Taht qillet is-shana
L-Orrizont (27-08-2009)

Is-sajf kważi spiċċa però s-sħana għadha magħna u dan is-sajf kien pjuttost qalil. F’dawn l-aħħar ġimgħat kienu ħafna dawk li batew minħabba s-sħana speċjalment anzjani, morda u tfal. Filfatt kienu ħafna dawk li lmentaw minħabba dan l-inkonvenjent kollu speċjalment meta jmorru għal xi qadjiet f’xi dipartiment governattiv.

Jien personalment kelli wkoll okkażjonijiet fejn kelli xi xogħol f’xi dipartimenti u stajt nikkonstata personalment li dawn l-ilmenti huma ġustifikati. Għalkemm għall-pubbliku dan huwa nkonvenjent, għall-ħaddiema li ta’ kull jum għall-ħinijiet twal iridu joqgħodu jagħmlu xogħolhom dan huwa trattament inuman.

Ftit tal-ġranet ilu kellna l-appelli tal-Awtorità tax-Xogħol. Dawn l-appelli jinstemgħu fiċ-ċentru tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi liema ċentru jinsab fix-Xewkija. Malli dħalt hemm- hekk is-

sħana ħassejtha tiblagħni u meta mbagħad dħalt aktar il-ġewwa kienet insapportabbli. F’dan iċ-ċentru hemm ukoll l-uffiċċju żgħir tal-iskrivani b’naqra ta’ fan jitfa’ riħ sħun. Nistqarr li lil dawn il-ħaddiema tħassarthom u meta tkellimt magħhom dwar dan l-inkonvenjent qaluli li ilhom jitolbu biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata. Ħassejt li permezz ta’ dan l-artiklu tiegħi li naf li jiġi segwit mill-uffiċjali tal-PRO tal-Ministeru għal Għawdex, inwassal dan l-ilment biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata.

Din l-istess sitwazzjoni ta’ sħana nħossuha u nbatu minnha wkoll fil-Qorti ta’ Għawdex. F’dawn l-aħħar ġranet però, uffiċċju minnhom ġie mgħammar b’sistema ta’ ‘cooler’. Dan ġara mhux għax kien hemm xi ħadd ħenn għall-ħaddiema imma għax għal min kien intiż m’għoġbux u minflok ma ntbagħat lura ġie mqiegħed f’kamra minnhom. Għalkemm allura l-qagħda tal-ħaddiema f’dan l-uffiċċju ġiet ħafna għall-aħjar, baqa’ ħafna ħaddiema oħrajn fl-istess bini tal-Qorti li ta’ kuljum qegħdin ikunu mifluġin bis-sħana. Jien personalment kull meta ngħaddi ċertu ħin il-Qorti ninħasel kollni għaraq u qed nitkellem fuq affarijiet li ngħaddi minnhom jien u li nara jien stess. Qed ngħid dan, għax kull darba li nitkellem fuq xi problema l-Qorti bilfors iridu jwaħħlu f’xi ħadd li qalli xi ħaġa, bħallikieku jien m’għandix għajnejn biex nara.

Dan l-aħħar kelli wkoll seduta mal-Ombudsman li saret fil-Ministeru għal Għawdex. Malli dħalt fejn qaluli ridt l-art tiblagħni għax il-kamra fejn kien l-Ombudsman li huwa Prim Imħallef Emeritus kienet kamra żgħira li x’aktarx tintuża bħala ‘store’. Is-sħana li kien hemm kemm fil-parti fejn tistenna kif ukoll f’din il-kamra kienet insapportabbli imma żgur li personalità bħall-Ombudsman għandu jkollu post aktar diċenti fejn jiġi jżomm il-laqgħat man-nies. Wara kollox qed jiffranka lil ħafna Għawdxin milli joqgħodu jmorru Malta biex ikellmuh.

Nappella biex min hu responsabbli idur dawra mad-dipartimenti u jara x’nuqqasijiet hemm biex il-ħaddiem verament jiġi trattat bid-dinjtà li tixraqlu.
© 2009 - Justyne Caruana