


Fil-ġranet li għaddew għamilt Mistoqsija Parlamentari lill-ministri kollha biex nistaqsi kemm hemm Għawdxin maħtura f’bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteri tagħhom u jgħidu min huma, xi rwol għandhom fi ħdan il-bord u meta saret il-ħatra u kemm hu l-onorarju li jitħallas. Uħud mill-ministri rrispondew filwaqt li oħrajn għadhom jiġbru l-informazzjoni. Però t-tweġiba tal-Ministru Fenech kienet l-aqwa waħda għax dan weġibni hekk: “Nitlob lill-Onor Interpellant biex tispeċifika min jikkwalifika bħala Għawdxi għall-fini ta’ din il-mistoqsija”.
Nistqarr li meta rajt din it-tweġiba bdejt inrodd is-slaleb għax qatt ma ppretendejt li ministru tal-Gvern se jitlob x’inhuma l-kwalifiki biex persuna tkun Għawdxija – hi x’inhi d-domanda jew kwistjoni. Ma jidhirlix li hemm bżonn ta’ xi definizzjoni ta’ Għawdxi jew Għawdxija kif talab il-Ministru Fenech. Dan huwa ministru ta’ dak l-istess Gvern li jiftaħar kemm għandu lil Għawdex għal qalbu u kemm għandu l-interess tal-Għawdxin fil-viżjoni tiegħu. Imbagħad għandek ministru responsabbli,

fosthom għall-finanzi tal-pajjiż u responsabbli mill-baġit, u jsib diffikultà biex jifhem xi tfisser li tkun Għawdxi għal skop ta’ Mistoqsija Parlamentari sempliċissima.
Qed insemmi din il-mistoqsija b’tant emfasi għar-raġuni li minn din il-ħaġa biss joħroġ ċarissimu li l-Gvern ma jafx xi tfisser tkun Għawdxi u lanqas allura ma jista’ jifhem dak kollu li ngħaddu minnu aħna għas-sempliċi fatt li aħna Għawdxin u ngħixu fi gżira żgħira maqtugħa minn Malta. Ma nħossx li xi ministru jew xi ħadd ieħor għandu jqis il-fatt li inti ġej minn parti jew oħra tal-pajjiż bħala xi kwalifika. Jien Għawdxija u kburija li jiena ġejja minn din il-ġżira. Jien ngħix f’Għawdex u allura ta’ kuljum ngħix il-problemi li ngħixu aħna lkoll bħala Għawdxin. Ngħix u nħoss is-sens ta’ inferjorità li jġiegħluna nħossu l-Maltin għas-sempliċi fatt li aħna żgħar u niddependu ħafna minn Malta anke għall-bżonnijiet l-iktar bażiċi u importanti.
Jekk hemm minn iħares lejna b’dan il-mod ifisser li s-sens ta’ identità tagħna mhux qawwi biżżejjed u qed inħallu lil ħaddieħor imexxi l-aġenda ta’ gżiritna u li mhux neċessarjament tkun l-interess ta’ Għawdex. Kritika ħarxa li aħna bħala Oppożizzjoni nagħmlu lill-Gvern hija li mhux minnu li d-deċiżjonijiet li jittieħdu dwar Għawdex huma fl-interess ta’ Għawdex. Il-vuċi Għawdxija fil-Kabinett hija dgħajfa wisq u mhix kapaċi tagħti lil Għawdex dak li verament għandu bżonn.
Staġun wara ieħor u sena wara oħra naraw l-istatistika tagħtina sitwazzjoni u qagħda agħar minn tas-sena ta’ qabel. Il-poplu Għawdxi sena wara oħra qed jirreġistra rigress fil-qagħda kwalitattiva ta’ ħajtu u ta’ familtu u ż-żgħażagħ u t-tfal tagħna għandhom prospetti u opportunitajiet limitati immens.
Lill-Għawdxin minn qalbi ngħidilhom u nħeġġihom li hemm bżonn inkunu iktar kburin bl-għeruq tagħna. Min qed jitfagħna u jħallina lura ma nħalluhx jagħmel hekk iktar. Min mhux kapaċi jirrispondi domanda ċertament lanqas mhu kapaċi jagħmel il-ġid għal Għawdex u l-Għawdxin. Għawdex għandu bżonn il-bidla u l-bidla rridu nagħmluha aħna.