|
|
||||
|
Horace, it-trabi u l-Gozo Channel |
||||
| L-Orrizont (18-12-2008) | ||||
|
Din il-ġimgħa ħalliena persunaġġ li għamel ġid kbir fil-qasam edukattiv tal-gżira Għawdxija. Proprju l-Ħadd li għadda miet Horace Mercieca li kien edukatur per eċċellenza u li ta kontribut siewi biex l-edukazzjoni f’Għawdex mxiet ‘il quddiem. Ħabb lill-istudenti kollha li għaddew minn taħt idejh kemm bħala għalliem kif ukoll imbagħad fil-karigi kollha li okkupa fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Ta sehem kbir ukoll fil-kamp sportiv u r-rispett li kien igawdi s-Sur Mercieca xehednih ilkoll kemm aħna waqt il-funeral tiegħu meta tajnih l-aħħar tislima, però żgur li l-memorja tiegħu se tibqa’ mnaqqxa f’qalbna. Minn hawn nixtieq nagħti l-kondoljanzi lill-familja kollha tiegħu. |
|
|||
L’artiklu tiegħi f’dan il-ġurnal ftit tal-ġimgħat ilu kont ktibt fuq il-problema tat-trabi li jitwieldu qabel iż-żmien u dwar il-problema li għandna f’Għawdex għax ma għandniex inkubaturi adegwati biex dawn it-trabi jiġu trattati kif suppost. Sfortunatament il-ġimgħa li għaddiet reġa‘ kellna każ ieħor fejn tarbija tat-twelid kellha tittieħed lil ommha biex joħduha Malta. Inqalgħu problemi kbar għax kien il-maltemp u l-ħelikopter ma setax jinżel l-isptar ta’ Għawdex u ntilef ħafna żmien b’detriment ta’ saħħet it-tarbija.
Dan biex ma nsemmix id-dulur kbir u ndeskrivibbli tal-omm li wara li tkun ġarret it-tarbija ġo fiha għal xhur sħaħ u wara li tkun wellditha bi tbatija kbira, imbagħad joħduhielha biex tiġi trattata Malta u l-omm titħalla Għawdex għax ma tkunx f’kundizzjoni li tivvjaġġa. Hija sitwazzjoni krudili u biex tifhimha trid tgħaddi minnha. Kemm se ndumu għaddejjin bl-istess problema u qatt ma jsir xejn? X’qed jistenna l-Gvern biex jagħmel xi ħaġa? Huwa daqshekk diffiċli li jinġabu nkubaturi moderni u jiġu mħarrġin żewġ infermieri biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb dawn il-każijiet? Xbajt nisma’ li dan mhux vijabbli għax l-inċidenza tal-każijiet mhijiex daqshekk frekwenti. Jien għalija każ wieħed huwa iktar minn biżżejjed u l-ebda omm u tarbija ma għandha tgħaddi minn dik it-tbatija kollha. Hag"ohra li ġrat din il-ġimgħa u li tajjeb li l-poplu jkun jaf biha, hija dikkjarazzjoni li għamel il-Ministru Tonio Fenech fil-Parlament. Il-Ministru kien qed jirrispondi domanda dwar it-‘tender’ tal-ivvjaġġar bil-baħar bejn Għawdex u Malta. Ħadt l-opportunità u staqsejtu jekk il-Gvern għandux pjan ta’ kontinġenza għall-ħaddiema tal-Gozo Channel f’każ li din ma tieħux it-‘tender’. Beda jdur mal-lewża u erġajt u erġajt staqsejtu. Ikkonkluda billi qal li hu huwa fiduċjuż li l-Gozo Channel hija kompetittiva biżżejjed però garanziji ma jistax jagħti. “Iktar minn hekk ma nistax ngħidlek”. Dak kien il-kliem tal-Ministru. Jekk il-Gozo Channel ma tiħux it-‘tender’ ikun ifisser ħaġa waħda biss – l-impjieg tal-ħaddiema mhux garantit u allura jiena nifhem li l-impjiegi tal-ħaddiema tal-Gozo Channel jinsabu taħt theddida serja. Min jaf Gonzipn qalilhomx b’dan qabel l-elezzjoni? Ma naħsibx. Però jien kont nippretendi li l-Gvern ikun responsabbli biżżejjed u jibda jaħseb minn issa fuq pjan ta’ kontinġenza f’każ li l-Gozo Channel ma tiħux it-‘tender’. J’Alla tieħdu l-Gozo Channel dan it-‘tender’ però trid taħseb għal kull eventwalità għax wara kollox qegħdind nitkellmu fuq il-ġejjieni tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom. Minn qalbi nixtieq nawgura l-festi t-tajba lil kulħadd. |
||||
|
©
2008 - Justyne Caruana
|
||||