|
|
||||
|
Iż-żieda fis-soprataxxa se titfa’ piż enormi fuq il-familji |
||||
| L-Orizzont (12-07-2008) | ||||
|
Il-Kelliema Laburista għall-Familja u Ugwaljanza, id-Deputata Dr Justyne Caruana esprimiet is-solidarjetà tal-Partit Laburista mal-familji Għawdxin u Maltin fid-dawl tal-piż enormi li se jkollhom jibdew iġorru fil-ġimgħat u xhur li ġejjin bħala konsegwenza taż-żieda fis-soprataxxa mħabbra mill-Gvern Nazzjonalista f’dawn l-aħħar jiem.
Erba’ xhur ilu fil-programm elettorali tiegħu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi wiegħed lill-Maltin u lill-Għawdxin li bih bħala Prim Ministru, kien se jkollhom aktar flus fil-but u kienu se jgħixu iktar komdi. Żgur iżda li bil-kontra ta’ din il-wegħda, iż-żieda fis-soprataxxa se titfa’ piż enormi fuq il-familji tagħna li diġà jinsabu mifnijin b’piżijiet kbar ta’ taxxi u ta’ l-għoli tal-ħajja u żgur ukoll li l-kwalità ta’ l-għixien tal-familji tagħna se tkompli tmur lura bl-effett tas-soprataxxa. |
![]() |
|||
“L-impatt li dawn iż-żidiet se jkollhom fuq is-soċjetà inġenerali mhux ta’ min jimminimizzah għal skopijiet politiċi u partiġġjani. Il-piż huwa dak li hu u l-ebda tattika jew strateġija politika ma tista’ ċċaħħad jew tgħatti r-realtà, qalet Caruana.
Hija kompliet tgħid li l-Partit Laburista lest jiddiskuti din il-problema biex “inkunu verament qegħdin niddefendu l-interessi tal-familji tagħna, speċjalment dawk ta’ dħul baxx u medju. B’differenza mill-Gvern Nazzjonalista, il-Partit Laburista huwa miftuħ għad-diskussjoni biex tinstab l-aħjar soluzzjoni possibbli. Il-Gvern Nazzjonalista min-naħa l-oħra, minkejja l-għajta tiegħu ta’ “flimkien kollox possibbli” llum qiegħed jagħmel kollox waħdu." Dr Justyne Caruana qalet ukoll li l-Partit Laburista mhux se jħalli lill-familji Maltin u Għawdxin waħedhom u żgur se jkun viġilanti u proattiv bil-għan ewlieni li kull familja ssib fil-Partit Laburista ħajt ta’ kenn u vuċi soda dejjem lesta li tħares l-interessi tagħhom. |
||||
|
©
2008 - Justyne Caruana
|
||||