Ir-rizorsi Umani
L-Orrizont (16-07-2009)

Jien waħda minn dawk li nemmen ħafna fil-potenzjal Għawdxi hu x’inhu. Żgur li r-riżors uman li għandna f’Għawdex huwa eċċellenti ħafna u matul iż-żminijiet kienu ħafna dawk l-imħuħ Għawdxin li ddistingwew ruħhom f’affarijiet u materji importanti mhux f’pajjiżna biss imma anke barra minn xtutna.

Kien hemm żmien meta l-ogħla karigi tal-pajjiż kienu okkupati mill-Għawdxin. Kull fejn ikunu l-Għawdxin dejjem ħadmu, stinkaw u spikkaw fl-operat tagħhom kien x’kien u dan juri l-karattru Għawdxi – l-għaqal, id-determinazzjoni u l-impenn.

Kemm-il darba tkellimt dwar il-fatt li hemm bżonn li jiġu identifikati l-aħjar elementi li għandna f’Għawdex. Jekk iddur dawra mad-dipartimenti governattivi u parastatali mhux ta’ Għawdex biss imma anke ta’ Malta ssib ħafna Għawdxin li għandhom kwalifiki akkademiċi f’suġġetti importanti u

utli. Issib ukoll li ħafna minn dawn in-nies brillanti jkunu qegħdin jagħmlu xogħol klerikali jew ikollhom mansjonijiet li ma jkunux kompatibbli mal-isfond akkademiku li dawn in-nies ikollhom b’dan allura li dawn in-nies ma jingħatawx l-opportunità li jħaddmu dak li jkunu tgħallmu mill-università jew band’oħra. Żgur mhux forsi li dawn in-nies għandhom ħafna x’jikkontribwixxu biex l-affarijiet jimxu aħjar għall-ġid mhux ta’ Għawdex biss imma tal-pajjiż kollu.

Dawn l-Għawdxin iħossuhom frustrati ħafna. Ħafna minnhom ikomplu jistudjaw waqt li jkunu jaħdmu u jħallsu kollox huma minn buthom u mhux jiġu sponsorjati mill-Gvern. Jien naf kemm hi diffiċli l-ħajja ta’ student Għawdxi fl-Università aħseb u ara allura persuna li għandha impjieg fultajm u li mbagħad wara l-ħin tax-xogħol trid tmur l-università biex tattendi għall-kors. Ħafna minnhom ikunu xogħol Għawdex u allura wara x-xogħol jitilqu lejn l-Università Malta u jiġu lura tard bil-lejl. Kull spiża relatata mat-trasport u t-tagħlim iħallsuha huma.

Wara dan is-sagrifiċċju kollu kemm huma kif ukoll l-familji tagħhom, jispiċċaw f’xi uffiċċju jew jibqgħu fl-uffiċċju li jkunu qabel u dak l-għerf li jkunu akkwistaw b’tant sagrifiċċju jispiċċa ma jintużax. Għandek ukoll faċċata oħra tal-munita. Għandek xi nies tal-qalba li l-Gvern stess iħallsilhom biex jitgħallmu. Issib li ħafna minn dawn imbagħad jingħataw trattament differenti bħallikieku dawn ikollhom xi kwalifika speċjali għaliex ikunu ħadu t-tagħlim tagħhom mit-taxxi tal-poplu. Qabel ma ktibt dan l-artiklu għamilt sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari dwar dawn it-tip ta’ ‘sponsorships’ u saqsejt din id-domanda lill-ministri tal-Gvern kollha. Però kien hemm l-istess tweġiba orkestrata mill-ministri kollha fejn dawn qalu li hemm wisq xogħol involut biex tiġi mwieġba din il-mistoqsija.

Jien inħoss li bħala ċittadin li nħallas it-taxxa għandi dritt inkun naf jekk min mar l-università mit-taxxi tiegħi x’qed jagħti lura lill-pajjiżi. Issa ovvjament jekk mir-risposti kienet se tinkixef xi borma ovvjament dik hija storja oħra u normalment meta jkun hemm dawk it-tip ta’ tweġibiet xi ħaġa jkun hemm.

L-appell tiegħi dejjem kien u għadu li Għawdex għandu jitmexxa mill-aħjar nies. Nies tajbin għandna però dawn dejjem jitwarrbu biex l-affarijiet jitmexxew skont l-aġenda ta’ min għandu l-kilba għall-poter.

© 2009 - Justyne Caruana