Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar nikkonvinċi ruħi kemm dan il-Gvern imexxi l-politika tal-ħabi u niskanta kif il-problemi dejjem jitfagħhom taħt it-tapit u jekk xi ħadd jipprova joħroġhom jipprovaw jerġgħu jgħattuhom.
L-aħħar artiklu li ktibt f’dan il-ġurnal kien jitratta dwar in-nuqqas ta’ xi mediċini li kien hemm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Semmejt il-Ventoline u l-Mesagin u semmejthom proprju għax wasluli l-ilmenti mingħand min mar l-isptar għalihom u ma sabx.
Ġara li xi ġranet ilu fit-2 ta’ April, 2008, kien hemm ittra mill-uffiċjal inkarigat mill-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex fejn dawn ipprovaw jiċħdu u jerġgħu jwaddbu kollox taħt it-tapit.
Nifhem li l-uffiċjal inkarigat qed jobdi l-ordnijiet li ngħata però r-realtà u l-verità ma jista’ jmerihom ħadd u l-fatt jibqa’ li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex meta dawn in-nies marru hemm, kemm il-Ventolin u kif ukoll il-Mesagin ma sabuhomx għax ma kienx hemm.
Din mhux l-ewwel darba li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ma jkunx hemm ċerti mediċini. Min jaf kemm għamilt mistoqsijiet parlamentari dwar dawn in-nuqqasijiet.
Ftit xhur ilu lanqas Panadol ma kien hemm u mhux l-ewwel darba li qraba ta’ pazjenti rikoverati fl-isptar ikollhom jixtru l-mediċini lill-pazjenti qraba tagħhom mill-ispiżeriji għax l-isptar ma jkollhomx.
Wara li dehret l-ittra mill-Ministeru, ġiet persuna għan- di bir-ragħwa f’ħalqha til-menta miegħi li sakemm membru tal-familja tagħha dam l-isptar, din il-persuna kienet ripetutament tintbagħat mit-tobba ta’ l-isptar stess tixtri l-Imodium għal dan il-pazjent.
Din il-mediċina tintuża għad-‘diarrhoea’ jiġifieri mhux qed nitkellem dwar xi ħaġa ta’ barra minn hawn imma dwar mediċina li timxi ħafna u li għal ċertu żmien l-isptar ma kellhomx.
Naf ukoll li jkun hemm min tinġibidlu l-attenzjoni mill-isptar stess biex ċerti mediċini jixtrihom għax ta’ l-isptar “mhux tajbin daqs dawk li tixtri mingħand l-ispiżjar”!
Kien hemm omm li anke tatni parir biex lil binti ma nagħtihiex it-tilqimiet mill-isptar imma mmur privat biex ma niħux riskju li t-tilqima tkun ta’ kwalità inferjuri u jkollha xi ‘side effects’ fuq it-tifla. Inġibditli l-attenzjoni partikolarment għat-tilqima kontra s-sogħla konvulsiva.
Mhux ġust li l-Għawdxin jiġu trattati b’dan il-mod u kull meta se ikun hemm xi nuqqas jien se nitkellem dwaru bħalma dejjem għamilt – dak huwa dmiri.
Nippretendi li jekk ikun hemm in-nuqqasijiet dawn jiġu rimedjati u mhux jiġi xi ħadd jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel.
Jekk il-PM irid verament li l-Gvern tiegħu ikun ta’ kulħadd, l-ewwel li għandu jagħmel huwa li jiġi sa Għawdex u jindirizza dawn il-problemi.
Imma Għawdex dejjem ħallewh lura dawn u għalhekk fl-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet l-Għawdxin taw ir-risposta u żidna l-voti.
Nibdew ħajja ġdida
La darba għandna Gvern ġdid issa hemm bżonn, u dan bl-akbar serjetà, li f’Għawdex nibdew ħajja ġdida. X’jiġifieri dan? Jiġifieri li għandna nibdew immexxu l-affarijiet kif għandu jkun.
Bil-ġustizzja, bis-serjetà, mingħajr abbużi, mingħajr nuqqasijiet u li kulħadd jiġi ttrattat l-istess. Li f’Għawdex f’dawn l-aħħar snin kulħadd dara jagħmel li jrid hija xi ħaġa mhux biss fuq fomm kulħadd imma ħaġa li taraha u tassisti għaliha ta’ kuljum.
Kulfejn iddawwar wiċċek issib xi tgħid. Nibdew mill-ħaddiema u min imexxihom. Irridu naraw li kulħadd josserva l-ħinijiet u jkunu fuq xogħolhom. Irridu naraw li jinqatgħu dawk li jgħaddu bord minħabba l-mard imbagħad jiftħu n-negozju u jkun għadhom jifilħu jkissru l-blat.
Imbagħad xi ngħidu għal diversi permessi li hemm bżonn biex isir xi xogħol? Kemm-il darba tkun se tgħaddi minn triq u ssibha magħluqa b’xi krejn jew apparat ieħor, bla avviż u bla warden biex imexxi t-traffiku?
Ilment serju għadduhulna dan l-aħħar ħafna Għawdxin li qegħdin iħallsu l-liċenzja biex iżommu l-flats. Jirriżulta li ħafna f’Għawdex qegħdin jikru flats lill-Maltin u saħansitra barranin iżda dawn il-flats m’humiex liċenzjati. Imbagħad nisimgħu l-ilmenti u mal-ħażin jeħel it-tajjeb. Hemm bżonn li r-rappreżentanti f’Għawdex ta’ ċerti entitajiet jaraw li l-affarijiet isiru sew u kif għandu jkun.
Mhux biss mill-Ministeru rridu naraw li kulħadd jieħu li ħaqqu mingħajr favuri imma rridu li kull uffiċjal fi gżiritna, li qed jirrappreżenta xi entità jew istutuzzjoni jwettaq dmiru bl-akbar serjetà u responsabbiltà. Tlaqna l-ħabel wisq, kif ngħidu hawn Għawdex.
Għandna manija nħarsu lejn l-uċuh. Għawdex żgħir u kulħadd jaf lil xulxin. Dak ħabib ta’ dak u l-ieħor ta’ l-ieħor, min jiġi minn xulxin anke mill-bogħod, u kulħadd jagħmel li jaqbillu. Ħadd ma jistenna l-permessi, jagħmel li jkollu jagħmel, imbagħad jekk jinqala’ xi ħaġa, naraw. Hekk għandna min jirraġuna!
Irridu nibdew ħajja ġdida bis-serjetà. Anke dwar l-istess partitarji tal-Gvern. Ma nistgħux naqdu lil wieħed u lil ieħor intertqulu qalbu. Aħseb u ara ma’ min m’huwiex mal-Gvern. Inħallu l-passat waraj- na u nimxu bil-ġustizzja ma’ kull Għawdxi li jkollu bżonn xi servizzi li jkollu dritt għalihom.
Jekk irridu nimxu bis-serjetà naraw li minkejja dak kollu li sar “ma tal-Ministru” ir-riżultati ma ġewx, u dan għax meta l-affarijiet ma jkunux saru skond ir-regola, kif ngħidu, tagħmel ħabib u għaxar għedewwa!
Jekk noqogħdu nsemmu l-ftietaq kollha li nisimgħu ma nispiċċaw qatt. Min jinsab fuq fit-tmexxija jaf għal x’hiex qegħdin ngħidu. Biex tkun taf x’inhuwa għaddej f’din il-gżira ma tridx tkun xi professur jew seqer. Biżżejjed tgħaddi minn triq għall-oħra madwar gżiritna jew tgħaddi ftit żmien il-pjazza tar-raħal!
Għalhekk qegħdin ngħidu li rridu nibdew ħajja ġdida. Il-ħażin nagħtu ċ-ċans li jiġi regolarizzat imma wara nieħdu l-passi li hemm bżonn.
Ingħataw ħafna amnestiji matul iż-żmien u għalhekk għandna nagħtu amnestija lil dawk l-Għawdxin kollha, f’kull qasam, biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Jekk isir dan ħadd ma jkollu skuża li qabdu miegħu!
Issa huwa ż-żmien li dan isir. Imma kif jgħidu li l-ġustizzja mhux biss trid issir imma irid ikun jidher li dan qed isir. F’Għawdex matul dawn l-aħħar żminijiet smajna u rajna ħafna movimenti li xejn ma jagħmlu ġieħ għas-serjetà, għaqal u kuxjenza ta’ min kien imdaħħal fihom jew ittollerahom. Mela nroddu salib għal wiċċna u nibdew ħajja ġdida!
Se mmorru lura?
Niftakru żmien meta minn kulfejn kont tgħaddi f’Għawdex ma kontx tilmaħ ħlief purċissjonijiet ta’ klieb. Mitluqin barra jiġġerrew ma’ kullimkien jaraw minn fejn jieklu u jwerwru lit-tfal.
Mhux darba u tnejn smajna anke turisti jilmentaw dwar din is-sitwazzjoni. Biż-żmien imma kien hemm min beda jieħu ħsieb biex dawn il-klieb ma jibqgħux jiġġerrew abbandunati mat-triqat ta’gżiritna. Meta konna żgħar niftakru lill-pulizija kienet taqbad dawn il-klieb bl-ingassa u taqfilhom f’kamra inti u tiela’ l-Gran Kastell.
Maż-żmien anke f’Għawdex twaqqfet il-fergħa ta’ l-għaqda li tieħu ħsieb dawn l-annimali u dan anke bl-interess ta’ xi residenti barranin li għandna jgħixu fostna.
Jidher imma li din is-soċjetà dan l-aħħar tkellmet fil-pubbliku u sar magħruf li hemm il-periklu li ma tkomplix għaddejja bil-ħidma fejjieda tagħha. Dan minħabba li skond ftehim li kien sar minħabba li issa aħna fl-Ewropa, il-post fejn jinżammu dawn il-klieb sar wieħed żgħir u jinsabu ffollati fuq xulxin.
Dawn qegħdin jitolbu li jingħatalhom post akbar u aktar adattat. Aħna jidhrilna li ħaġa bħal din għandha tiġi kkonsidrata bl-akbar serjetà. Dawn stess qalu li huma ma jistgħux Ii komplu aktar wara din is-sena. Nies voluntieri bħal dawn għandhom isibu kull għajnuna.
Dawn qalu li huma ma jistgħux joqtlu l-klieb li jiġbru imma minħabba nuqqas ta’ spazju m’humiex se jkunu jistgħu jkomplu jiġbru u jagħtu kenn kif kienu qegħdin jgħamlu. L-awtoritajiet Għawdxin din il-ħaġa għandhom jagħu kas tagħha bl-akbar serjetà.
Ma nistgħux nerġgħu mmorru lura lejn dawk iż-żminijiet li aħna nsejħulhom tal-mistħija. Ċerta responsabbiltà għandu jkollna u mhux l-ewwel nintrigaw biex inrabbu l-klieb u l-qtates mbagħad nerħulhom jiġġerrew barra.
Jekk dawk il-voluntieri li qegħdin iwettqu dan ix-xogħol fejjiedi llum m’humiex se jsibu għajnuna u koperazzjoni, wisq nibżgħu li f’dan il-qasam flok ’il quddiem se nerġgħu mmorru lura. Imbagħad ikun tard wisq biex nerġgħu nirxuxtaw dak li ħallejna jmut minħabba ftit inizjattiva li ma tridx ħwejjeġ kbar biex tiġi rranġata.