Sakemm il-korporazzjoni qiegħda tipprepara l-pjanjiet tagħha, il-problema tad-drenaġġ qiegħda tkompli tikber. Minkejja li fil-wiċċ, il-ħsara mhix evidenti, id-drenaġġ għadu ħiereġ b'ċertu kwantità tant li qiegħad jikkontamina l-ilma tal-madwar. Infurmata li diġà hemm sitt 'boreholes' tal-ilma li huma kkontaminati u dan juri biċ-ċar li qiegħda ssir ħsara enormi taħt l-art u liema ħsara hija ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem.
Għalkemm il-Ministru forsi infurmawh li l-pompi proviżorji qegħdin ilaħħqu mad-drenaġġ li ħiereġ, dan sfortunatament mhux minnu. Iktar mal-Korporazzjoni se ddum taħsibha iktar qiegħda ssir ħsara u iktar u iktar l-problema se tkun diffiċli biex tissolva. Hemm bżonn ta' pjan komprensiv għal sistema ta' drenaġġ li tiflah għal konsum tal-lum. Huwa inutili li l-Gvern joqgħod jiftaħar bil-bdil tal-pompi li sar f'Għawdex u li servew biss xi ftit xhur u mbagħad m'hemm ebda pjan fit-tul għal sistema tad-drenaġġ adegwata għall-konsum li għandna llum.
Jidher li l-Korporazzjoni qiegħda tipprova tiffranka xi ftit flus minn fuq dahar il-ħaddiema wkoll għax qegħdin nisimgħu li se jitneħħa x-'shift' tal-ħaddiema tad-drenaġġ. F'dawn l-aħħar snin diġà kien hemm tnaqqis sostanzjali fin-numru ta' ħaddiema biex illum mal-Waste Water f'Għawdex għandek madwar 20 ruh biss. Nafu wkoll li għandna numru żgħir ħafna ta' ħaddiema li jinżlu fil-fond. Dawn in-nies jagħmlu xogħol perikoluż immens għax mid-drenaġġ joħorġu ħafna gassijiet velenuzi. Dawn il-ħaddiema però ma huma apprezzati xejn anzi dejjem iwiegħdhom kundizzjonijiet ta' mpjieg aħjar imma dejjem jibqgħu fejn ikunu.
Lill-Ministru Gatt u lin-nies tiegħu nappellalhom biex jindirizzaw din il-problema minnufih. Ma nagħmlux bħal fariżej u nagħtu każ fejn jidher biss. Il-problema tad-drenaġġ fl-inħawi tal-'heliport' hija problema serja ħafna u ma għandux ikun emm tkaxkir tas-saqajn fuq problema bħal din fejn hemm involuta s-saħħa tal-bniedem.