|
|
||||
|
Is-suldati Għawdxin |
||||
| L-Orizzont (07-07-2008) | ||||
|
Is-sajf issa daħal ġmielu, bdew il-festi u s-sħana qed tagħmel tagħha. Kulħadd ifittex jiffriska xi ftit minn ħdejn il-baħar u min bid-doċoċ friski matul il-ġurnata. Għalkemm issa minħabba s-soprataxxa rridu noqogħdu attenti kemm ninħaslu u niffriskaw. Forsi min qed jaqra dan l-artiklu, nistħajlu jgħid: kemm qegħdin tajjeb dawn – jaslu tard u jitilqu kmieni minn fuq ix-xogħol! |
![]() |
|||
Però tajjeb li naraw u nispjegaw l-isfond. Il-ħaddiema Għawdxin, bid-differenza ta’ sħabhom Maltin, għandhom diffikultajiet u inkonvenjenzi kbar biex jirnexxilhom jaslu fuq il-post tax-xogħol bħal sħabhom Maltin. Biex ħaddiem Għawdxi jkun fuq xogħlu fis-7.30 ta’ fil-ghodu jrid jibda jaħseb mill-ħamsa ta’ fil-għodu; f’dak il-ħin il-kollegi tagħhom Maltin ikunu fl-aqwa nagħsa.
Peress li l-Għawdxin jiddependu ħafna fuq il-puntwalità tal-vapur u anke fuq it-trasport pubbliku, hemm il-konċessjoni favur il-ħaddiema Għawdxin li jaslu ftit tard u jitilqu ftit kmieni biex jitpattilhom ftit mill-ħin tat-traġitt. L-idea wara n-nofs siegħa li normalment tiġi konċessa lill-ħaddiema, appuntu tirrappreżenta n-nofs siegħa tal-vapur. B’hekk l-Għawdxi ta’ l-inqas jiġi trattat bħal persuna li tgħix il-Mellieħa. Għall-membri tal-Forzi Armati Għawdxin li jaħdmu Malta l-affarijiet se jinbidlu u din il-konċessjoni se tiġi ridotta għal nofs siegħa t-Tnejn u nofs siegħa oħra l-Ġimgħa – bħallikieku dawn f’dawn iż-żewġ ġranet biss se jirrapportaw għax-xogħol. Naf ukoll li ħafna minnhom biex jevitaw milli jaslu tard, imorru għax-xogħol bit-trasport privat tagħhom għax m’għandhomx trasport ipprovdut mill-Armata bħal ma kien hemm fi snin mgħoddija. Ta’ min jgħid ukoll li ħafna minnhom ma jaħdmux fuq ir-rotta tal-karozza tal-linja taċ-Ċirkewwa u allura jekk ikollhom imorru bit-trasport pubbliku, jkollhom jaqbdu żewġ karozzi tal-linja u hekk jaslu iktar tard għax-xogħol. Biex appuntu jevitaw dan, ħafna jużaw it-trasport tagħhom b’żieda konsiderevoli ta’ spejjeż li sħabhom il-Maltin m’għandhomx. Iddur kif iddur, l-Għawdxi qatt ma jista’ jkun fl-istess pożizzjoni ta’ sħabu l-Maltin. U kien għalhekk li nħolqu dawn il-mekkaniżmi biex itaffu xi ftit. Però għall-membri tal-Forzi Armati, l-affarijiet jidher li se jinbidlu. Min jaf għaliex ma nbidlux qabel l-elezzjoni? Kien hemm min beża’ li jdarras u allura jitlef il-voti? Daqshekk huma stmati dawn il-ħaddiema – għall-vot biss? Il-fatt jibqa’ li min jikkmanda qiegħed komdu u msieken dawn il-ħaddiema, li forsi qabel l-elezzjoni qalulhom mod u issa qegħdin jisimgħu diska differenti. |
||||
|
©
2008 - Justyne Caruana
|
||||