Huwa qal dan meta kien qiegħed jindirizza lill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament li fl-aħħar laqgħa tiegħu ddiskuta l-familja, b’aċċenn partikolari għan-nuqqas tal-missier, is-separazzjoni u l-effetti li dawn iħallu fuq it-tfal.
Kien spjegat li s-separazzjoni hija proċess li tħalli effett ħażin fuq is-saħħa tat-tfal. Il-ħsara psikoloġika u emottiva tibda minn meta t-tfal jibdew jisimgħu lill-ġenituri jiġġieldu, kemm qabel is-separazzjoni, fis-separazzjoni u wara meta jibda jingħad diskors dispreġjattiv quddiem it-tfal fil-konfront tal-konjuġi l-ieħor.
Meta l-ġenituri jkissru lil xulxin b’dan il-mod, l-impressjoni tat-tfal fuq il-figuri tal-omm u l-missier tiġi mċajpra. It-tfal ma jibqgħux jemmnu fihom u jkollhom problemi saħansitra sabiex jesprimu l-valuri tal-imħabba u r-rispett. Dan huwa ta’ ħsara kbira fuq is-saħħa fiżika, psikoloġika u emozzjonali tat-tfal, partikolarment meta jaslu okkażjonijiet aktar ‘il quddiem f’ħajjithom fejn il-preżenza tal-ġenituri hija indispensabbli – bħal tieġ.
Għaldaqstant intqal li f’separazzjoni huwa importanti li l-aċċess għat-tfal jiġi eżerċitat mill-ġenituri b’mod ugwali, titwarrab ir-rabja, l-għira u l-egoiżmu u jinżamm l-interess tat-tfal bħala priorità ewlenija. Il-ġenituri m’għandhomx jieħdu interess biss fuq kif se jinqasmu l-proprjetà u l-assi. Dr. Azzopardi qal li ma rridux inħallu li l-missier jiġi ġenitur invisibbli, u allura f’separazzjoni jrid jinstab kompromess biex il-ħin tal-missier mat-tfal ma jkunx ristrett u limitat.
L-espert staqsa lill-Kumitat jekk huwiex abbuż psikoloġiku meta t-tfal jinqabdu fil-morsa tas-separazzjoni bejn iż-żewġ ġenituri. Huwa staqsa ukoll jekk hux ġustifikat li l-uġiegħ li jgħaddu minnhom il-ġenituri fis-separazzjoni jissarraf f’abbuż psikoloġiku direttament u indirettament.
Fl-opinjoni tat-terapista tal-familja, il-liġi Maltija tas-separazzjoni tagħraf tieħu ħsieb id-diviżjoni tal-assi u proprjetà imma qiegħda tonqos milli tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal, għax dawn qegħdin jiġu stmati bħala proprjetà tal-ġenituri u mhux bħala bnedmin.
Kien diskuss ukoll il-ħin li l-ġenituri, kemm miżżewġin u kemm separati, għandhom iqattgħu mat-tfal. Evidenti kien il-fatt li ġenituri separati jqattgħu inqas ħin mat-tfal. F’Malta m’għandniex riċerka li tindika kemm il-ġenituri qed iqattgħu ħin mat-tfal, imma minn riċerka li saret kemm fl-Istati Uniti u anke fl-Ewropa, fis-snin disgħin il-ġenituri qattgħu 40 fil-mija inqas ħin minn kemm kienu jqattgħu fil-ġenerazzjoni ta’ qabilhom. Is-soċjetà għandha ċertu sterjotipi, bħal per eżempju, l-kritika li l-missier iqatta’ inqas ħin mat-tfal.
L-espert, flimkien mal-membri tal-Kumitat, qablu li dan hu żbaljat għax is-soċjetà trid tiggarantixxi strutturi li: jagħtu appoġġ lill-missirijiet u l-ġenituri kollha; b’xi mod jitnaqqas il-ħin tax-xogħol permezz ta’ miżuri ‘family-friendly’; ikun hemm aktar inċentivi għal attivitajiet familjari; aktar tagħlim ta’ kif il-ġenituri għandhom irabbu lit-tfal; u sistema edukattiva li ma tagħmilx pressjoni żejda fuq it-tfal u l-ġenituri.
Madanakollu, ġie rakkomandat ukoll li jsir sforz biex koppji fi kriżi jew f’separazzjoni jingħataw l-appoġġ kollu neċessarju ħalli: jifhmu x’inhuma l-konsegwenzi tas-separazzjoni fuq it-tfal; terapija tal-koppja u tal-familja (qabel dik legali) li twassal f’medjazzoni; u aktar għajnuna lill-membri tal-familja bħal nanniet li minħabba s-separazzjoni tat-tfal, jibdew jikkontribwixxu għat-trobbija tan-neputijiet.
Iċ-Ċerpersin tal-Kumitat, Edwin Vassallo, faħħar il-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ uffiċjali mill-Qorti li urew interess u b’mod volontarju attendew għal din il-laqgħa, fatt li jipprometti tajjeb biex dawn ikollhom l-aħjar għarfien ta’ xi jħossu t-tfal meta l-ġenituri jisseparaw. Hu staqsa lil Dr. Azzopardi biex f’laqgħa oħra jinforma lill-membri tal-Kumitat dwar x’inhuma l-aħjar prattiċi fl-oqsma tal-edukazzjoni tal-familja. Fid-dawl ta’ riċerka li kkwota Dr. Azzopardi, meta qal li lanqas 40 sena terapija ma jistgħu jfejqu l-effetti tad-divorzju fuq it-tfal, is-Sur Vassallo xtaq ikun jaf x’inhuma l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħrajn li introduċew id-divorzju.
Min-naħa tagħha, id-Deputata Laburista Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza li l-membri tal-ġudikatura ukoll għandhom ikollhom l-aħjar għarfien fuq l-effetti tas-separazzjoni fuq it-tfal. Hi ħeġġet għal aktar professjonisti li jieħdu ħsieb l-interessi tat-tfal fil-Qorti u li jwasslu l-vuċi tagħhom aħjar. Saħqet ukoll fuq il-ħtieġa tal-Liġi tat-Tfal, li tagħti vuċi u drittijiet lit-tfal kif ukoll li n-numru ta’ avukati tat-tfal jiżdied ħafna iktar mit-tnejn li hemm fil-preżent.
Justyne Caruana spjegat kif qiegħda tinnota aktar nisa li lesti jirrinunzjaw għall-kustodja tat-tfal minħabba karriera, u spjegat kif l-istress tat-tfal jista’ jinbidel f’mard fiżiku. Hija qalet li dan l-istress jiġi ukoll meta t-tfal ma jkunux iridu jmorru għand xi ħadd mill-ġenituri u jiġu sforzati jagħmlu affarijiet kontra x-xewqa tagħhom.
L-Avukat Caruana rreferiet għall-każi ta’ abbuż sesswali mill-missier fuq it-tfal, fejn it-tfal, bħala mekaniżmu difensiv, jeskludu kompletament il-figura paterna tal-missier minn moħħhom. Fid-dawl ta’ dawn il-każi, hija saqsiet lill-espert jekk in-nuqqas tal-figura paterna jkollhiex l-istess effett fuq it-tfal bħal fil-każ ta’ separazzjoni normali.
Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi staqsa dwar kif jista’ jinstab l-aħjar bilanċ bejn it-trobbija tat-tfal u l-ħinijiet tax-xogħol, li qegħdin dejjem jiżdiedu. Esprima x-xewqa li s-soċjetà tkun taf aħjar l-impatt tas-separazzjoni fuq it-tfal u t-trobbija tat-tfal min-nanniet.
Il-Kummissarju tat-Tfal, is-Sinjura Carmen Zammit, li kienet preżenti għal-laqgħa sostniet kif l-akbar preokkupazzjoni tal-Uffiċċju tagħha huma l-kawżi fil-Qrati li jinvolvu t-tfal. L-għadd ta’ ilmenti ta’ tfal li jkollhom il-ġenituri qegħdin jisseparaw u li tpoġġew għall-attenzjoni tal-Uffiċċju tagħha, huwa kbir. Hija qablet ma’ Dr. Azzopardi u spjegat kif l-impatt psikoloġiku, emozzjonali u soċjali negattiv, tas-separazzjoni fuq it-tfal, huwa ta’ tħassib kbir. It-tfal għandhom jingħataw vuċi fil-Qorti, hija qalet. Barra minn hekk, ix-xewqat tagħhom għandhom jingħataw l-importanza li tistħoqqilhom, fuq kollox meta jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi u l-ġid preżenti u futuri tagħhom.
Hija saħqet li l-impjieg ta’ żewġ avukati tat-tfal, partajm, kien pass tajjeb ‘il quddiem, iżda quddiem ir-realtà ta’ numru ta’ separazzjonijiet dejjem jiżdiedu, dan mhux biżżejjed. Is-Sinjura Zammit appellat għall-introduzzjoni ta’ ‘guardian et litem’, fejn ikunu impjegati professjonisti, anki fuq livell volontarju, biex jassistu lit-tfal – persuni li jkunu kapaċi jinterpretaw ix-xewqat tat-tfal tul il-proċess tas-separazzjoni kollu.