


F’dawn l-aħħar ġranet fid-djar tagħna rċevejna ħafna fuljetti ta’ propoganda għall-elezzjonjiet tal-Parlament Ewropew u anke għall-kunsilli lokali. F’daqqa waħda l-poplu reġa' sar importanti għax f’kull elezzjoni huwa l-poplu li huwa sovran, għax huwa l-vot tal-poplu li jħoll u jorbot u suċċess jew inqas ta’ kull kandidat u tal-partit li jkun jirrapreżenta.
Laqatni fuljett ta’ kandidat tal-Partit Nazzjonalista fejn dan stqarr li f’kull elezzjoni Għawdex isir stilla, imma li mbagħad wara li tgħaddi l-elezzjoni, jerġa' jaqa’ fit-telqa bħalma kien qabel. Din l-istqarrija li ġejja minn kandidat ta’ partit li lil Għawdex dejjem ħallih jaqa’ lura għandha ħafna x’tomgħod u tara ukoll l-ipokrezija sfaċċata għax dawn jafu li Għawdex tħalla jaqa’ lura u dan ġie ddikjarat fil-fuljett ta’ dan il-kandidat partikolari.
Fil-fatt lejliet kull elezzjoni nibdew naraw ħafna kpiepel ġejjin lejn Għawdex u jagħmlu żjarat u

attivitajiet li normalment matul is-sena ma jsirux. Nisimgħu ukoll ħafna diskors ta’ tifħir fuq Għawdex f’dawn iż-żminijiet imma nafu li dan kollu se jispiċċa u jisfuma fix-xejn għax sa mill-għada ta’ l-elezzjoni nerġgħu naqgħu fil-kategorija taċ-ċittadini tat-tieni u tat-tielet klassi u jekk qabel kont taqbad il-vapur tas-sebgħa u nofs ta’ filgħodu u taqbad il-karozza ta’ l-isptar biex tmur l-isptar Malta, l-għada ta’ l-elezzjoni hekk ħa terġa' tibda tagħmel. Daqshekk jistmana lilna l-Għawdxin dan il-Gvern.
Bħala Għawdxija nħossni offiża b’dan l-atteġġjament u bħali hawn ħafna, fosthom ukoll nies li m'għandhomx il-fehma poli-tika tiegħi. Dan l-aħħar bħala partit kellna 'business breakfast' li għaliha attendew rappreżentanti ta’ diversi entitajiet f’Għawdex. Meta tkellimt f’din l-attività għidtilhom li bħala Għawdxija inħossni umiljata bil-mod ta’ kif jittrattana l-gvern ċentrali u bil-wegħdiet ripetutament mhux imwettqa, qiegħed joffendi l-intelliġenza tagħna.
Żgur mhux forsi li f’din il-kampanja elettorali l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista għat-talba lill-Kummissjoni Ewropea għal studju soċjo-ekonomiku dwar Għawdex għal fondi speċjali, hija l-ikbar daħka fil-wiċċ. Il-Gvern bl-inkapaċità tiegħu naqas diġà milli jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel dan l-istudju għall-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea li għadda u b’hekk ċaħħad lil Għawdex mill-possibbiltà li nieħdu fondi bħala gżira reġjun. Allura fil-manifest tagħhom qegħdin iwiegħduna xi ħaġa li digà naqsu milli jagħmlu.
Imbagħad jiġi kandidat tagħhom u jgħid li l-Gvern ma setax jagħmel din it-talba għal Għawdex għax Għawdex diġà qed jieħu l-massimu tal-fondi. Mela jekk inhu hekk għaliex qed jagħmel din il-wegħda? U jekk inhu hekk għaliex allura Għawdex jieħu biss parti mill-fondi li tieħu Malta kollha u kemm jieħu Għawdex jiddependi mill-gvern ċentrali?
X’ħaseb dan il-kandidat u sħabu li aħna l-Għawdxin ma nafux gżejjer oħra x’ħadu? X’jaħsbu, li aħna ma nistaqsux għaliex dawk ħadu u aħna le? Jaħsbu li ma nafux li għan-Nazzjonalisti, Għawdex isir importanti biss għall-voti? Kien għalhekk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-poplu Għawdxi ta risposta bil-vot tiegħu u hekk irridu nerġgħu nagħmlu. Hemm bżonn li lill-Gvern nuruh li ma rridux min jitmejjel iktar b’Għawdex u bl-Għawdxin. Kull vot Għawdxi għandu jintuża tajjeb billi jmur għall-kandidati tal-Partit Laburista kollha għax għalina Għawdex stilla dejjem.