


Il-Kelliema Laburista għall-Familja u Ugwaljanza, id-deputata Justyne Caruana qalet li l-Partit Laburista ma jistax jibqa' passiv għall-ilmenti li saru dan l-aħħar dwar il-mod ta' kif qegħdin ikunu trattati l-klijenti ta' xi ċentri għal matul il-jum tal-persuni b'diżabiltà.
Il-klijenti taċ-ċentri, li huma l-persuni b'diżabbiltà, qegħdin jiġu trasportati mid-dar tagħhom għaċ-ċentru u lura f'vannijiet bla arja kkundizzjonata.
Dan qiegħed ikun kaġun ta' tbatija u nkonvenjent kbir għall-klijenti, li ħafna minnhom ikollhom kundizzjonijiet mediċi kumplessi ħafna.
Ta' min jgħid li għal dan is-servizz tat-trasport, il-Fondazzjoni qegħda tħallas eluf kbar ta' ewro minn flus il-poplu. Madankollu, minkejja dan, il-persuni b'diżabilità li qegħdin jinġarru b'dawn il-vannijiet qed jgħaddu minn din it-tbatija kollha minħabba n-nuqqas ta' arja kkundizzjonata fil-vetturi.
