Drittijiet

L-Orizzont (15-09-2008)

Il-bieraħ iltqajt ma persuna bir-rgħawa f’ħalqa u qaltli: ‘tkellem ftit dwar id-drittijiet ta’ l-Għawdxin – għaliex aħna qatt ma niġu stmati?’

Lil din il-persuna ma nlumhiex u ġbidtilha l-attenzjoni li jien kull ħin u kull opportunita’ li jkolli niġbed il-ħabel ta’ Għawdex u l-Għawdxin. Imma sfortunatament tiġbed kemm tiġbed huwa inutli jekk minn għandu d-dmir li jwettaq ma jagħmel xejn.

Mhux l-ewwel darba li tkellimt dwar nuqqas ta’ servizzi li jeżiżtu f’Għawdex għalina l-Għawdxin – din hija realta’ li nħabbtu wiċċna magħha ta’ kuljum. Hija nġustizzja kbira għaliex aħna taxxa bħal Maltin inħallsu u allura għandu jkollna l–istess drittijiet u l-istess aċċess għas-servizzi.

 

Dan in-nuqqas mhux jien biss nitkellem dwaru imma hemm sensiela ta’ rapporti, anke minn Kummissjonijiet tal-Gvern stess, li jgħidu iswed fuq l-abjad kemm Għawdex huwa fqir fis-servizzi u kemm hemm bzonn immedjat li s-sitwazzjoni tinbidel. A rigward l-oqsma soċjali u sensittivi bħal vjolenza domestika u d-drittijiet tat-tfal, isiru ħafna kampanji siewja imma l-kwistjoni hija waħda u kbira - l-vittmi Għawdxin fejn jistgħu imorru biex jaħarbu mill-vjolenza li jkunu fiha? X’għajnuna u x’servizzi għandhom it-tfal li qed jiġu mċaħħda mit-tfuliija tagħhom u mit-trobbija li tixraq li kull tifel u tifla ta’ Għawdex?

Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika fir-rapport annwali taghha Marzu 2006 u Frar 2007 issemmi l-laqgħa li saret ma’ l-Eċċellenza tiegħu l-Isqof Mario Grech u persuni oħrajn li jaħdmu f’dan il-qasam. F’din il-laqgħa ġew diskussi diversi affarijiet pero’ ħareġ ċar il-fatt li hemm ħafna ostakoli biex issir ħidma f’dawn il-każijiet – il-Gvern ma għandu ebda dar għal-kenn għall-vittmi. Teżisti biss Dar Ġużeppa Debono li hija dar tal-Knisja u li minkejja li tagħmel xogħol siewi ħafna, tiddependi fuq il-volontarjat. Pjaga bħal din tinħtieġ servizz kontinwu u professjonali u allura l-Gvern irid jerfa’ l-piż u jipprovdi dawn is-servizzi.

Il-Kummissarju tat-Tfal fil-Manifest għat-tfal tiddedika parti għal Ghawdex. Dan għaliex anke l-Kummissarju tat-tfal tħoss li f’Għawdex is-servizzi huma limitati ħafna. Dan il-Manisfest isemmi każijiet ta’ tfal li għadhom problemi ta’ mġieba jew li ma jistgħux jgħixu mal-familja tagħhom għal diversi raġinijiet. Minħabba nuqqas ta’ servizzi professjonali u ta’ kura residenzjali, l-uniku post f’Għawdex li jista’ jilqa’ lil dawn it-tfal huwa l-isptar. X’sens jagħmel dan meta t-tfal li qed nitkellmu dwarhom ma humiex morda imma minħabba li ma għandniex fejn imżommuhom l-uniku post li jista’ jilqagħhom huwa l-isptar!

Anke fejn jidħlu servizzi ta’ sapport li jinvolvi professjonisti dawn huma bbażati f’Malta fejn hemm l-Appoġġ li tipprovdi sensiela ta’ servizzi għat-tfal u għall-familji. Minn dan Għawdex ma għandna kważi xejn għajr għal numru żgħir ta’ nies li jaħdmu fiċ-Ċentru għall-Ħarsien tal-Familja li minkejja n-nuqqas ta’ riżorsi qed jagħmlu xogħol siewi ħafna.

Imma jista’ jkun li nkomplu sejrin hekk? Ftaħir nisimgħu ħafna min-naħa tal-Gvern imma minkejja dan jidher li l-Gvern lanqas mhu qed jisma’ dak li qed jgħidulu n-nies maħtura minnu stess. Sakemm tibqa din l-atitudni żgur li r-rabja fost in-nies bħal dik il-persuni li avviċinatni l-bieraħ ser tikber u bir-raġun għaliex qabel l-elezzjoni dawn wiegħdu s-sema fl-art. Imma sfortunatament min kien fl-infern hemm għadu .

 

© 2008 - Justyne Caruana