|
F’dawn l-aħħar ġranet għamilt sensiela ta’ mistoqsijiet Parlamentari lill-Ministru għall-Ġustizzja u Intern dwar kemm tressqu nies il-Qorti ta’ Għawdex b’konnessjoni ma’ diversi reati. Mit-tweġibiet li ngħatajt jidher li aħna f’Għawdex għandna xorti kbira għax la għandna traffikanti tad-droga, la għandna prostituti u qisna gżira fejn kriminalità m’għandniex.
Huwa fatt li Għawdex huwa iktar kwiet minn Malta u għandna ħafna inqas problemi. Però dan ma jfissirx li f’Għawdex m’għandniex min jikser il-liġi u problemi m’għandniex. Ma nistax ma nsemmix il-biża’ li bħalissa qegħdin iħossu l-anzjani tagħna u dan minħabba l-mewġa kbira ta’ serq f’Għawdex fejn il-vittmi qegħdin ikunu l-anzjani tagħna li huma l-iktar nies vulnerabbli. F’Għawdex għandna ħafna anzjani jgħixu waħedhom u dawn sfaw fil-mira ta’ dawn il-ħallelin u qegħdin iwerwruhom. Ħafna drabi l-flus li joħdulhom ikunu ftit ħafna, imma l-qatgħa jkunu ħaduha xorta. Ħafna qegħdin jibżgħu jirrapportaw lill-Pulizija għax jhedduhom li jekk jagħmlu hekk jerġgħu jmorru biex joqtluhom. Mhux ġust li l-anzjani tagħna qegħdin jgħixu f’dan it-terrur.
Għalkemm il-Pulizija qed tagħmel l-almu tagħha, hemm bżonn li jsir iktar. L-Għases fl-irħula għandhom jibqgħu miftuħin u għandhom isiru rondi frekwenti f’kull ħin tal-ġurnata għax ħafna serq qed isir anke fil-għodu. Jekk fit-toroq tagħna jkun hemm il-preżenza tal-Pulizija, dak li jkun jaħsibha iktar minn darba biex jikser il-liġi. Huwa fatt li r-riżorsi tal-Pulizija f’Għawdex huma limitati ħafna, imma hemm bżonn li ssir xi ħaġa għax is-sitwazzjoni issa saret gravi wisq.
Anke rigward il-problema tad-droga. Mit-tweġiba li ngħatajt fil-Parlament kien hemm żewġ persuni biss li fl-aħħar sentejn tressqu l-Qorti fuq traffikar tad-droga. Ma naħsibx li qed niżvela xi sigriet kbir, imma l-problema tad-droga f’Għawdex żdiedet sew. U allura s-sens komun jgħidlek li la żdiedet id-domanda, żdiedet ukoll il-provvista. U allura wieħed jistagħġeb mhux ftit kif allura kellek tnejn biss li tressqu Qorti fuq traffikar f’sentejn sħaħ. Li nafu żgur huwa li qed tinqabad il-ħuta ż-żgħira u l-ħuta l-kbira tibqa’ tħarbat u tkisser liż-żgħażagħ u lill-familji tagħna.
Lanqas ma huwa veru li f’Għawdex m’għandniex prostituti. Fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħi ta’ avukat, niltaqa’ ma’ ħafna każijiet ta’ rġiel tal-familja li però qegħdin isibu faċilment kumpanija femminili bi ħlas u dan sfortunatament qed iwassal biex ħafna żwiġijiet jitkissru. Però fl-aħħar sentejn ma kien hemm ebda każ ta’ prostitizzoni fil-Qorti ta’ Għawdex.
Nappella biex il-Gvern iforni r-riżorsi kollha meħtieġa biex f’Għawdex il-forzi ta’ l-ordni jkunu jistgħu jipproteġu liċ-ċittadini bl-aħjar mod possibbli. Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-Pulizija għax-xogħol siewi tagħhom li minkejja l-limitazzjonijiet qegħdin jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħmlu xogħolhom.
Poplu marradi, jew…?
Mhux darba u tnejn esprimejna ruħna minn din il-paġna li fl-opinjoni tagħna, u minn dak li konna qegħdin naraw jiġri madwarna, ġewwa Għawdex mhux kollox kien jidher miexi sewwa. Nafu lil kulħadd, u kulħadd jiġi minn xulxin! Inħabbtu wiċċna ma’ dak li qed verament jiġri f’din il-gżira. Qegħdin ngħixu f’Għawdex ma’ l-Għawdxin.
Ktibna fl-imgħoddi li f’Għawdex jidher li għandna marda kronika. Ma nafx għandhiex isem speċifiku għaliha. Il-ħażin huwa li għal ħafna din il-marda tidher li hija xi ħaġa artifiċjali, imma hija kronika. Jidher li xi kultant tittieħed! Qegħdin nirreferu għall-każ ta’ dawk li jiġu “boarded out” mix-xogħol meta jkunu jaħdmu mal-Gvern. Daqqa taħt skuża u daqqa taħt oħra, wieħed jipprova jgħaddi bord mediku.
Li wieħed ikun verament marid li jkollu xi diżabilità fiżika jew li jiżviluppa ċirkostanzi mediċi mhux mistennijin hija ħaġa, imma li wieħed ikun irid idabbar rasu hija ħaġ’oħra. Nafu Għawdxin li rnexxielhom li għaddew bord u fetħu negozju għal rashom, jew marru fin-negozju tal-familja. Min idawwar ħaġa u min oħra. Lil ħafna milli nafu li għaddew bord ma nafuhomx morda jew b’diżabilità.
Għandna min jiflaħ ikisser il-blat, kif ngħidu, li għaddewh bord. Jissemma biss każ partikolari ta’ Għawdxi li snin ilu kien għadda bord meta kien inbidel il-Gvern, imma għax kien Nazjonalist, meta dawn kienu rritornaw fil-poter mhux talli jidher li l-mard għaddielu, imma tant li kien kapaċi li jintbagħat barra minn Malta jaħdem f’ambaxxata Maltija. Każ dan klassiku li jafu bih l-Għawdxin kollha.
Għal min irid jaf aktar ngħidulu li fi gżiritna għadna 15% li ġew “boarded out”. Dan ifisser li għandna 1,053 persuna li jinsabu għaddejjin fuq din ix-xorta ta’ benefiċċju. Min ħaqqu ħalli jieħu dan il-benefiċċju, imma min għadda bord għax għamel il-kalkoli li jaqbillu, għamel ħażin. Jgħidu li hawn Għawdex insibu tarf ta’ kollox u minn hemm jew minn hawn, ngħaddu. Il-qaddisin għalhekk qegħdin!
Li jkollok dan in-numru hekk kbir li skond ma ddeċidew l-esperti m’humiex tajbin għax xogħol, fi gżira u f’popolazzjoni hekk żgħira mhix ċajta. Hemm studju serju u fil-fond xi jsir ħalli nsiru nafu x’inhu jiġri sew ġewwa Għawdex. Morda veru jew qegħdin nabbużaw sfaċċatament? Fl-Għasri, ix-Xewkija, f’Kerċem u f’Għajnsielem jidher li dan il-mikrobu rnexxa aktar milli f’irħula oħrajn. Mhux bnadi oħra ma nsibuhx ukoll, imma mhux daqs f’dawn l-irħula.
Din mhix kwistjoni taċ-ċajt. Hija kwistjoni li għandha tiġi studjata u eżaminata bis-serjetà. Hi sitwazzjoni li fin-nofs hemm l-eluf tal-liri li qegħdin jitħallsu minn flusna, mit-taxxi tagħna. Min għandu bżonn jgħaddi bord ħalli jgħaddi, imma min għadda għax kellu l-ħbieb jew daħal mit-tieqa, m’għandux ikompli għaddej bix-xalata. Il-mard il-Bambin jibagħtu, veru imma sfortunatament f’Għawdex jidher li għandna ħafna li jafu kif jagħmlu t-teatrini b’ħaġa hekk serja.
Hija kurżità li nkunu nafu kemm minn dawk l-Għawdxin li ġew “boarded out” ġejjin mill- qasam privat. Ma tantx nisimgħu b’dawn, imma b’min kien jaħdem mal-Gvern jew korporazzjonijiet statali nafu!
Issa li għandna Ministru ġdid f’dan il-qasam, għalkemm forsi mhux midħla ta’ gżiritna, nistennew li jara ftit sewwa l-affarijiet. Jara x’mikrobu għandna f’Għawdex biex għandna dan in-numru kbir ta’ ħaddiema “boarded out”. Kemm verament hemm minnhom li ma jistgħux jaħdmu? Kemm hemm min qed idawwar ir-rota aħjar? Domandi u ħsibijiet jidħlu ħafna u dawn m’għadhomx jitħallew għaddejjin qisu m’hu qed jiġri xejn. B’aktar minn 1,000 “boarded out” f’Għawdex mhix ċajta. Il-veru għandna marda serja!
Wasalna għal staġun ieħor
Żmien importanti tas-sena għalina l-Għawdxin huwa bla dubju ta’ xejn ix-xhur li ġejjin. Dan għax magħhom norbtu l-istaġun tal-festi tradizzjonali ta’ gżiritna. Forsi fl-imgħoddi aktar mil-lum dawn il-festi kienu jkunu mistennijin mill-Għawdxin kollha u dan għax ma kellniex postijiet ta’ divertiment u fejn wieħed jgħaddi ż-żmien liberu f’Għawdex.
Għall-festi ta’ l-irħula, li hawn f‘Għawdex issir biss festa waħda kull nhar ta’ Ħadd u għalhekk min irid jew ikun dilettant jista’ jgawdi l-festi titulari kollha. L-Għawdxin kienu jmorru għalihom kollha fiż-żminijiet imgħoddija. Illum dawn l-aktar li jinteressaw huma lin-nies tar-raħal li jkunu jistennew is-sena kollha bil-ħerqa li tasal il-festa tal-padrun jew padruna. L-istaġun tal-festi jġib miegħu ħafna kummerċ. Nafu li hemm ħwienet fl-irħula li jitwellaw għal ġimgħa tal-festa bi prezzijiet tajbin.
Huwa żmien li fih naraw jirritornaw f’Għawdex numru ta’ Għawdxin li jinsabu msiefrin. Illum minn dawn qegħdin jiġu bil-mijiet u kollha jifirħu mhux biss għax jingħaqdu ma’ qrabathom u jaraw lill-ħbieb tagħhom imma wkoll għax ikunu jistgħu jassistu għall-festa titulari li tant iġġibilhom nostalġija ta’ tfulithom. Dawn l-Għawdxin li jiġu minn barra għall-festa tar-raħal jagħmlu fostna diversi ġimgħat u għalhekk huma wkoll sors tajjeb ta’ kummerċ.
Il-festi ta’ Għawdex dejjem jikbru minn sena għall-oħra. Mertu ta’ dan għandhom iż-żgħażagħ Għawdxin li qegħdin narawhom dejjem jiżdiedu fl-għaqdiet tal-lokal.
Imiddu jdejhom għal kollox. Jiġbru l-fondi matul is-sena għal bosta opri u xogħlijiet li jkunu se jtellgħu għall-festa. It-toroq ta’ gżiritna qegħdin ikunu armati sbieh ħafna u jkun fihom dehra tassew impressjonanti. Ħidma speċjali titwettaq mill- baned Għawdxin f’dawn ix-xhur. Illum kważi kull raħal ta’ Għaw-dex għandu l-banda tiegħu. Dawn minbarra s-sehem attiv fil-festa tar-raħal jieħdu sehem ukoll fil-festi ta’ l-irħula l-oħrajn.
Jiżdiedu l-aċċidenti
Jidher li mhux kollox sabiħ f’Għawdex. Dan l-aħħar kellna aħbar xejn sabiħa. Aħbar inkwetanti, u dan għax kienet waħda serja u ġiet minn sorsi serji. Qegħdin ngħidu għall-aċċidenti tat-traffiku. Sirna nafu li f’Għawdex f’din l-aħħar sena l-aċċidenti tat-traffiku żdiedu. Forsi għax ma kinux fatali u ma ħallewx vittmi warajhom, ma smajniex bihom fil-ġurnali, imma l-fatt jibqa’ li żdiedu. Li matul is-sena jkollok 15-il aċċident aktar mis-sena ta’ qabel, mhix xi ħaġa sabiħa. Jidher li xi nuqqas x’imkien hemm. U huwa għalhekk li minn żmien għal ieħor, speċjalment meta jkun dieħel l-istaġun tas-sajf, aħna niktbu dwar dan is-suġġett.
Huwa fatt li fi gżiritna llum sar għandna żgħażagħ avventurużi. Kulħadd bil-karozzi u l-muturi b’ċilindrati kbar, kulħadd irid juri kemm huwa bravu, avventuruż u sportiv.
Nafu li żgħażagħ Għawdxin illum anke jitilgħu isuquhom f’Malta. Nafu li Maltin jiġu Għawdex. Speċjalment fix-xhur li ġejjin dawn joktru. Għalhekk irridu nappellaw għall-prudenza. Li wieħed ikorri huwa ħażin, imma li jkorri lil xi ħadd intortament huwa att aktar gravi. F’Għawdex m’għadniex toroq li jifilħu ċertu tip ta’ sewqan b’veloċità qawwija.
M’għadna l-ebda waħda f’kundizzjoni tajba. Il-ħofor issibhom kull ftit metri, u speċjalment wara nżul ix-xemx, din hija xi ħaġa mill-aktar perikoluża. Suġġett konness mas-sewqan huwa wkoll il-fatt ta’ x’jilbsu jew ma jilbsux dawk li jsuqu. Minn żmien għall-ieħor ninnotaw li għanda ħafna li tarahom għaddejjin isuqu kemm karozzi kif ukoll muturi b’lanqas flokk fuqhom, jekk mhux agħar, b’xi malja ta’ l-għum biss! Dan irid jinqata’. Ma niskruplawx, imma d-diċenza napprezzawha!
Illum il-pulizija f’Għawdex żdiedu. Veru li x-xogħol żdied ukoll u fix-xhur li ġejjin ikompli jiżdied. Imma nagħmluha ċara ma’ kulħadd li ħadd ma jista’ jiġi Għawdex għall-avventura irresponsabbli! Mhux biżżejjed naqraw kemm żdiedu l-aċċidenti tat-traffiku. Tajjeb inkunu nafu kemm inqabdu jabbużaw jew jonqsu mir-regolamenti tas-sewqan.
Mhux ħaġa kbira biex fi gżiritna jinżamm aktar kontroll fuq is-sewwieqa rresponsabbli.
|