li jattendu korsijiet f’Malta mhux biss fl-Università, fl-MCAST u fl-ITS imma ma’ kull istituzzjoni edukattiva oħra li bħa­lis­sa ma jirċivux għaj­nu­na.

Meta niġu għad-divertiment, kultura u sport ukoll għandna nuqqasijiet kbar f’Għawdex. Ir-rikreazzjoni hija aspett importanti fil-ħajja taż-żgħażagħ tagħ­na u hija mezz kif jirrilassaw u jneħħu t-tensjoni minn fuq­hom. Minkejja li għandna ħafna talent sportiv u kulturali, il-possibbiltà li jsir avvanz hi limitata immens u hawn nuqqas ta’ faċilitajiet.

Dan kollu jaqta’ qalb iż-żgħa­żagħ. Il-PL jagħraf l-importanza u r-relevanza tas-settur taż-żgħa­żagħ f’Għawdex u nemmnu li ż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur, iżda l-preżent. Bħala partit għalhekk impenjati biex naħdmu bis-serjetà biex joħloq il-kli­ma neċċessarja f’Għawdex biex iż-żgħa­żagħ tagħna jibnu l-futur u jkollhom dawk il-mezzi xier­qa u neċessarji biex jgħixu ż-żgħożija tagħhom denjament u ‘to the full’. Għalhekk sar dan il-kungress biex nuru li l-PL jem­men fiż-żgħa­żagħ u jrid jinvesti fihom għall-ġid tagħ­hom u tal-familji tagħhom imma aktar u aktar għal Għawdex.

© 2011 - Justyne Caruana