Ir-riżultat elettorali tat-13-il distrett wera biċ-ċar kemm il-poplu ma kienx fer- ħan bl-amministrazzjoni Nazzjonalista tant li l-kandidati stabbiliti kollha tilfu l-voti. Dan jikkuntrasta bil-kbir mar-riżultat li ksibna aħna l-kandidati tal-Partit Laburista fejn irreġistrajna żieda konsiderevoli fuq ir-riżultat elettorali ta’ l-elezzjoni ta’ l-2003. Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li wrew fiduċja fina u li appoġġjawna kif ukoll nirringrazzja lil sħabi, li fformajna parti mit-tim Laburista, tal-ħidma li lkoll wettaqna għall-ġid ta’ Għawdex u ta’ l-Għawdxin.
Fl-aħħar artiklu ta’ qabel l-elezzjoni kont wissejt lill-elettorat biex ma jafdax lill-Partit Nazzjonalista għax dawn kienu, għadhom u jibqgħu l-partit li qabel l-elezzjoni jpinġi kollox illellex u mbagħad wara jibda ħiereġ is-swied u l-għawġ. Dejjem ġara hekk u kienu ħafna dawk li baqgħu għajnejhom miftuħin f’din l-elezzjoni.
Proprju ftit ġranet wara l-elezzjoni diġà ġraw affarijiet li jikkonfermaw li n-Nazzjonalisti qabel l-elezzjonijiet jgħidu mod u mbagħad wara jagħmlu mod ieħor. Ħafna ġenituri Għawdxin li wliedhom jifformaw parti mill-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu mħassbin ħafna dwar il-fatt li minn wara dahar kulħadd dan il-Gvern reġa’ daħħalna fil-Partnership for Peace. Dan ukoll meta qabel l-elezzjoni ġew reklutati ħafna suldati li ma kellhom ebda ħjiel dwar dan. Ġara però li hekk kif il-PM Gonzi reġa’ qagħad bil-qiegħda fuq is-siġġu faqqa’ din.
Omm li għandha binha jaħdem Malta u li nqabeż marret tilmenta għand xi ħadd li qabel l-elezzjoni wiegħedha li se jgħinha bi bdil tal-vot għall-Partit Nazzjonalista. Din ivvotat għan-Nazzjonalisti għax kif stqarret miegħi “għat-tfal tagħmel kollox”. Ġara li din miskina wara l-elezzjoni marret fejn min wiegħda l-għajnuna però r-risposta kienet li ċ-ċans kien qabel l-elezzjoni għax it-‘transfers’ lejn Għawdex qabel l-elezzjoni saru. Din il-mara ħassitha ttraduta b’dan l-atteġġjament u bir-raġun imma l-fatt jibqa’ li l-vot ħaduh u bħal din l-omm kien hawn ħafna.
Ġew ħafna nies ukoll jilmentaw dwar nuqqas ta’ mediċini fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Kien hemm nuqqas ta’ Ventoline kemm fl-ispiżerija tal-Gvern kif ukoll anke għall-pazjenti ta’ l-isptar. Din il-mediċina tintuża minn min ibati bl-ażma u min ibati bin-nifs u allura kien hemm periklu kbir għal min kellu bżonnha u ma setax jeħodha għax ma kienx hemm. Kien hemm nuqqas ukoll ta’ Mesagin li tintuża minn pazjenti li għandhom infezzjonijiet serji. Tgħid dawn l-affarijiet qaluhom qabel l-elezzjoni? Ma naħsibx, anzi ftaħru kemm felħu kemm is-settur tas-saħħa huwa wieħed effiċjenti! Imma jekk tistaqsi lin-nies mill-ewwel jgħidulek l-effiċjenza fejn hi. Anke dwar l-inċineratur ta’ l-isptar, ftaħru ħafna li neħħewh.
Veru dan imma fl-istess post xorta waħda kien għadu jinħaraq materjal u skart u d-dħaħen u l-intejjen xorta baqgħu ħerġin sa ftit tal-ġimgħat ilu. Għaldaqstant intenni l-istedina tiegħi biex min irid, imur ixommu personalment.
Fil-ġranet u xhur li ġejjin irridu nisimgħu ħafna stejjer ta’ x’kienet ir-raġuni għax tlifna l-elezzjoni bi ftit mijiet ta’ voti. Il-fatt jibqa’ li aħna partit kbir u li iktar minn qatt qabel bi ħsiebna naħdmu biex nieħdu l-Gvern għall-ġid ta’ pajjiżna.
Nieħdu l-ambjent bis-serjetà
Jekk hemm ħaġa li aħna l-Għawdxin għadna ma bdejnix napprezzaw biżżejjed huwa l-ambjent. Dan ġara għax fi gżiritna hawn ħafna li jimpurtahom biss biex iħaxxnu bwiethom u dak li n-Natura tgħatna biex ingawduh irridu jisfruttawh. Iż-żminijiet biddlu l-kunċett kollu ta’ l-ambjent u sirna aktar konxji ta’ din il-ħaġa
Għawdex sofra ħafna minn dan il-fatt. Is-sbuħija naturali ta’ ġżiritna inqerdet ħafna minnha. Rajna telgħin blokki ta’ bini ma kullimkien. Kulħadd jibni u jtella’. La ħabbilna rasna għall-permessi u lanqas li se nkissru dak li huwa sabiħ u jifforma parti mill-wirt naturali tagħna.
Matul is-snin min kien responsabbli biex dan ma jiġrix għalaq għajnejh. Ġew ittollerati wisq abbużi biex sar dan l-isfreġju. Hija storja tal-biki li tnikket lil min verament għandu għal qalbu l-ġmiel tan-natura u ma jistax ma jikkundannax dak li tħalla jsir.
Issa huwa fatt magħruf li diżgrazzjatament il-politika deffset rasha sew f’dan il-fenominu kundannabbli. Smajna sa lejlet l-aħħar elezzjoni b’każi f’Malta li żgur li xxokkjaw lil min verament japprezza l-wirt naturali ta’ dawn il-gżejjer.
F’Għawdex ma sarx b’inqas. Kulħadd jaf li xi snin ilu l-Gvern Nazzjonalista ftaħar ħafna bil-flus li ġab mill-Ewropa biex isir il-park naturali fl-inħawi tad-Dwejra. Dan fost kollox kien jirrikjedi li bini illegali u abbużiv li tela’ fl-inħawi kellu jitneħħa.
Imma proprju ftit ġranet qabel l-elezzjoni, biex nakkwistaw il-voti, il-MEPA approvat li dawk il-binjiet illegali jsiru legali. X’ħasra u abbuż ta’ poter!
Fl-istess żmien, dan l-aħħar jidher li reġgħu qajmu rashom proġetti kbar li żgur huma ta’ ħsara għall-ġmiel naturali ta’ Għawdex. Tqajmu mill-ġdid proġetti li kulħadd kien kontrihom.
Il-proġetti tal-bini tal-vilel tar-Ramla l-Ħamra, il-kostruzzjoni tal-marina u l-kumpless ta’ bini f’Ħondoq ir-Rummien reġgħu bdew jissemmew. Nittamaw li ma jinbidlux id-deċiżjonijiet li ttieħdu favur l-ambjent fejn jidħlu dawn u proġetti oħrajn għal gżiritna.
Illum għandna lill-istess Prim Ministru responsabbli ta’ dan il-korp. U rridu naraw li juża l-influwenza tiegħu biex dak li sar tajjeb iħallih, imma l-ħażin għandu jirranġah.
X’ġara?!
Iż-żmien jibqa’ għaddej, imma dak li ngħaddu minnu nkomplu nitkellmu fuqu għal bosta żmien. Minkejja li t-trab u l-foga ta’ l-aħħar elezzjoni battew ħafna, f’Għawdex ħafna huma dawk in–Nazzjonalisti li jinsabu mħassbin u nkwetati
“Irbaħtu”. Hekk għidt lil ħabib tiegħi Nazzjonalista. Tafu x’kienet ir-risposta? Mhux irbaħna imma l-Bambin bagħtilna tajba. Imbagħad hawn Għawdex ħadna daqqa li ma stennejnihiex!
Kien qed jirraġuna hekk, b’dehra maħsuda u mħassba, għax tridu tiftakru f’din il-ġżira fil-ġimgħat ta’qabel l-elezzjoni biex tara x’intqal u x’sar mill-kamp Nazzjonalista. Mhux kliem imma fatti.
Għalhekk huma l-istess Nazzjonalisti Għawdxin li għadhom imħawdin u wieħed lil ieħor jistaqsih x’ġara. Min qatt kien jobsor li wara dak kollu li għamlet il-Ministu Giovanna Debono kienet se tnaqqas u mhux iżżid il-voti minn elezzjoni għall-oħra?
Min qatt stenna li se tnaqqas ma’ l-elf vot wara dawk il-pjaċiri kollha li għamlet personali f’dawn l-aħħar ħames snin?
Min kien jaħseb li minn “Għawdex tagħna, ġojjell u djamant” tal-PN kienu se jnaqqsu l-voti mill-aħħar elezzjoni? Mela ma serva għalxejn dak l-għajjat kollu ta’ kemm infaqna miljuni, kemm għamilna proġetti f’Għawdex, kemm ġibna ’l quddiem l-edukazzjoni, is-saħħa, il-biedja u mitt ħaġa oħra?
Kien jidher ċar li bejniethom il-ġlieda f’Għawdex kienet bejn il-Ministru Giovanna u l-avukat Chris Said. Ta’ l-avukat fil-kampanja tagħhom bdew imexxuha li tagħna għandu wegħda li se jsir Ministru. Din imxiet u ħadmet.
Ma konna ħdejn ħadd, u ma smajna lil ħadd, minn fuq iwiegħed xi ħaġa lil xi ħadd, imma lil min se tipperswadi li ma kienx hemm xi ħjiel ta’xi ħaġa minn qabel?
Fil-fatt rajna lil Giovanna terġa’ tinħatar Ministru għal Għawdex, għalkemm ħafna kienu rrassenjati li se ssir Ministru f’Malta. Imma jidher li s-Sinjura għandha s-saħħa!
L-Avukat Said spiċċa biss bħala Segretarju Parlamentari f’Malta ma’ l-uffiċċju tal-Prim Ministru. U tafu għaliex huwa responsabbli? Għad-Djalogu Pubbliku u Informazzjoni!
Mhux ta’ b’xejn kien hemm min lil dawn in-nies tittikahom li lil “Chris tawh forċina!”
Fl-aħħar elezzjoni rajna li f’Għawdex kien hemm ċaqlieqa kbira lejn il-Partit Laburista. Minn distakk ta’eluf inżilna għal ftit mijiet. Id-dinastija ta’ Tabone spiċċat. Minkejja li ilu fil-partit snin twal Fredrick Azzopardi inqisuh bħala l-ħaruf tas-sagrifiċċju. Ħallewh b’idu f’idu!
Bejn in-Nazzjonalisti Għawdxin hawn ferment kbir. Jafu li ma jistgħux jagħmlu propaganda rħisa aktar milli għamlu.
Mhux ta’ b’xejn meta ras imb’ras u fil-widnejn in-Nazzjoanlisti Għawdxin kollha l-istess bl-frażi: ”Imma x’ġara?!”
Meta se nikbru?
GĦAL xi wħud f’Għawdex jidher li d-dinja waqfet. Għadhom jaħ- sbuha l-antika. Ma tgħallmux minn dak li għaddejna minnu matul iż-żminijiet. Niktbu dwar il-parrokkjaliżmu. Konna ħsibna li l-piki ta’ l-imgħoddi fejn jidħlu l-affarijiet tal-knisja ntemmu.
Imma episodji li kellna dan l-aħħar f’Għawdex urewna ċar li l-ġamar għadu jaqbad, għalkemm ma kienx hemm riħa ta’xiwi, kif ngħidu! Għal xi wħud ma tistax tinżlilhom il-kwistjoni li l-knisja titmexxa mill-Isqof. Jista’ jieħu deċiżjonijiet li ma jkunux popolari ma’ xi wħud, imma għal dan ikollu r-raġunijiet tiegħu.
Kellna ftit ilu l-kwistjoni li nqalgħet mal-parruċċani tal- kattidral fuq il-bdil ta’ l-Arċipriet. Aktar riċenti kellna l- kwistjoni tal-qassis tan-Nadur li l-Isqof bagħtu biex jieħu ħsieb ir-raħal ta’ San Lawrenz. Saru l-protesti u l-qiegħa saret sħuna. B’daqshekk imma xejn mhu se jitreġġa’ lura. Protesti jistgħu jsiru, għax ngħixu f’pajjiż demokratiku,imma jekk naħsbu li b’hekk se nbeżżgħu lill xi ħadd sejrin żball. Ċerti deċiżjonijiet, imbagħad bħal f’post żgħir bħal gżiritna, jistgħu ma jinżlux tajjeb mill-ewwel. Kif ngħidu, iż-żmien isajru l-bajtar!
Jidher li l-kwistjoni li kien hemm ma ta’ l-Iljun fuq l-Arċipriet tal-Katidral ġiet solvuta. Sakemm qed niktbu jidher li tan-Nadur għadhom irrabjati. Dak li għaddejna minnu juri kemm hemm bżonn nikbru u ma nibqgħux naħsbu u naġixxu kif għamilna fl-imgħoddi. Dawk kienu żminijiet oħrajn. Kien żmien li għaddejna minn problemi f’Għawdex dwar bażilki, purċissjonijiet u x’naf jien.
Illum dawn l-affarijiet ma tantx jinkwetawna. Min jikkmanda u għandu d-dmir li jieħu d-deċiżjonjiet, ladarba jaħseb li huma għall-ġid u jkun hemm raġunijiet għalihom, ma għandux jonqos li jgħamel dan,
Jekk min-naħa l-oħra wieħed jippretendi li jindaħal; fid-deċiżjonijiet klerikali mingħajr ma għandu l-ebda awtorità, għadnu jibqa’ lura. Hemm modi kif wieħed jista’ jwassal il-fehmiet tiegħu. Mhux bl-għajjat, il-kartelluni, is-sfafar u ħornijiet. Kollox għandu jsir bil-għaqal.
Ħażin huwa jekk ikun hemm min iħeġġeġ lin-nies ma jaċċettawx id-deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritajiet. Alla ħares kellna nagħmlu hekk fil-kamp ċivili għax ikollna rivoluzzjoni u nkwiet ta’ kuljum!