Kienet taffaxxinah il-kampanja tagħna u anke l-veduti tal-baħar. Skond hu, l-arja t’Għawdex tagħmel ħafna ġid lill-pulmuni u dan kien iħossu kull meta kien jerġa’ lura lejn Malta fejn l-arja hija iktar tqila minħabba d-dħaħen.
F’dan l-artiklu tiegħi tal-lum inħoss li għandi nsellem lill-ħabib u kollega Karl Chircop. It-telfa tiegħu ħassewha Għawdex u Malta kollha u bir-raġun għax Karl dejjem ħadem b‘ruħu u b’ġismu għall-ġid tal-poplu kollu. Żgur li Karl se jibqa’ mnaqqax f’qalbna u f‘moħħna u li ma aħna se ninsewh qatt.
Dan l-aħħar qabel ma ddaħħal l-isptar, Karl flimkien mal-familja tiegħu kien ta’ sikwit jiġi Għawdex. Kien jgħidli li meta jiġi Għawdex jistrieħ kemm fiżikament imma iktar u iktar mentalment. Il-politika ġġib magħha ħafna stress u tensjoni u dan kollu kien jinsih meta kien ikun hawn u meta jerġa’ lura lejn ħidmietu kien jerġa’ jkun mimli enerġija u ħeġġa.
Kienet taffaxxinah il-kampanja tagħna u anke l-veduti tal-baħar. Skond hu, l-arja t’Għawdex tagħmel ħafna ġid lill-pulmuni u dan kien iħossu kull meta kien jerġa’ lura lejn Malta fejn l-arja hija iktar tqila minħabba d-dħaħen.
Fil-leġislatura li għaddiet min jaf kemm-il darba avviċinajtu bi problemi ta’ ħafna Għawdxin. Peress li kien inkarigat mill-ETC min jaf kemm-il darba tkellem dwar il-problemi li għandna f’Għawdex minħabba l-qgħad u nuqqas ta’ xogħol. Ħafna Għawdxin forsi dan ma jafuhx u tajjeb li jkunu jafuh. F’kull dibattitu dwar il-qasam tax-xogħol dejjem iddedika parti għal Għawdex u dejjem emmen li Għawdex għandu potenzjal enormi u li sfortunatament Għawdex jitħalla mitluq.
Peress li Karl kien tabib, kemm-il darba tkellimna fuq is-settur tas-saħħa f’Għawdex. L-isptar ġenerali ta’ Għawdex huwa nieqes minn ħafna servizzi u kemm-il darba tkellem dwar il-ħtieġa li l-isptar ta’ Għawdex jiġi mgħammar adegwatament biex jaqdi l-ħtiġijiet tal-Għawdxin. Fil-fatt f’laqgħa li kellna tal-Kumitat Soċjali tal-Parlament proprju f’Lulju li għadda, Karl u jien tkellimna fit-tul dwar dan is-suġġett u anke pjanajna li f’dan il-kumitat nimbottaw il-problemi tal-pazjenti Għawdxin u n-nuqqasijiet f’dan il-qasam.
Minn dan ma laħaq għamel xejn, però din il-ġimgħa saret laqgħa fejn ġie ppreżentat rapport għall-konsiderazzjoni tal-kumitat. F’dan ir-rapport appuntu qed jissemma s-settur tas-saħħa f’Għawdex u li qed jingħad li hemm bżonn li tingħata attenzjoni lill-isptar. Il-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport allura se tagħti lill-membri tal-kumitat jiftħu d-diskussjoni dwar dan.
Żġur li kieku Karl għadu magħna kien jagħti kontribut sħiħ u siewi f’din id-diskussjoni li tant hija importanti għalina l-Għawdxin.
Minkejja li Karl ma kienx Għawdxi, lil Għawdex kien iħobbu ħafna u din l-imħabba ġiet riflessa fil-ħidma tiegħu fil-Parlament. Ta’ dan aħna l-Għawdxin għandna ngħidulu grazzi u nitolbu għalih u għall-familtu li tant kien iħobb.
Nagħti l-kondoljanzi lil Adriana, lit-tfal u lill-bqija tal-familja. Grazzi Karl.