|
Il-Ħadd li għadda l-Partit Laburista għadda minn esperjenza storika. Fil-Konferenza Ġenerali ġew approvati diversi emendi fl-istatut tal-Partit u fir-rigward ta’ Għawdex irridu ngħidu li għal darb’oħra l-Partit Laburista wera bil-fatti kemm Għawdex huwa mportanti u jistħoqqlu attenzjoni partikolari. Fil-fatt għandha konferma statutorja li Għawdex huwa reġjun u bħala tali allura għandu jkollu strutturi partikolari li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ Għawdex.
Din hija l-viżjoni tal-partit għal Għawdex u iva, din hija d-direzzjoni li lkoll għandna naqbdu għall-ġid ta’ Għawdex tagħna. B’dispjaċir ngħid li iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar il-problemi ta’ Għawdex qegħdin jitħallew lura. Din hija l-istess storja wara kull elezzjoni bid-differenza, però, li din id-darba l-poplu wera fiduċja kbira fil-Partit Laburista u allura wera wkoll sfiduċja kbira f’dan il-Gvern. Min-naħa tiegħu l-Gvern qisu jrid ipattiha lill-poplu Għawdxi billi qed jikkastigah u jħallih ibati u jaqa’ lura.
|
|
 |
Fil-Baġit li għadda kellna konferma ċara ta’ dan, għax irriżulta li l-Gvern naqas milli jżomm il-wiegħda tiegħu dwar l-allokazzjoni tal-fondi mill-Unjoni Ewropea għal Għawdex. Dan apparti d-diversi wiegħdiet oħrajn li smajna diversi drabi u ma twettqux u l-atteġġjament tal-Gvern Nazzjonalista taż-żewġ uċuh ta’ qabel u wara l-elezzjoni.
Qabel l-elezzjoni l-Prim Ministru kien għamel żjara fil-fabbrika tal-Pamargan fejn ukoll ltaqa’ u tkellem ma’ diversi ħaddiema. Min jaf xi kliem sabiħ qalilhom dwar il-futur li għandu maħsub għal Għawdex! Min jaf jekk imur issa x’jgħidilhom u min jaf xi kliem ikollu kieku jkollu jiltaqa’ ma’ dawk il-ħaddiema li tilfu xogħolhom jew li qegħdin fuq ġranet imnaqqsin? X’qed jagħmel il-Gvern biex jgħin lil dawn il-ħaddiema u lill-familji tagħhom jew issa jistennew elezzjoni oħra biex iwiegħdu l-għajnuna?
Aktar mas-sitwazzjoni f’Għawdex sejra lura, iktar jaraw x’jivvintaw biex imorru għall-agħar. F’dawn l-aħħar ġranet għexna xi ħaġa oxxena – il-prezzijiet tal-ikel fuq il-vapuri tal-Gozo Channel splodew ’il fuq u ħafna oġġetti saħansitra rdoppjaw. Minn dan qegħdin ibatu mhux it-turisti biss imma dawk il-ħaddiema Għawdxin kollha li jkunu ġejjin u sejrin kuljum Malta għax-xogħol. Qaluli li issa anke dik it-tazza kafè se jkollhom jiċaħħdu minnha għax l-ispejjeż qegħdin jiekluhom. Il-ħela li hemm fuq il-Gozo Channel u l-ħsarat li jiġu kkaġunati minħabba traskuraġni, minn fuq dahar in-nies iridu jpattu għalihom. Anke fost il-ħaddiema qiegħda tirrenja tensjoni kbira għax ma jafux x’se jiġri mill-kumpanija.
Din il-ġimgħa taħbat ukoll il-ġimgħa tal-persuni b’diżabilità. Fid-diskors tal-baġit tkellimt dwar iċ-ċentru għall-adulti l-ġdid fir-Rabat. Dan ilu għaddej mill-2002 u sal-lum għadu ma fetaħx. Kull meta nistaqsi lill-Ministru dwar dan iċ-ċentru, dejjem tgħidli li x-xogħol wasal fi stadju avvanzat u dan meta mhux il-każ peress li jiena noqgħod fil-viċin naf li mhux qed tingħata informazzjoni korretta. Fil-fatt ftit ġranet wara l-Baġit bdejt nara xi ħaddiema jagħmlu xi xogħlijiet u allura peress li meta tniġġeż isir xi ħaġa se nkompli nniġġeż biex ix-xogħol ikompli u dan iċ-ċentru jitlesta kemm jista’ jkun malajr għall-ġid tal-persuni b’diżabiltà f’Għawdex.
Għawdex jixraqlu tmexxija dinamika u kurraġġuża. Żgur li din it-tip ta’ tmexxija jista’ jagħtiha biss Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph li hu determinat li jagħti direzzjoni ġdida lil dan il-pajjiż, speċjalment lil Għawdex.
|