Inkubaturi

L-Orizzont (20-11-2008)
Il-ġimgħa l-oħra ġie diskuss il-vot ta’ Għawdex u peress li, milli jidher, minn jikteb id-diskors tal-Ministru jaqra dan il-ġurnal, se nirrispondi lill-Ministru għal dak li qalet meta pprovat twieġeb għall-kritika tiegħi.

Fid-diskors tiegħi tkellimt dwar esperjenza li kelli jiena meta wellidt lil binti. Xahar qabel ma dħalt inwelled ukoll kelli nidħol l-isptar u dakinhar kienu qaluli biex inserraħ rasi għax issa nwelled meta nwelled, ma kellix għalfejn immur Malta. Meta staqsejt din x’kienet, qaluli li peress li Għawdex m’għandniex inkubaturi addattati għat-trabi li jitwieldu qabel iż-żmien, biex jevitaw kumplikazzjonijiet jaqbdu lill-omm qabel ma twelled u joħduha Malta biex twelled hemm sabiex it-tarbija tkun tista’ tingħatalha dak li jkollha bżonn f’Malta għax hemmhekk għandhom l-apparat kollu u għandhom staff imħarreġ.
 

Kien għalhekk li jien tkellimt dwar dan u għedt li hemm bżonn tal-inkubaturi fl-isptar ta’ Għawdex.

Meta l-Ministru wieġbet, qalet li dak li għidt jien mhux minnu għax f’Għawdex inkubaturi hemm u hija l-għażla tal-omm fejn twelled, salv ovvjament, meta jkun hemm każijiet partikolari li jinħtieġu rikoveru f’Malta. Dan mhu minnu xejn u għalhekk se ngħid x’ġara lili bit-tama li min għandu jagħmel xi ħaġa jaqbad u jagħmilha u ma noqogħdux nilagħbu l-ballun politiku.

Xi sigħat wara li twieldet binti u tawha l-ewwel flixkun ħalib, inqalgħu xi kumplikazzjonijiet – sakemm tawha tixrob it-tifla ma kellha xejn anzi meta ġie jaraha t-tabib malli twieldet kien qalilna li kollox perfett. Allura x-xokk li ħadna kien kbir meta qalulna li kienu qegħdin jagħmlu xi testijiet. Nistqarr li jiena ma fdajtx għax naf li f’Għawdex għandha servizz fqir immens u allura ddeċidejna li nitilqu lejn Malta. Kont naf li l-inkubaturi li hemm f’Għawdex huma qodma ħafna u ma ridt nieħu l-ebda riskju. Meta ġejna għall-inkubatur qabadni l-biki. Bdew jibnuh quddiemi u min kien qiegħed jibnih beda jiġri għall-’parts’ minn naħa għall-oħra tal-isptar u kont qed nisimgħu b’widnejja jgħidilhom biex jaqduh għax hemm jien imdaħħla. Dak għamel li seta’ miskin iżda binti l-Mater Dei waslet kiesħa silġ għax l-inkubatur xorta ma ħadimx.

Qatt ma tkellimt dwar dan il-każ għax hu personali iżda waqt il-baġit semmejt il-problema biex ħadd ma jerġa’ jgħaddi milli għaddejna jien u l-familja tiegħi. Ebda tarbija ma għandha tbati u tgħaddi minn dak li għaddiet minnu binti minħabba nuqqas ta’ xi ħadd u ta’ apparat fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex.

Qatt ma kont nippretendi risposta bħal dik li ngħatajt sempliċement biex jittieħed vantaġġ politiku. Għalhekk qiegħda nitkellem illum. Jien wellidt ftit qabel l-elezzjoni u li kieku ridt nieħu xi vantaġġ kont naf nagħmilha imma jien ma nemminx li minn sitwazzjonijiet bħal dawn xi ħadd għandu jieħu vantaġġ minn xi ħaġa jew minn fuq xi ħadd. Minn sitwazzjonijiet bħal dawn tieħu tagħlima u tagħmel dak kollu li hemm bżonn biex ħaġa bħal din ma terġax tiġri. Dan ma sarx u għalhekk semmejtha fil-baġit.

Hemm bżonn tal-inkubaturi fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Fil-kuruturi tal-Mater Dei hemm ħafna minnhom. Possibbli mhemmx wieħed żejjed għalina? Il-Ministru tieħu għaliha għax kemm-il darba għidtilha li għall-isptar ġenerali ta’ Għawdex Allaħares ma jkunux id-donazzjoniet ta’ makni u apparat mingħand diversi għaqdiet u persuni.

Bir-rispett kollu jekk ma tridnix nibqa’ ngħidha, l-ewwel li għandha tibda hu li fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex jiġu l-inkubaturi ‘state of the art’ kif jixirqilhom lit-trabi li jitwieldu f’Għawdex
.

© 2008 - Justyne Caruana