|
|
|
Lourdes Home |
| L-Orizzont (24-04-2008) |
|
Il-każ tad-Dar ta’ Lourdes f’Għawdex ixxokkja lil ħafna nies u dan għax hawn min jaħseb li każijiet bħal dawn jiġru biss barra minn Malta u nisimgħu dwarhom biss minn fuq it-televiżjoni. Ir-realtà hija ferm differenti għax f’Għawdex stess għandna ħafna każijiet li jinvolvu t-tfal li huma vittmi ta’ ħafna abbużi ta’ kull forma u xorta. Il-każ ta’ Lourdes huwa eżempju ċar ta’ kemm f’Għawdex jiġru affarijiet wara l-bibien magħluqin.
Mill-ħażin li ġara però għandna nitgħallmu. Il-vittmi kienu ilhom is-snin jitkellmu però bieb wara l-ieħor ingħalaq f’wiċċhom u minn fuq kienu msejħin giddibin u ingrati lejn minn rabbihom. Dawn ma tkellmux għalihom għax illum huma nisa u rġiel u għandhom ħajjithom però tkellmu biex jevitaw li ssir iktar ħsara fuq tfal oħrajn bħalma saret lilhom. L-episodji ta’ abbuż ma tinsihom qatt u ħadd ma jista’ jpatti biżżejjed għall kull abbuż li jitwettaq fuq t-tfal li huma vulnerabbli u ċertament ma jistgħux jiddefendu ruħhom speċjalment dawk li m’għandhomx familja u qegħdin isofru l-abbuż minn min suppost qed jieħu ħsiebhom. Huwa opportun li nsemmi lill-Isqof Mario Grech li kellu l-kuraġġ jikxef din il-borma. Però nemmen li issa ladarba ġie kkonfermat li dawn it-tfal, li llum huma adulti kellhom raġun, allura għandha ssir xi ħaġa. Nerġa’ ngħid li dak li sofrew ħadd ma jista’ jnessihulhom però jridu li ssir ġustizzja. Min kien responsabbli għandu jitressaq il-Qorti u jiffaċċja l-akkużi bħal kull persuna oħra akkużata f’reat kriminali. Apparti minn hekk dan il-każ jgħallimna kif kull allegazzjoni ta’ abbuż għandha tiġi mistħarrġa u investigata bis-serjetà u kull min huwa responsabbli għandu jitneħħa immedjatament biex jiġi evitat kull riskju ta’ abbuż ulterjuri u anke intimidazzjoni fuq il-vittmi. Assolutament ma naqbilx li d-Dar għandha tingħalaq. Qed ngħid dan għax allura se nispiċċaw biex f’Għawdex ma jkollna ebda post fejn f’każ li minuri jkollu bżonn ta’ akkomodazzjoni urġenti jsib kenn u jispiċċa jittieħed Malta. F’Għawdex għandha faqar kbir fejn jidħlu servizzi għall-minuri. Fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħi ta’ avukat niltaqa’ ma ħafna każijiet ta’ minuri li jkunu ftit imqarqċin u li jikkommettu reat u tinduna li m’hemmx biżżejjed faċilitajiet li jilqgħuhom. Mhux l-ewwel darba li jkollok minn jispiċċa l-Young People’s Unit fl-Isptar Monte Carmeli għax m’għandniex post addattat u adegwat għal dawn il-każijiet. Ħafna drabi dħul f’Monte Carmeli jagħmel ħafna iktar ħsara milli ġid għax dawn it-tfal mhux mard mentali għandhom imma kundizzjonijiet li jgħidulha ‘challenging behaviour’ li jista’ jiġi kkontrollat b’terapija. Wasal iż-żmien li ninvestu f’servizz biex dawn il-każijiet ikunu jistgħu jiġu indirizzati professjonalment f’Għawdex stess. Soluzzjoni adegwata tkun li d-Dar ta’ Lourdes tinbidel f’post b’diversi sezzjonijiet fejn it-tfal ta’ kull età bi problemi diversi jkunu jistgħu jiġu ttrattati u miżmumin f’Għawdex stess. Jekk il-Kurja trid verament tpatti għal dak li ġara jista’ jintlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-Knisja fejn il-Knisja tipprovdi l-post u l-Gvern min-naħa tiegħu jipprovdi n-nies u riżorsi oħrajn neċessarji biex jingħata servizz professjonali. Ma nħallux dawn l-episodji ta’ abbużi jibqgħu għaddejjin imma nitgħallmu minnhom u mid-deni li ħareġ nipprovaw noħorġu xi ħaġa li tkun ta’ ġid. |
|
©
2008 - Justyne Caruana
|