Nuqqas ta' Medicini
L-Orrizont (03-09-2009)

F'dawn l-aħħar ġranet ta' sħana u suppost ta' festi fl-irħula tagħna, irċevejt ħafna telefonati mingħand nies li jilmentaw mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. Fil-fatt f'dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm nuqqas ta' mediċini l-isptar u kien hemm ħafna nies li kienu ilhom fil-kju diversi sigħat u malli jmisshom biex jersqu lejn it-tieqa, jiġu nformati li l-mediċini li tant għandhom bżonn ma hemmx. Din mhix xi novità anzi hija xi ħaġa li qiegħda tiġri ta' spiss ħafna u minn din il-ħaġa qegħdin jispiċċaw ibatu n-nies li għandhom bżonn il-mediċina biex jikkuraw il-mard tagħhom.

Proprju f'dawn l-aħħar ġranet ġejt informata wkoll li ma kienx hemm il-mediċina Avonax Interferon. Din hija l-mediċina l-pazjenti tal-isklerosi multippla jridu jieħdu darba fil-ġimgħa. Jekk ma titteħidx mill-pazjent, isir dannu fiżiku u l-pazjent ikun ma jiflaħx ħafna. Din il-mediċini ma tistax tinxtara mill-ispiżeriji privati imma hija disponibbli biss mill-ispiżerija tal-isptar u l-ġimgħa li għaddiet l-isptar ma kellhomx u kien hemm pazjenti li ma ħadux id-doża tagħhom għal dik il-ġimgħa bil-konsegwenzi

koroh li dan in-nuqqas iġib miegħu.

Ġejt informata li din il-ġimgħa ngħatat doża lill-pazjenti għal din il-ġimgħa meta dawn is-soltu jingħataw erbgħa f'daqqa biex ikollhom waħda fil-ġimgħa għall-erba' ġimgħat li jkunu ġejjin. L-inkwiet ta' dawn il-pazjenti huwa li ta' kull ġimgħa se terġa' tirrepeti ruħha l-istess storja b'riskju kbir li d-doża ma tingħatax fil-ħin jew ma tingħatax affattu. Dan isarraf f'uġigħ u f'deterjorazzjoni fil-kundizzjoni fiżika tal-pazjent.

Anke l-mod ta' kif jiġu trattati n-nies meta jmorru għall-mediċini - qishom qed jitolbu l-karità. Meta tqis li ħafna min-nies li jkunu jistennew huma morda jew anzjani, hija krudili ferm li dawn iridu joqogħdu hemm għal sigħat sħaħ u ħafna drabi bil-wieqfa biex ma jitilfux posthom fil-kju. Hemm bżonn li jkun hemm sistema iktar effiċjenti u iktar dinjituża għal dawn in-nies li wara kollox qegħdin jeżerċitaw dritt tagħhom u mhux qegħdin jitolbu l-karità.

Il-festa ta' San Ġużepp tal-Qala ħadt pjaċir immens nisma' lill-Isqof Mario Grech jinseġ il-paniġierku tiegħu. Tkellem dwar il-ġustizzja jew iktar dwar in-nuqqas tagħha f'pajjiżna. Tkellem dwar il-ġustizzja soċjali u l-kontabilità li hemm bżonn li jkun hemm f'kull amministrazzjoni speċjalment fejn jidħol il-ġid u l-finanzi tal-pajjiż. Tkellem dwar is-serq u l-abbużi li hawn u dwar l-obbligu morali li min jisraq irid irodd lura u min jagħmel il-ħsara jrid ipatti għaliha billi jagħmel il-ġid. Kien diskors profond ħafna u fl-istess in attwali mmens.

Meta l-pazjenti mhux qegħdin isibu l-mediċina li għandhom bżonn, dawn qed ikunu vittmi tal-inġustizzja soċjali u jekk suppost hemm il-flejjes pubbliċi li jiggarantixxu li fl-Ispiżerija tal-Gvern ikun hemm dawn il-mediċini, jekk ma hemmx dawn il-mediċini jfisser allura li mhemmx kontabilità. Il-paniġierku tal-Isqof Grech ma smajtux jien biss u nispera ħafna li dak li ntqal mill-Eċċellenza Tiegħu ma waqax fuq widnejn torox speċjalment fuq dawk il-widnejn li jkunu fuq il-bank ta' quddiem nett waqt il-pontifikali ta' kull nhar ta' Ħadd.

© 2009 - Justyne Caruana