


Din il-ġimgħa kellna d-dibattitu dwar il-baġit ta’ Għawdex u jiena stqarrejt li dan il-baġit partikolarment huwa konferma oħra ta’ kemm il-Gvern huwa maqtugħ mir-realtà Għawdxija u naqas milli jindirizza adegwatament il-bżonnijiet ta’ Għawdex u l-Għawdxin. Għandna Gvern li għandu nuqqas ta’ ħeġġa u ambizzjoni fejn jidħol Għawdex tant li għal numru ta’ snin dan il-Gvern ra lil Għawdex bħala mażżra, bħala xkiel u mhux bħala mutur ekonomiku li kapaċi joħloq ix-xogħol.
Il-Ministru tal-Finanzi kellu jammetti, u dan fi kliemu stess li “l-progress fix-xogħol u l-impjiegi… mhux rifless bl-istess rittmu f’Għawdex” u dan f’konsegwenza u b’riżultat ta’ kwistjonijiet żbaljati u klijentaliżmu sfrenat. Għawdex ilu snin sejjer lura però issa l-Gvern qed jgħid li Għawdex għandu bżonnijiet speċifiċi u dan qed jingħad ukoll fil-kuntest ta’ Unjoni Ewropea għax issa ħareġ ċar li meta l-Gvern innegozzja s-sħubija ma ħax ħsieb l-interessi ta’ Għawdex għax kull m’għamel hija dikkjarazzjoni unilaterali li bl-ebda mod ma’ torbot lill-Unjoni Ewropea biex Għawdex jiġi ttrattat bħala reġjun.

Issa tħabbar li l-Prim Ministru ħatar lis-Segretarjat għall-Politika Strateġika fl-uffiċċju tiegħu biex l-Gvern jibda jiffoka fuq Għawdex. Allura wara 22 sena fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista “issa” se “jiffoka” fuq il-problemi ta’ Għawdex?
Jiġifieri qed ninterpreta sew li s’issa l-Gvern ma kellu ebda strateġija għal Għawdex? Il-kaptan li kien wiegħed lill-poplu “par idejn sodi” ddeċieda li hemm bżonn rotta ġdida!
Dan huwa insult kbir għall-Għawdxin u jkompli jikxef wiċċ il-Gvern li f’dawn is-snin kollha telaq u abbanduna lill-Għawdex. M’hemm ebda dubju li l-Gvern falla f’Għawdex tant li issa se jipprova jaqbad ir-riedni minn Kastilja.
Il-falliment tal-kwistjonijiet ta’ dan il-Gvern fejn jikkonċerna l-ekonomija f’Għawdex tista’ tghid li huwa minħabba diversi fatturi. Għandek in-nuqqas ta’ sostenn u strateġija ta’ appoġġ għall-imprendituri Għawdxin, kemm fit-turiżmu, kif wkoll f’dawk li jissejħu ‘micro-enterprises’.
Għandna wkoll falliment komplut u totali ta’ investiment barrani ġdid, partikolarment l-‘performance’ diżastruża tal-Malta Enterprise fejn jidħol Għawdex. Ma xulxin dawn iż-żewġ fatturi, jirriżultaw f’nuqqas ta’ impiegi ġodda fis-settur privat, speċjalment għaż-żgħażagħ li jkunu komplew fl-studji tagħhom. Irrid ngħid li fejn f’Malta ir-rata ta’ persuni f’impjieg hija ta’ 38% f’Għawdex ir-rata hija biss ta’ 30%.
L-għoli tal-ħajja u n-nuqqas ta’ xogħol huma ta’ detriment tal-‘purchasing power’ tal-familji u huwa għalhekk li l-faqar relattiv għolla rasu sew fil-ġżira tagħna. Ix-xogħol għadu u jibqa’ l-preokkupazzjoni ewlenija għalina l-Għawdxin. L-opportunitajiet tax-xogħol f’Għawdex huma minimi ħafna u għandna problema ta’ qgħad li hija partikolari u akuta ħafna iktar minn Malta. Fil-fatt il-qgħad f’Għawdex fil-maġġor parti tiegħu huwa ‘very long term unemployment’. F’Settembru l-qagħad f’Għawdex żdied b’1.7% u l-iktar faxex ta’ nies milqutin huma dawk ta’ taħt it-30 sena li jammontaw għal 29% tal-persuni kollha qiegħda f’Għawdex.
Mhux aċċettabli li żgħażagħ Għawdxin wara snin ta’ studju jew taħriġ f’Malta ma jkollhomx l-opportunità li jsibu impjieg b’paga adegwata f’Għawdex stess. B’konsegwenza aktar u aktar Għawdxin qegħdin ikollhom jinfirdu mill-qraba u jitilqu min Għawdex biex isibu xogħol. Jiena għalija dan huwa wkoll firda fil-familja għax il-familja qiegħda toftomha minn ma’ xulxin u dan kollu allura qed jaffettwa l-għaqda fil-familja u l-valur tant sabiħ u importanti li din tirrappreżenta.
Żgur li l-attitudni negattiva tal-Gvern li qisu qata’ qalbu mis-sitwazzjoni ma tgħinx biex nagħmlu min Ghawdex mutur ekonomiku li jiġġenera xogħol ta’ kwalità għal Għawdxin f’Għawdex stess. Għawdex tagħna għandu dritt għal ħafna u ħafna aktar ħidma minn dan il-Gvern – impenn li aħna tal-Partit Laburista b’għaqal u b’responsabbiltà qegħdin nieħdu u li se nwettqu.