Ghawdex u l-Mexxej Laburista

L-Orizzont (03-01-2008)

Bl-għajnuna ta’ Alla erġajna bdeja sena oħra u għal min is-sena elfejn u sebgħa kienet sena ħazina, jispera li s-sena l-ġdida tkun aħjar. Ta’ min jgħid li huma ħafna dawk li kienu qed jistennew din is-sena l-ġdida għax qed jittamaw, u bir-raġun, li din ser tkun sena ta’ bidla fl-amministrazzjoni li l-pajjiz tant għandu bzonn u li l-poplu tant jixtieq.

Is-sena elfejn u tmienja fil-fatt ser tkun sena importanti għall-pajjizna, speċjalment għal Għawdex, għax din is-sena ser jerġa jkollna Gvern u amministrazzjoni serja mmexxija minn Prim Ministru li jixraq lilna lkoll biex tabilħaqq nagħtu nifs u bidu ġdid permezz tal-pjan tagħna.

Bħala partit li ser inkunu fil-Gvern minn hawn u ftit tax-xhur oħra, għandna għalfejn inkun kburin li għandna lil Dr Alfred Sant imexxina. Il-mexxej tagħna huwa bniedem ta’ rispett kbir li dejjem ħsiebu fil-bzonnijiet ta’ ħaddieħor mingħajr ma jagħti kaz tiegħu nnifsu. Aħna li naħdmu qrib tiegħu lkoll nafu kemm jieħu ħsieb u jinkwieta fuqna u dwar il-problemi tagħna u min jaf kemm-il darba lili stess widdibbni biex nieħu ħsieb saħħti speċjalment meta sar jaf li qed nistenna t-tarbija.

Forsi ħafna ma kienux jafu l-karattru tiegħu x’inhu għaliex l-umilta’ tieghu hija tant kbira li jiddejjaq min ifaħħru. Pero’ f’dawn l-aħħar ġranet is-solidarjeta’ tal-poplu kemm miegħu kif ukoll mal-familja tieghu tant kienet kbira li wriet kemm dan ir-raġel huwa maħbub mill-poplu u kemm il-poplu japprezza kemm il-mexxej tagħna jaħdem bis-sħiħ bl-iktar mod ġenwin u ddedikat għall-ġid tan-nies.

Aħna l-Għawdxin dan nafuħ sew għaliex Dr Sant lil Għawdex iħobbu ħafna u ta’ sikwit jiġi jzurna. Dawn iz-zjarat isiru fuq bazi regolari u mhux meta tkun ġejja xi elezzjoni biss u l-fatt li jkun hawn ta’ spiss jġiegħluħ jifhem iktar il-problemi ta’ Għawdex u l-Għawdxin u jindirizzhom.

Ħafna kienu x-xniegħat dwar il-Leader u f’Għawdex inqala’ ferment kbir għaliex ħafna nies inkwetaw għaliħ. Minkejja li saru stqarrijiet u anke ħargu l-bullettini mit-tobba kien hemm xniegħat li ppersistew biex ikomplu jallarmaw in-nies. Imma minkejja dan kollu, il-verita’ hija waħda biss – l-operazzjoni ta’ Dr Sant kienet suċċess u qed jirkupra tajjeb ħafna tant li huwa mistenni li fi ftit ġimgħat oħra ser jerġa jissokta l-ħidma tiegħu fit-tmexxija tal-partit u l-kampanja elettorali li ser twassalna għall-rebħa kbira Laburista għall-ġid ta’ l-Għawdxin u l-Maltin kollha.

Sadanittant għaziz Leader nitolbu għalik u għall-familja tiegħek.

 

© 2008 - Justyne Caruana