Zbroff ta'Drenagg f' Wied l-Ghasri

L-Orizzont (14-02-2008)

Mhux l-ewwel darba li ktibt li Għawdex kollox miexi bl-iskossi. F’dawn l-aħħar ġranet ir-residenti taż-Żebbuġ, Għawdex għaddew minn inkonvenjent kbir għaliex għamlu ġranet sħaħ ixommu riħa qawwija ta’ drenaġġ u l-inkonvenjenti kollha relatata ma’ żbroff ta’ drenaġġ li baqa’ sejjer sa Wied l-Għasri. Ta’ min jgħid li Wied l-Għasri huwa ġawrha ambjentali u dan id-drenaġġ li beda nieżel l’hemm miż-Żebbuġ għamel ħafna ħsara.

Uħud mir-residenti ċempluli rrabbjati għaliex minkejja li kien għaddew diversi ġranet minn meta rrapurtaw ma kien sar xejn u talbuni nagħmel kuntatt ma’ One News biex iwasslu l-lamenteli tagħhom. Hekk għamilt u qbadt ma’ Maria Muscat li ħadet azzjoni mill-ewwel u għamlet kuntatt ma’ l-uffiċċjal inkarigat. Wara ġurnata u nofs kellmuha lura u qaluha li x-xogħol kien beda u kien ser jissokta fil-ġranet ta’ wara.

Illi kumbinazzjoni x-xogħol beda proprju meta Maria kkuntjathom u allura jien nsaqsi li kieku ma sarx hekk kieku meta kien ser jibda x-xogħol? Jien min-naħa tiegħi nħoss li għandi nirringrazza lilha u mhux lil min hu nkarigat mix-xogħol.

Din mhux l-ewwel darba li ġrat. Min jaf kemm-il darba għamilt mistoqsijiet parlamentari dwar problemi li jkunu ilhom pendenti xhur u mbagħad biex il-Ministru konċernat isalva wiċċu, jirranġa s-sitwazzjoni saż-żmien meta tiġi biex tingħata t-tweġiba. U allura ngħid jien jekk sitwazzjoni tkun tista’ tiġi riżolta bejn iż-żmien ta’ mistoqsija u tweġiba għaliex iħallu lin-nies bil-problemi tagħhom?

Ara dan l-aħħar għax ġejja l-elezzjoni tarhom kollha jiġru biex jaraw kif jaqdu n-nies fl-aħħar. Imma jekk setgħu jaqduhom issa għaliex ma qdewhomx qabel minflok ħallewhom is-snin imtertqin?

Jien din qatt ma stajt nifihmha u mhux waħdi għaliex ħafna huma dawk li ġew ikkuntatjati issa fl-aħħar ġranet qabel l-elezzjoni u li ħassewhom urtati iktar minn qatt qabel. Familji li ilhom jokorbu għax-xogħol is-snin, qed jiġu kkuntatjati għal xogħol pero’ oħroġ il-għaġeb ix-xogħol offrut ikun b’kuntratt ta’ xhar! Ħasbu li n-nies għadhom boloħ u ma jafux jiżnu l-affarijiet u jgħarfu bejn daħk fil-wiċċ u serjeta’.

Dan l-aħħar ġew ‘magħżula’ xi nies biex jidħlu jaħdmu mal-konsorzju tal-landscaping – tar-roundabouts biex jifhimni kulħadd. Dawn in-nies magħżula uħud minnhom kienu qed jirreġistraw għax-xogħol u kien hemm min kien qed jaħdem ġo fabbrika u ħareġ biex imur jaħdem hemm. Intbagħtet ittra mill-ETC lil xi wħud pero’ mhux lil kulħadd. It-tajba hi li kien hemm min qal lil dawn in-nies li kien qed joffrilhom impjieg mal-Gvern minflok mal-konsorzju.

L-appell tiegħi għal darb’oħra huwa biex ma nħallux iktar min jinganna lill-poplu. Din hija l-istess storja ta’ qabel kull elezzjoni pero’ lkoll nafu li wara kull elezzjoni l-istorja dejjem tkun l-istess ukoll – in-nazzjonalti jwiegħdu ħafna pero’ ma jwettqux. Aħha dak li nwiegħdu nwettquħ u għalhekk ser ikollna rebħa kbira Laburista għal Għawdex aħjar.

 

© 2008 - Justyne Caruana