|
|
||||
|
Tagħlima Pollakka |
||||
| L-Orizzont (27-08-2008) | ||||
|
Din il-ġimgħa kont il-Polonja għal tieġ tal-familja li sar f’raħal żgħir fil-periferija tal-belt ta’ Lodz. Kif konna hemm imbagħad qattajna jumejn f’din il-belt. Il-belt ta’ Lodz hija t-tieni l-ikbar belt tal-Polonja u l-attrazzjonijiet prinċipali tagħha huma triq li jisimha Piotrowska u kumpless enormi li jismu Manufaktura li fih issib ħwienet ta’ kull xorta u stabbilimenti diversi. L-arkitettura li hemm f’din il-belt hija stupenda u għandek taħlita ta’ stili arkitetonniċi differenti li jagħmlu din il-belt patikolari ħafna. Però dawn il-binjiet ma humiex accessibbli għall-pubbliku għax jintużaw għall-uffiċini u allura tista’ tammirhom mit-triq biss |
![]() |
|||
Ta’ min jgħid li f’dan il-post ħlief bil-Pollakk ma jitkellmux għajr għal xi wħud li jafu xi kliem bl-Ingliż u allura l-livell ta’ komunikazzjoni huwa baxx ħafna. Perà b’dan id-daqsxejn ta’ ktejjeb tiddobba għax fih kliem u frażijiet li jista’ jkollok bżonn.
Qed insemmi din l-esperjenza għax pajjiżna huwa ferm iktar orjentat lejn it-turiżmu minn pajjiżi bħal dan u għandna ħafna iktar x’noffru però mhux qed inkunu kapaċi nisfruttaw iċ-ċirkostanzi bħal ma jagħmlu dawn. Biex jattiraw it-turisti u jinċentivaw it-turiżmu ntern, fi tmien il-ġimgħa l-lukandi f’Lodz ikunu nofs prezz. L-aċċessibiltà hija xi ħaġa ta’ l-għaġeb u s-servizz tat-trasport huwa effiċjentissimu. Proprju qabel ma sifirt, bħala partit kellna laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex u anke ma’ l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu. F’dawn il-laqgħat tkellimna ħafna dwar il-problemi li għandna f’Għawdex li jolqtu lis-settur turistiku. Nistqarr li f’dawn il-laqgħat dejjem nisimgħu l-istess problemi li aħna bħala partit offrejna s-soluzzjonijiet għalihom u li anke ġew imfassla b’konsultazzjoni ma’ dawn iż-żewġ entitajiet. Il-fatt jibqa li ġaladarba l-poplu ma taniex il-mandat tiegħu ma nistgħux inwettqu l-proposti tagħna. Ma hemm xejn xi jżomm lill-Gvern milli jissellef l-ideat tagħna għax diġà għamilha f’diversi okkażjonijiet. Jidher ċar però li l-problema hija waħda – ma hemmx ħeġġa min-naħa l-Gvern li jaqbad il-barri minn qrunu u jara dan il-ġojjell ta’ Għawdex x’kapaċi joffri. Dan mhux qed ngħidu jien biss għax l-GTA hekk titkellem ukoll. Il-ħasra hija li wara l-esperjenza ta’ kull elezzjoni fejn il-wegħdi tan-Nazzjonalisti jispiċċaw fix-xejn ikun għad baqa’ minna jemminhom u jafdahom u b’dan ikun qed jikkundanna lil Għawdex u lill-pajjiż kollu għal leġislatura oħra ta’ ineffiċjenzi u telf ta’ opportunitajiet li ma nistgħux nitilfu. Ħaddieħor qed jaħdem bis-sħiħ fis-settur turistiku u aħna Alla jbierek nistennew il-manna taqa’ mis-sema. Lill-Gvern nissuġġerilu li jikkummissjona sensiela ta’ posters tal-bajjiet sbieħ tagħna u jitwaħħlu f’dawn l-ibliet fejn ix-xemx tixref rarament. Ta’ l-inqas dawn in-nies ikunu jafu li neżistu u forsi poster bix-xemx iħajjarhom jiġu sa hawn. Irridu nitgħallmu nisfruttaw swieq li huma mxenqin għal dak li għandna aħna u iva f’pajjiżi nordiċi l-fatt li aħna għandna x-xemx jista’ jkun fattur importanti ħafna għall-għażla tal-btala tagħħom. Xejn ma jiġi bix-xejn u jekk ma għad ma tgħallimiex nistudjaw is-suq lanqas ma nistgħu nisfruttawh biex it-turiżmu f’Għawdex jieħu r-ruħ.
|
||||
|
©
2008 - Justyne Caruana
|
||||