


Waqt li konna għaddejjin bil-kampanja elettorali għall-Membri Parlamentari Ewro-pej, kellna diversi attivitajiet. Waqt attivita minnhom, kien mistieden jitkellem seħibna l-Perit Karmenu Vella taż-Żurrieq.
Il-Perit Vella hu wieħed mill-imħuħ kbar fil-Partit Laburista u għandu esperjenza kbira. Hu u jitkellem qal li meta l-poplu jesprimi ruħu f’elezzjoni u jivvota għall-PL, il-Gvern jieħu daqqa, però meta jkunu l-Għawdxin li jitkellmu permezz tal-vot tagħhom, id-daqqa tkun doppja.
U f’dawn l-aħħar elezzjonijiet hekk ġara għax l-Għawdxin ħarġu bi ħġarhom jivvotaw għall-PL u wara l-elezzjoni tal-1955, jiġifieri wara iktar minn nofs seklu, il-PL f’Għawdex reġa’ ġab il-maġġoranza assoluta tal-voti. Il-poplu Għawdxi ħareġ jivvota bi ħġaru għall-PL u l-Għawdxin għamlu dan b’għajnejhom u moħħhom miftuħin għax xebgħu mill-mod ta’ kif qegħdin jiġu ttrattati.

Il-poplu Għawdxi ħareġ jivvota bi ħġaru għall-PL u l-Għawdxin għamlu dan b’għajnejhom u moħħhom miftuħin għax xebgħu mill-mod ta’ kif qegħdin jiġu ttrattati.
Qabel din l-elezzjoni erġajna rajna ħafna rjus kbar tal-Gvern ġejjin u sejrin biex taparsi għandhom għal qalbhom lil Għawdex – għaddiet l-elezzjoni u ma ġie ħadd iktar.
Li jiskantani però hu l-mod sfaċċat ta’ kif in-Nazzjonalisti jidħku bin-nies jew għall-inqas jipprovaw, għax in-nies issa tgħallmet.
Għal dawn l-aħħar snin tkellimt ma’ diversi ġenituri ta’ tfal bid-dijabete. Kemm-il darba fil-Parlament u anke fil-kitbiet tiegħi, kemm f’dan il-ġurnal u anke bnadi oħrajn, semmejt il-problemi tagħhom, speċjalment il-ħtieġa li jkun hemm servizz ta’ speċ-jalista tad-dijabete tat-tfal fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex.
Il-wegħdi lill-ġenituri min-naħa tal-Gvern ma naqsux, imma dan l-ispeċjalista qatt ma wasal.
Dan l-aħħar erġajt qajjimt dan il-punt il-Parlament u l-Ministru għal Għawdex qalet li kulma hawn huma erba’ pazjenti u dawn jiġu riferuti lejn l-isptar Malta. Meta rajt din ir-risposta u wrejtha lil rappreżentant tal-ġenituri, ma stajniex nemmnu dak li qrajna. Kif setgħet ingħatat risposta simili meta l-ewwel u qabel kollox in-numru ta’ tfal hu iktar mid-doppju, u kieku stess ma kienx, dawn it-tfal għandhom dritt għal dan is-servizz f’Għawdex stess.
Problema oħra hija dwar is-servizz ta’ fiżjoterapista għat-tfal wara l-ħin ta’ l-iskola. Is-servizz jingħata matul il-jum u allura biex it-tfal ikunu jistgħu jattendu għas-sessjonijiet, iridu jitilfu l-iskola u allura l-aħjar soluzzjoni hija li jkun hemm dan is-servizz ħinijiet oħrajn. Għall darb’oħra l-ġenituri ukoll ġew imwegħdin li dan se jsir, imma għal darb’oħra, wara ħafna talbiet, għadu ma ġara xejn.
Dan huwa mod ta’ kif tittratta lill-persuni vulnerabbli? Dawn it-tfal għandhom bżonn l-għajnuna u min qiegħed hemm biex jassigura kwalità ta’ ħajja aħjar għalihom, qed iċaħħadhom minn dak li għandhom bżonn.
Dan mhux il-mod ta’ kif isiru l-affarijiet u għalhekk Joseph Muscat qed jiġbed iktar u iktar nies warajh, għax qed jagħti sinjal ċarissimu li għalina kulħadd għandu jkollu d-drittijiet imħarsin u kulħadd għandu dritt għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan il-poplu Għawdxi fehmu u għalhekk ivvota Labour.