|
|
||||
|
Ganni Haber |
||||
| L-Orizzont (27-08-2008) | ||||
|
Illum irrid insellem lill-ħabib kbir li ħalliena xi ġranet ilu, Ġanni Haber mix-Xewkija, li aħna lkoll nafuh bħala “Ġanni z-Ziza”. Ġanni ħalla vojt kbir fil-qalb ta’ qrabatu u ħbiebu iżda mhux biss għax hu kien maħbub ħafna minn kulħadd. |
![]() |
|||
Fl-agħar żmien waqt il-konflitt politiko-reliġjuż tas-Sittinijiet, Ġanni flimkien man-nannu tiegħi Ġanni Caruana, li llum għandu 88 sena, u grupp ieħor ta’ suldati ta’ l-azzar li ħadd minnhom ma għadu magħna, ifformaw l-ewwel kumitat lokali tal-Partit Laburista f’Għawdex li kien fix-Xewkija. Kienu żminijiet iebsin meta min kien Laburist kien jiġi mwarrab. Ġanni kien negozjant, però f’dawk iż-żminijiet bata ħafna għax lin-nies deffsulhom f’rashom li l-Laburisti jġibu s-saħta fid-djar jekk jixtru minn għandhom jew iqabbduhom jagħmlu xi xogħol fi djarhom. In-nannu din għadu jgħidha sal-lum għax hu kien bajjad u jgħid kemm kien diffiċli jrabbi familja b’sebat itfal f’dawk iż-żminijiet.
Dawn id-diffikultajiet ma qatgħux qalb Ġanni imma iktar ġiegħluh iħobb lill-partit, tant li anke kkontesta l-Elezzjoni Ġenerali mal-Partit Laburista fis-Sittinijiet. Dak in-nhar iddikjara bil-miftuħ li ma kienx lest jikkomprometti jew b’xi mod jiċħad it-twemmin tiegħu bħal ma kienu għamlu ħafna oħrajn f’dawk iż-żminijiet. Meta kiber fiż-żmien lill-partit kompla jgħinu b’diversi modi. Kull meta kien ikollna xi ġabra kien ikun minn ta’ l-ewwel nett li kien jagħtini donazzjoni. Għalija personali kien ta’ ispirazzjoni kbira u sa minn meta kont żgħira kien joqgħod jirrakkontali dwar l-istorja tal-partit. Kien jgħidli affarijiet li fil-kotba ma ssibhomx. Sa minn dak iż-żmien kien jgħidli: “inti bint missierek u lill-partit ħobbu daqs kemm tħobb lill-familtek”. Fil-fatt Ġanni kien wieħed minn dawk li dejjem għenni għall-politika u li dejjem kien warajja fil-ħidma tiegħi. Qatt ma ħamel lill-opportunist li jiddobba bil-partit u min kien hekk kien jgħidlu f’wiċċu, però lil-Laburist ġenwin kien iħobbu u kien jagħrfu. Il-funeral tiegħu kien wieħed sabiħ li ta xhieda ta’ kemm Ġanni kien maħbub minn kulħadd – mhux mil-Laburisti biss għax kienu ħafna dawk in-Nazzjonalisti li ġew jagħtuh l-aħħar tislima. Ġanni ħalliena imma ħajtu ħalliet marka fuq dawk kollha li kienu jafu u jirrispettaw u żgur li l-memorja tiegħu se tibqa’ ħajja magħna lkoll li konna nafu u nħobbu.
|
||||
|
©
2008 - Justyne Caruana
|
||||