Għal aktar Ugwaljanza
L-Orizzont (27-03-2009)

Din il-ġimgħa ddiskutejna abbozz ta’ liġi li fl-opinjoni tiegħi huwa importanti ħafna. Dan l-abbozz kien jittratta dwar amendi għall-Att dwar l-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa u s-sempliċi fatt li ddiskutejna s-suġġett tal-ugwaljanza u d-drittijiet tan-nisa fil-Parlament, ukoll fih innifsu huwa pożittiv ħafna u għalhekk aħna bħala Oppożizzjoni qbilna miegħu u vvotajna favur.

Meta ftaħt id-diskussjoni min-naħa tal-Oppożizzjoni dwar dan l-abbozz ħassejt però, li kelli nagħti rendikont ta’ x’wassal biex kellna din l-liġi għad-diskussjoni. Fil-fatt ikkwotajt komunikati u memo tal-Kummissjoni Ewropea, fejn dawn qalulna li bħala pajjiż li ma konniex daħħalna d-direttiva dwar l-ugwaljanza tajjeb u kif suppost. Din hija d-direttiva 2002/73/KE li wkoll qiegħda ssir referenza għaliha fl-istess abbozz.

U allura kkritikajt lill-Gvern għax f’dan il-qasam u speċjalment fid-dawl ta’ din id-direttiva u tal-

abbozz li kellna quddiemna, aħna konna reattivi għax il-Kummissjoni Ewropea kienet se tibda proċeduri kontra Malta minħabba n-nuqqasijiet li għandna fil-liġi tagħna.

Fuq suġġett bħal dan żgur li ma għandniex noqogħdu nistennew lill-Unjoni Ewropeja biex toqgħod tiġbdilna l-attenzjoni b’mod formali ħafna dwar in-nuqqasijiet tagħna u allura ħeġġiġt biex inkunu iktar proattivi u fil-fatt għamilt xi suġġeriment biex din l-istess liġi tiġi emendata biex tkun iktar effettiva fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, u l-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza tingħata iktar żmien biex tkun tista’ tikkumbatti aħjar id-diskriminazzjoni u tkun tista’ tipproċedi anke ġudizzjarjament kontra min iwettaq id-diskriminazzjoni b’iktar faċilità.

Meta mbagħad bdejt nitkellem dwar l-abbozz fih innifsu, ta’ min jgħid li dan l-abbozz huwa qasir ħafna però jindirizza żewġ nuqqasijiet minn tlieta li indikat il-Kummissjoni Ewropea. Fil-fatt in-nuqqas l-ieħor ġie indirizzat permezz ta’ abbozz ieħor li jemenda l-liġi industrijali u l-Kap 452 li huwa l-Att dwar l-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali. Essenjalment l-abbozz dwar l-ugwaljanza tratta tliet aspetti importanti. Twessgħet id-definizzjoni tad-diskriminazzjoni b’dan li issa, pereżempju persuna li tkun soffriet diskriminazzjoni fil-passat u li llum ma għadhiex xorta tista’ tipproċedi. Jien qajjimt il-punt jekk kienx hemm xi żmien marbut peress li l-liġi ma ssemmi xejn u allura kien hemm ħtieġa ta’ kjarifika u fil-fatt ġie kkonfermat li ż-żmien biex tipproċedi huwa ta’ sentejn.

Ġiet iċċarata wkoll id-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta li hija iktar diffiċli biex tipprovaha minn meta jkollok diskriminazzjoni diretta u allura hija iktar ċara u evidenti. Fil-fatt iddaħħal element fejn bħal fil-każ ta’ diskriminazzjoni diretta tista’ tagħmel eżercizzju komparattiv. Anke a rigward il-ħtieġa li tipprova l-każ tiegħek permezz ta’ statistika wkoll saru modifiki għaliha fejn illum is-sitwazzjoni se tkun iktar flessibbli biex tiffaċilita lil dak li jkun ressaq il-każ fl-eżerċizzju.

Il-Kummissjoni Ewropea kkritikat il-fatt li skont kif qiegħda l-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza mhix garantita l-indipendenza tagħha. Fil-fatt l-abbozz iddaħħal il-kelma “indipendenti” f’diversi partijiet tal-att prinċipali. Jien min-naħa tiegħi insistejt li b’dan il-kliem miżjud biss ma konniex se nissodisfaw dak li qiegħda titlob il-Kummissjoni u sħaqt li wasal iż-żmien li jinbidlu l-proċeduri u r-regolamenti tal-Kummissjoni u stennejt li ġaladarba konna qegħdin niddiskutu emendi għal dan l-Att, il-Gvern ukoll kien se jagħmel eżerċizzju sħiħ u komplut biex nindirizzaw in-nuqqasijiet kollha biex naħdmu aħjar.

Wara li għarbilt l-abbozz anke mill-aspett legali, imbagħad għaddejt biex nitkellem fuq il-ħafna u ħafna problemi li jiffaċċjaw in-nisa ta’ kuljum f’pajjiżna. Bħala omm bil-karriera u fil-politika u appuntu l-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-familja u l-ugwaljanza, inħoss li għandi nkun il-vuċi ta’ dawk in-nisa kollha ta’ pajjiżna u dan kien dibattitu fejn kien f’loku ħafna li titkellem dwar il-barrieri li għandhom in-nisa speċjalment dawk il-familja u bit-tfal. Fejn fi żmien ta’ reċessjoni huma n-nisa li l-iktar li jbatu u fejn is-saħħa tan-nisa għandha tingħata iktar attenzjoni u allura l-ħtieġa tal-‘breast screening programme’ kemm jista’ jkun malajr. Tkellimt dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Għawdxin li lanqas servizz ta’ mammogramm ma għandna f’Għawdex, kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ servizzi u strutturi f’każi ta’ abbuż u vjolenza.

Din hija diskussjoni importanti ħafna u j’Alla dak li hemm fuq il-karta jiġi attwat verament.



Minn JOHN DALLI, Ministru għall-Politika Soċjali

L-ugwaljanza hija dritt fundamentali għad-dinjità tal-bniedem, u hija ukoll il-qofol għall-parteċipazzjoni ikbar fis-suq tax-xogħol u fis-soċjeta’ inġenerali. Għalhekk, il-Gvern huwa impenjat li jassigura li kull individwu jkollu aċċess indaqs biex ikun jista’ jiżviluppa l-potenzjal tiegħu jew tagħha, kif ukoll biex kulħadd ikollu l-opportunità li jipparteċipa fis-setturi u l-oqsma kollha tas-soċjetà.

Permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, il-Gvern iħares il-prinċipju tal-ugwaljanza, u t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. Fil-fatt, il-prinċipju tal-ugwaljanza għadu prijorità tal-Gvern, anke fl-isfond ta’ bidliet u ħtiġijiet ġodda tal-familji, tal-ħaddiema u tan-negozji.

B’hekk, dawn il-prinċipji ser jiġu ċċarati, u koperti b’mod sħiħ fl-“Att tal-2009 li jemenda l-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa”.

L-għan ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huwa li jintroduċi emendi fl-Att preżenti sabiex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Għalhekk xi frażijiet minn dan l-Att li jirrikjedu kjarifika, ser jiġu ċċarati u korretti. Fil-fatt, it-tifsira ta’ diskriminazzjoni diretta ġiet estiża biex tibda tkopri trattament diskriminatorju li qiegħed jingħata fil-preżent, trattament diskriminatorju li ġa ngħata fil-passat, u trattament diskriminatorju li kieku kien jingħata lil xi persuna minħabba s-sess jew ir-responsabbiltajiet familjari tiegħu/tagħha.

Minbarra dan, varjazzjoni oħra fil-modalità tal-verb ser issir ukoll fit-tifsira ta’ diskriminazzjoni indiretta. B’hekk, it-tifsira ta’ diskriminazzjoni indiretta ser tkun tinkludi kull trattament li jista’ jqiegħed xi rġiel jew nisa fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ persuni tas-sess oppost.

Permezz t’hekk, kull tip ta’ trattament fl-impjieg, fl-edukazzjoni, fil-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra, jew fir-reklami li jirreklamaw post battal għal xi impjieg li jistgħu jiddiskriminaw abbażi tas-sess jew tar-responsabbiltajiet familjari (b’mod mhux ġustifikat) huma illegali. L-Abbozz li ser jiċċara wkoll li d-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi ppruvata permezz ta’ kull tip ta’ prova, inkluż bil-mezz tal-istatistika.

Min-naħa l-oħra, l-Abbozz ser isaħħaħ l-indipendenza tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza fix-xogħol tagħha permezz li jiċċara dan fl-artikolu relatat mal-funzjonijiet tal-Kummissjoni. B’hekk niċċaraw li l-Kummissjoni tkun tista tagħmel investigazzjonijiet inġenerali, kif ukoll indipendenti.

Minbarra dan, l-indipendenza tal-Kummissjoni ser tkun ukoll evidenti f’funzjonijiet oħra tagħha. Fil-fatt, l-Abbozz jiċċara li kemm l-investigazzjoni tal-ilmenti ta’ persuni li jħossuhom diskriminati minħabba s-sess jew ir-responsabbiltajiet familjari tagħhom, kif ukoll l-għoti ta’ pariri u l-assistenza rispettiva li tingħata mill-Kummissjoni huma indipendenti, hekk kif jiddetermina dan l-Att.

Għalhekk, dan l-Abbozz ta’ Liġi ser jiċċara xi punti biex il-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tkun iktar inklussiva, u tkopri iktar każijiet ta’ diskriminazzjoni. Permezz t’hekk, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza tkun tista tipproteġi u tassisti iktar nisa u rġiel f’każ li jħossuhom diskriminati minħabba s-sess jew ir-responsabbiltajiet familjari tagħhom.

Iktar minn hekk, dan l-Abbozz ikopri l-indipendenza tal-Kummissjoni għal iżjed effiċjenza fil-qadi tal-funzjonijiet tagħha. B’hekk dan l-Abbozz ta’ Liġi, li jemenda l-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa, jkompli jiżgura li l-prinċipju tal-ugwaljanza jkun verament prijorita’ orizzontali fil-formulazzjoni tal-politika fuq livell nazzjonali.



Mid-djarju ta’ Edwin Vassallo (PN)

L-esperjenza politika tiegħi llum iddur mal-ħidma li qed inwettaq bħala Ċermen tas-Social Affairs Committee li huwa wieħed mill-kumitati fi ħdan l-istruttura tal-ħidma tal-Parlament.

Għalkemm tidher li hija esperjenza totalment differenti minn dik fis-settur tal-kummerċ, fejn qabel din l-esperjenza, kelli għaxar snin esperjenza ta’ Segretarju Parlamentari għas-self-employed. Illum irrid ngħid li nara ħafna kwistjonijiet komuni, u l-esperjenza li kelli fil qasam tal-kummerċ u l-esperjenza tal-ħidma eżekuttiva tal-Gvern, illum qiegħda tagħtini vantaġġ biex inkun nista’ nwettaq dak li hu mistenni minni f’dan il-kumitat b’aktar enerġija, entużjażmu u effettività.

Inħobb ngħid li f’din l-esperjenza nħoss ‘fulfilment’ politiku għax meta niddiskutu kwistjonijiet li jolqtu lill-familja, inħoss li qegħdin niddiskutu dak li l-aktar huwa importanti u meħtieġ għas-soċjetà. Qed ikolli esperjenza li mmiss mal-problemi tat-tfal, tal-adulti u tal-anzjani kif ukoll ta’ dawk li huma mċaħħdin mill-imħabba tal-familja, hekk ukoll ta’ dawk li huma vittmi tad-droga u vizzji oħrajn bħalma huwa l-logħob tal-azzard.

Bil-ħidma ta’ dan il-kumitat u grazzi għal sħabi d-deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra qed nara li qed jirnexxilna noffru lill-poplu Malti informazzjoni reali fuq is-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha. L-isfidi tagħna bħala poplu m’għandniex naħbuhom u lanqas ma aħna ngħidu li kollox sewwa. Anzi jien kuntent li bill-ħidma ta’ dan il-kumitat, is-soċjetà Maltija qiegħed jingħatalha riżultat ta’ X-ray soċjali li minnu toħroġ il-verità.

Kuntent li l-ġurnali tagħna qegħdin isegwu u jirrapportaw lis-soċjetà x’qegħdin jgħidu l-esperti f’oqsma differenti tal-ħajja. Qegħdin nuru r-realtà ta’ fejn hi l-familja tagħna llum f’Malta u kemm hi kbira t-tbatija li qegħdin iġarrbu t-tfal minħabba l-egoiżmu tagħna l-adulti. Se nippubblikaw rapporti bi proposti prattiċi dwar kwistjonijiet differenti li fuqhom kellna l-laqgħat. Dawn il-proposti se jkunu mressqin kemm lill-Parlament kif ukoll lis-soċjetà Maltija.

Is-sabiħ tal-ħidma f’dan il-kumitat hija l-komunikazzjoni mal-istess soċjetà. Ma’ dan ukoll l-oppurtunità tal-ħsieb u riċerka. Ladarba bħala deputati ma għadhiex il-pressjoni tal-eżekuttiv tal-Gvern allura għandna aktar opportunità li naħsbu fuq dak li jkun qed iseħħ madwarna.

L-ambizzjoni tiegħi hi li permezz ta’ din il-ħidma f’pajjiżna nsaħħu l-kultura favur it-tisħiħ tal-familja u għalhekk innaqqsu dawk l-esperjenzi ta’ uġiġħ li jgħaddu minnhom it-tfal. Meta nsaħħu l-familja nkunu qegħdin ukoll niġġieldu kontra l-faqar fis-soċjetà tagħna.

Dan huwa s-sabiħ tal-politika li fuq kollox tfisser servizz lejn is-soċjetà.

Persważ li bl-għajnuna t’Alla u l-ħidma b’impenn kollettiv ma’ sħabi d-deputati membri ta’ dan il-kumitat, inkomplu naħdmu flimkien biex nagħtu xhieda li permezz tal-politika kapaċi nagħmlu d-differenza, u l-Parlament u spazju u opportunità fejn kull min jimportah jista’ jwassal fehemtu u l-proposta tiegħu.

Fil-politika mhux min int li jagħmel id-differenza iżda x’qiegħed tagħmel li jiswa għas-soċjetà, għax il-politiku ma jistax ikun fil-politika għalih innifsu iżda biex ikun ta’ ġid għall-ġid komuni.



Mid-djarju ta’Leo Brincat (PL)

Fil-kalendarju politiku tiegħek bħala Kelliem Ewlieni trid iżżomm bilanċ bejn l-interessi tal-kostitwenza, ix-xogħol tiegħek fil-Parlament u l-laqgħat li tkun trid iżżomm kemm f’Malta u barra l-pajjiż inkonnessjoni mal-qasam li tkun responsabbli għalih. Fil-każ tiegħi apparti milli jiena Kelliem Ewlieni għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u t-Tibdil tal-Klima ninsab responsabbli wkoll għall-energija alternattiva, għall-immaniggjar tal-iskart u anke għall-afforestazzjoni. Bħala Kumitati Parlamentari nservi kemm fuq dak tal-Affarijiet Barranin u Ewropej f’pajjiżna u anke fuq dak tal-Ambjent u Enerġija fi ħdan l-EMPA (il-Euro Mediterranean Parliamentary Assembly). Fil-jiem li għaddew u aktar tard din il-ġimgħa se nkun laħħaqt prattikament mal-oqsma kollha.

Filwaqt li żammejt it-tradizzjoni tiegħi li nżur iċ-Ċentri Laburisti tal-lokali tad-distrett kull ġimgħa, żort ukoll xi familji li kellhom bżonn ikellmuni dwar problemi varji.

Fi Brussels ħadt sehem f’laqgħa tal-kumitat imsemmi ambjentali u tal-energija tal-EMPA li sfortunatament marret xi ftit żmerċ billi l-awtoritajiet Belġjani ma laħqux ħarġu l-visa lill-kelliem ewlieni mistieden – il-Ministru tal-Ambjent tal-Ġordan. Iżda xorta waħda mbottajna ’l quddiem rapporti dwar l-użu mifrux tal-enerġija mix-xemx fil-Mediterran kif ukoll proposti għall-ħarsien tal-ekosistemi kostali u marittimi f’pajjiżi tal-Mediterran li spiss ibatu mit-tniġġis.

Ftit qabel indirizzajt xi mistoqsijiet lill-Kummissarju Barriot f’Malta dwar l-immigrazzjoni illegali meta ltaqa’ mal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej filwaqt li llum għandna laqgħa mal-Kummissarju Ewropew Verheugen.

Approvajt l-aħħar irtokki għall-websajt li kelli nniedi dawn l-aħħar ftit jiem li se jkollha bixra ambjentali.

Għamilt għadd ta’ mistoqsijiet lill-Prim Ministru fil-Parlament fi tmiem l-istqarrija tiegħu dwar is-Summit riċenti tal-UE, l-aktar dwar l-energija u t-tibdil tal-klima u l-‘wind farms’ kif ukoll dwar ir-riċessjoni fl-UE, ir-ratifika tal-ftehim dwar tassazzjoni doppja mal-Istati Uniti u l-‘hedge funds’ u t-‘tax havens’.

Komplejt bil-laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar l-istartegija tal-immaniggjar tal-iskart solidu ma’ diversi għaqdiet ambjentali b’laqgħa skedata mar-Ramblers’ Association filwaqt li ftit jiem ilu ressaqt bl-approvazzjoni tal-Mexxej Laburista, oġġezzjonijiet formali min-naħa tal-PL dwar it-tliet proposti tal-Gvern dwar it-Triq tal-Għadira.

Ħadt gost nattendi laqgħa tal-Iskola Sekondarja tal-Bniet ta’ Bormla – St Margaret’s College – fejn stajt nara b’għajnejja x-xogħol fejjiedi tal-istudenti dwar il-proġett ambjentali “Green Ribbons”, fil-lokal li għadu għal qalbi ħafna, billi twelidt u għext fih sakemm kelli 21 sena.

Ftit ilu ġejt intervistat minn televiżjoni mill-Latvja grazzi għal inizjattiva tas-Sindku Laburista ta’ Ħal Kikrop Mario Salerno. Baqgħu mistgħaġbin bin-nuqqas ta’ suċċess f’pajjiżna fil-qasam tal-enerġija alternattiva. Ma setgħux jifhmu l-apatija li l-Gvern wera biex jilħaq il-miri tal-UE. Qegħdin inħarsu b’interess li llejla nattendu l-‘gala night’ tar-rock opera “Ġensna”, fejn jidher li David Borg u sħabu għamlu tħejjijiet professjonali sew filwaqt li ma nistax ma nsellimx mill-ġdid lill-awturi tagħha, b’mod partikolari lill-ħabib tiegħi Raymond Mahoney, li ilna ħbieb minn meta konna għadna studenti.

Matul din il-ġimgħa qajjimt il-każi skandalużi kif se jingħataw għall-iżvilupp ta’ Wied Għollieqa u Wied il-Għasel. Staqsejt lill-PM jekk kienx iħoss li kienet deċiżjoni strateġika żbaljata li l-MEPA xtrat għal aktar minn 4m ewro l-Hexagon House fejn diġà kienhemm problemi ta’ rwejjaħ li jagħmlu ħsara lill-ħaddiema. Il-PM qalli li ma kellu ebda rapporti dwar dan. Din hi gidba għax fis-sajf diġà kont ħriġt stqarrija u proprju l-għada li weġibni fil-Parlament kellhom jieħdu xi ħaddiema tal-MEPA l-isptar. U dan f’dipartiment suppost responsabbli għall-ħarsien tal-ambjent!
© 2009 - Justyne Caruana