|
|
||||
|
L-MLP, Ghawdex u l-Kultura |
||||
| L-Orizzont (31-01-2008) | ||||
|
Xi ġranet ilu kont fuq il-programm ta’ Norman Hamilton ‘Bla Aġenda’. Fuq is-sufan ħdejja kien hemm Robert Abela li huwa ċ-Ċermen tal-Malta Song Board. Ovvjament id-diskussjoni waqgħet fuq il-festival tal-kanzunetta għall-Ewropa u min-naħa tiegħi tkellimt ukoll dwar it-talent Għawdxi – talent kbir li ghandu potenzjal enormi imma li sfortuntament ħafna drabi ma jiġix rikonoxxut. Wara ftit ġranet il-poplu kellu appuntu l-opportunita’ li jara t-talent Għawdxi f’din il-vetrina lokali tant importanti. Fil-fatt it-talent Għawdxi spikka bil-kantanta brava Morena li rebħet il-festival u ser tkun l-ambaxxatriċi ta’ Malta fl-edizzjoni tal-Eurovision ta’ din is-sena. Flimkien ma’ Carmelo Abela bħala kelliema tal-Partit Laburista għaż-żgħażagħ u kultura fraħna lil Morena għas-suċċess li kisbet u llum qed nerġa ntenni l-awguri tiegħi għaliex bħala Għawdxija inħossni kburija ħafna li tfajla Għawdxija b’talent kbir irnexxielha tikseb dan is-suċċess. Fl-istqarrija tagħna anke semmejna l-pjan għall-bid gdid tal-Partit Laburista dwar il-kultura fejn Għawdex jiffigura bi proposti konkreti biex dan is-settur f’Ghawdex jieħu spinta. Infatti l-proposti dwar il-kultura għandhom għanijiet multipli fejn filwaqt li ngħinu lill-artisti jindukraw t-talent tagħhom permezz ta’ diversi għajnuniet anke finanzjarji, qed nipproġettaw dan il-qasam li ghandu l-potenzjal fit-tkabbir ekonomiku ta’ Għawdex – permezz tal-kultura u l-arti jistgħu anke jiġu ġġenerati l-impjiegi u nsaħħu u nagħmlu iktar sinjur l–pakkett turistiku tagħna biex nattiraw iktar turisti li jkunu qed ifittxu dik ix-xi ħaġa partikolari li Għawdex biss jista’ joffri. Ħafna mill-proposti li hemm f’dan id-dokument spiċċaw anke fil-budget għal din is-sena. L-eżenzjoni mill-VAT fuq attivitajiet kulturali kienet proposta tagħna. Niftakar li meta fil-Parlament kont qajjimt il-punt dwar il-VAT fuq l-opri liriċi, it-twegiba kienet li l-attivitajiet tat-teatri ma jikkwalifikawx għal eżenzjoni mill-VAT billi bl-Artiklu 5 tal-Liġi tal-VAT teatru huwa meqjus bħala ‘persuna li twettaq attivita’ ekonomika ikun x’ikun ir-riżultat jew l-għan ta’ dik l-attivta’. La darba t-teatri jiġbru l-VAT, jistgħu dejjem inaqqsu dik l-input VAT li l-liġi tal-VAT tippermettilhom kontra id-dħul ta’ l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. Meta nsistejt, kien qam il-Prim Ministru u qal: ‘Ma jidhrilniex li s-soluzzjoni dwar kif nistgħu ngħinu l-qasam kulturali trid bilfors tkun eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT, peress li miżura bħal din tista' tiftaħlek baħar sħiħ ta' attivitajiet oħra li mhux neċessarjament inkunu qegħdin nagħtuhom priorita'. Illum jidher li għax ġejja l-elezzjoni l-baħar sħiħ li semma’ l-Prim Ministru sar taqtira żgħira u mingħalih li ser jistagħad ghall-voti b’dan il-mod. Pero’ il-fatt jibqa’ li veru li jeżisti baħar imma bejn il-Partit Laburista u dak Nazzjonalista – fejn aħna konna, għadna u nibqgħu koerenti u nwettqu dak li nwiegħdu u li nemmnu In-nazzjonalisti jimxu b’opportuniżmu sfaċċat u jaħsbu li l-poplu iblaħ. Veru li qiegħdin fi żmien il-blugha tal-karnival imma il-Gvern ta’ Gonzi ilu leġistlatura sħiħa karnival. Gvern Laburista ġdid immexxi mill-Leader tagħna Alfred Sant ser ikun gvern ta’ azzjoni biex lill-Għawdex jerġa’ jirxuxtaħ. Fil-konferenza ġenerali, il-Leader ta prestazzjoni impekkabbli u għamel diskors ta’ statista b’viżżjoni ċara u bl-ikbar impenn ser inwettqu bidu ġdid għall-ġid ta Għawdex u l-Għawdxin.
|
||||
|
©
2008 - Justyne Caruana
|