Is-Servizz Pubbliku

L-Orizzont (25-09-2008)

Proprju ftit qabel ma ħriġna bil-vaganzi tas-sajf, fil-Parlament iddiskutejna liġi mportanti ħafna li titkellem dwar is-servizz pubbliku. F’din il-liġi hemm ħafna kunċetti sbieħ bħal per eżempju l-kunċett tal-meritokrazija li jfisser li kulħadd jieħu dak li ħaqqu skond il-mertu u l-kapaċità tiegħu jew tagħha u mhux għax ikun jew tkun xi ħabib jew ħabiba tal-ħbieb u jkollu għajnejħ jew għajnejha blu.

Kliem sabiħ hux veru imma fil-verità u fir-realtà qiegħdin ħafna ’l bogħod minn din il-ħolma sabiħa speċjalment f’Għawdex. Fost l-impjegati tas-servizz pubbliku Għawdxin li jaħdmu f’Għawdex jeżistu biża’ u diżilużjoni kbar. Fejn filwaqt li għandek faxx ta’ ħaddiema li jagħmlu li jridu mingħajr ħadd ma jgħidilhom xejn, għandek il-faċċata l-oħra tal-munita fejn għandek ħaddiema oħrajn li ma humiex daqshekk privileġġjati u li minkejja li għandhom dedikazzjoni kbira għal xogħolhom hemm min qed jerfgħalhom salibhom, saħansitra anke biex jieħdu

 

l-‘leave’ tagħhom li huwa dritt.

Meta mbagħad jasal iż-żmien ta’ xi intervista għall-inġaġġ jew promozzjoni mas-servizz pubbliku, f’Għawdex jinqala’ fervur sħiħ. Min jaf li hu kapaċi u kwalifikat jgħaddi minn perjodu ta’ biża’ kbira għax jiġi xi ħadd inqas kwalifikat imma li jkun xeba’ jċenser lil dak u lil din u joħodlu postu. Din il-ħaġa tiġri u fil-fatt kemm-il darba rriżulta dan meta jkun hemm xi ħadd li jkollu l-kuraġġ li jitkellem għad-drittijiet tiegħu u jappella lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Però kemm hemm min jagħmilha din?

Minħabba l-fatt li hemm min qed jitlob dak li ma ħaqqux u qed jieħdu, qegħdin nispiċċaw b’postijiet sensittivi u mportanti mimlijin b’nies inkompetenti u ma jafux x’inhuma jagħmlu. Imbagħad ir-riżors uman tajjeb li għandna qed jitwarrab u jitħalla lura biex b’hekk qegħdin jiġu demotivati l-aħjar nies u qed ibati kemm il-pubbliku kif ukoll is-servizz pubbliku in ġenerali.

Jien per eżempju ma nistax nifhem kif għandek bniedem li għandu Masters u jaħdem ta’ skrivan. Dan huwa ħela tar-riżors uman u huwa dnub kbir li min hu kapaċi qed jitwarrab f’kantuniera u qed jinħela dak il-potenzjal kollu. Jekk iddur dawra mad-dipartimenti tagħna f’Għawdex issib ħafna minn dawn in-nies u nies kapaċi għandna però mhux qegħdin jingħataw l-opportunitajiet li ħaqqhom u jistħoqqilhom.

Ma tistax tippretendi li jkollok servizz effiċjenti jekk lill-impjegat ma tgħammrux. Illum huwa mpossibbli li taħdem mingħajr il-kompjuter però f’ħafna dipartimenti tal-Gvern għandek kompjuters qodma li sikwit bil-ħsara u allura ċertu xogħol ma jistax isir. Ta’ dan jeħel il-ħaddiem meta dan ċertament ma għandux tort. Per eżempju l-Qorti ta’ Għawdex hemm kompjuter ilu bil-ħsara xi ġimgħatejn bil-konsegwenza li ċertu xogħol ma jistax isir. Dan mhux każ iżolat u ta’ sikwit ikun hemm il-kompjuters bil-ħsara u jdumu biex jiġu rranġati. Barra minnhekk kompjuters qodma dawn u mhux adattati għas-sistemi li jintużaw illum u allura hemm bżonn li jsir investiment biex l-uffiċini jiġu mgħammrin kif suppost biex il-ħaddiem ikun f’pożizzjoni li jagħmel xogħolu u l-pubbliku jingħata s-servizz li jixraqlu.

Huwa inutli li jgħaddu l-liġijiet jekk minn suppost qed iwettaq ma għandux ir-rieda politika li jwettaq. Barra minnhekk huwa faċli li tippriedka mill-pulptu biex tinstema’ sabiħ mill-pubbliku imma n-nies imxebba’ mill-paroli u l-pubbliku għandu d-dritt għal servizz tajjeb u min-nies kompetenti u li jafu x’inhuma jagħmlu.

© 2008 - Justyne Caruana