Fl-interess ta’ min?

L-Orizzont (22-05-2008)
F’dawn l-aħħar ġranet ċemplitli persuna li ħassitha urtata ħafna għax fil-ġurnali lokali ġew irrapportati xi attivitajiet li saru f’Għawdex u li għalihom kont preżenti jien ukoll fejn kull ma ssemmew kienu l-Membri Parlamentari tan-naħa tal-Gvern biss.

Din il-persuna bir-raġun qaltli li jiena kont hemm biex nirrappreżenta lill-Oppiżizzjoni li tirrapreżenta nofs il-poplu u allura dan l-atteġġjament kien imur kontra l-ispirtu ta’ dak li jgħid il-Gvern li aħna poplu wieħed u li Gvern u Oppożizzjoni jridu jaħdmu flimkien.

Jien lil din il-persuna ma nlumhiex għax veru li ġieli ġrat li waqt ċertu attivitajiet, minkejja li aħna ta’ l-Oppożizzjoni niġu mistiedna, lanqas biss isemmuna fl-indirizz ta’ l-okkażjoni u jkun hemm min anke jistiednek biex ikun stiednek imbagħad jagħtik il-ġenb. Imma mbagħad għandek ħafna attivitajiet oħrajn organizzati min-nies ta’ l-affari tagħhom u li jafu l-protokol u kif l-affarijiet għandhom imorru u allura jagħmlu kollox kif suppost. Jien min-naħa tiegħi nassigura lil din il-persuna li bħal ma dejjem għamilt, se nkompli nagħmel ħilti biex nipprova mmur kull fejn jistiednuni.

Biex inkompli fuq dak li qal is-sinjur, l-għajta ta’ dan il-Gvern se tkun biex naħdmu flimkien għall-ġid tal-pajjiż u li dan irid ikun Gvern ta’ kulħadd. Però mill-kliem għall-fatti dejjem kien hemm baħar jikkumbatti u anke f’dan il-każ. Qed ngħid dan għax saru ċertu ħatriet u ttieħdu ċertu deċiżjonijiet li jġiegħlu lil dak li jkun jiddubita ħafna mill-ġenwinità u mottivi tal-Gvern.

Kumbinazzjoni din il-ġimgħa l-kollega tiegħi l-Onor Buontempo għamel mistoq-sija Parlamentari lill-Ministru George Pullicino dwar il-Bord tal-Wasteserve. Il-mistoqsija ġġib in-numru 97. Membru tal-Bord hija Għawdxija Dr Marthese Portelli, li kif ġie kkonfermat fl-istess tweġiba tal-Ministru, kienet kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali mal-Partit Nazzjonalista u hija wkoll kunsilliera Nazzjonalista. Li ma qalx il-Ministru hu li Dr Portelli, li għandi kull rispett lejha, hija kunsilliera fil-lokalità tax-Xewkija.

Fir-raħal tax-Xewkija kumbinazzjoni se ssir il-Waste Transfer Station li r-residenti ma jridux u li dejjem kienet kwistjoni taħraq. Sar ukoll mandat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija kif ukoll sar appell quddiem il-Bord ta’ l-Appelli ta’ l-Ippjanar kontra l-applikazzjoni tal-Wasteserve.

Issa din il-ħatra lili qed tinkwetani mhux ftit. Ma għandi ebda dubju li Dr Portelli hija persuna kapaċi, pero’ nistaqsi f’din il-kwistjoni tal-Wasteserve fix-Xewkija, liema kappell se tilbes? Għax jekk hija membru tal-Bord tal-Wasteserv nassumi li f’xi ħin jew ieħor din il-kwistjoni se tissemma’. U allura jekk dan ikun il-każ x’se tagħmel Dr Portelli? Liema kappell se tilbes, dak ta’ kunsilliera li tirrappreżenta u taħdem għall-interessi tal-poplu Xewki jew ta’ membru tal-Bord maħtura mill-Gvern biex appuntu tmexxi l-aġenda tal-Gvern? L-istess ovvjament ninstaqsi jekk din il-kwistjoni tqum waqt xi laqgħa tal-kunsill lokali.

Persważa li ma kinitx Dr Portelli li talbet biex tkun membru ta’ dan il-bord u jista’ jkun li min ħatarha, bi żvista forsi ma kkunsidrax dan il-fattur. Però ġaladarba ġieni dan id-dubju u bħala persuna li jinteressani ħafna l-ġid tax-Xewkija, ħassejt fil-kuxjenza tiegħi li kelli nqajjem dan il-punt għall-attenzjoni tal-poplu u ta’ Dr Portelli biex il-ġid u l-interessi tal-poplu Xewki bl-ebda mod ma jiġi mittiefes.

© 2008 - Justyne Caruana