Mistennija żieda fenomenali fit-tariffi tad-dawl u l-ilma
L-Orrizont (01-10-2009)

Il-Partit Laburista jħoss li huwa tal-mistħija l-mod ta' kif il-Gvern ta' Lawrence Gonzi qiegħed juri nuqqas ta' konsiderazzjoni għall-familji f'pajjiżna meta nieda proposti dwar iż-żidiet fit-tariffi tad-dawl u tal-ilma.

It-tariffi mistennija jiżdiedu b'mod fenomenali u dan sar mingħajr ma l-Gvern indenja jikkummissjona studju dwar l-impatt soċjali u ekonomiku li dawn iż-żidiet se jkollhom fuq il-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Kelliema Laburista għall-Familja u l-Ugwaljanza, Justyne Caruana qalet li minkejja l-esponenti tal-Gvern ta' Lawrence Gonzi qegħdin jgħidu li sejrin jaraw kif jistgħu jgħinu lill-familji biex jerfgħu dan il-piż, dan ċertament mhux il-mod ta' kif verament jiġu mħarsin l-interessi tal-familji tagħna.

Dan jingħad għax kemm-il darba lanqas biss sar studju dwar l-impatt taż-żieda fuq il-familji allura ma jista' qatt li jkun hemm eżerċizzju serju dwar kif dan l-impatt jista' jiġi mnaqqas.

Sfortunatament din hi t-tendenza li qabad dan il-Gvern ta' Lawrence Gonzi li minħabba fiha qegħdin ibatu l-familji tagħna u li fix-xhur li ġejjin se jkun hemm żieda ta' dawk il-familji u persuni, l-aktar tfal, li se jkunu f'sitwazzjoni ta' faqar jew riskju ta' faqar.

Dan peress li minħabba dawn iż-żidiet sejrin jintilfu aktar impjiegi, il-qgħad se jiżdied u allura ħafna familji mhux se jkollhom mezz ta' għajxien diċenti.

Justyne Caruana qalet li huwa kundannabbli l-fatt li issa, wara li għaddiet l-elezzjoni, bdew ħerġin problemi u diffikultajiet li qegħdin jaffaċċjaw il-korporazzjonijiet tad-dawl u tal-ilma.

Diffikultajiet li se jkollhom ibatu għalihom il-familji tagħna billi se jkollhom iħallsu rati u tariffi għoljin immens - rati li ħafna mhux se jkunu jifilħu jħallsu.

Bħala kelliema għall-familja tal-Partit Laburista, Justyne Caruana esprimiet is-solidarjetà tal-Partit Laburista mal-familji Għawdxin u Maltin għall-piż enormi li se jkollhom iġorru fil-ġimgħat u xhur li ġejjin b'konsegwenza taż-żidiet mħabbra.

"Aħna bħala Partit, lesti li niddiskutu din il-problema biex iva nkunu verament qegħdin niddefendu l-interessi tal-familji tagħna, speċjalment dawk ta' dħul baxx u medju.

Bid-differenza tal-Gvern Nazzjonalista, il-Partit Laburista hu miftuħ għad-diskussjoni biex tinstab l-aħjar soluzzjoni possibbli għax aħna lill-familji tagħna mhux se nħalluhom waħedhom u żgur se nkunu viġilanti u proattivi biex nipproteġu lill-familja tagħna", qalet Dr Justyne Caruana.
© 2009 - Justyne Caruana