Bżonn li nħarsu lejn Għawdex minn aspetti differenti u ġodda

L-Orizzont (19-06-2008)

Nhar ris-Sibt li għadda ġie jżurna l-Mexxej il-ġdid tagħna Joseph. Flimkien miegħu kien hemm id-Deputati Mexxejja l-Avukati Toni Abela u Anġlu Farrugia, li nieħu l-opportunità nifirħilhom għall-karigi li ġew maħturin għalihom u li lkoll flimkien se jkunu jmexxuna lejn rebħa Laburista.

It-tmexxija l-ġdida għażlu li l-ewwel żjara uffiċjali tagħhom ilkoll flimkien jagħmluha f’Għawdex. Fi kliem il-Mexxej tagħna Joseph, din ma kinitx u ma saritx b’kumbinazzjoni. Ġew Għawdex biex juru l-apprezzament tagħhom għall-ħidma sfiqa tagħna f’Għawdex. Fi kliem il-Mexxej innifsu qalilna: “Intom Għawdex tafu taħdmu.” U dan id-diskors tiegħu kien xprunat mill-fatt li fl-aħħar elezzjoni kellna żieda rekord ta’ voti għall-Partit Laburista.

Għandu raġun, għax l-elezzjoni ġiet maħduma bil-għaqal u anke fuq bażi individwali r-riżultati jitkellmu waħedhom.

 

Issa li l-elezzjoni għaddiet irridu minn issa naħdmu għal li ġej. Il-Mexxej tagħna għandu pjani sbieħ għal Għawdex. Hekk qalilna u qalilna wkoll li għandu pjani innovattivi u li hemm bżonn inħarsu lejn Għawdex minn aspetti differenti u ġodda.

Il-Mexxej il-ġdid diġà qiegħed juri sinjali ċari li Għawdex se jkun għal qalbu u li se jkun fuq nett fuq l-aġenda tal-partit. Dan urieh ukoll bil-fatti sa minn qabel ma nħatar mexxej, għax għal dawn l-aħħar snin minn meta ġie elett Membru Parlamentari Ewropew, żamm regolarment laqgħat ma’ l-Għawdxin u anke għandu l-ufiċċju tiegħu hawn biex jilqa’ l-ilmenti tagħna.

Ta’ min jgħid ukoll li kien hu li tkellem fuq is-sussidju tal-ħelikopter ta’ Għawdex. Filwaqt li l-Gvern kien jgħid li ma jistax jingħata sussidju għas-servizz tal-ħelikopter f’Għawdex u allura spiċċajna mingħajr dan is-servizz tant importanti u bżonnjuż, kien Joseph li mar jitkellem fil-fora Ewropea u qabeż għalina. Mill-Ewropa kkonfermaw li iva l-Gvern jista’ jagħti sussidju għal dan is-servizz u allura fetaħ it-triq għall-futur ta’ dan is-servizz – xi ħaġa li l-Gvern ma kienx kapaċi jagħmel.

Min-naħa tagħna aħna l-Għawdxin irridu nkunu parti sħiħa ta’ din il-ġenerazzjoni rebbieħa. Irridu nkunu parti mit-terremot li Joseph qal li jrid jagħmel. Għawdex jixraqlu Gvern Laburista u bl-enerġija żagħżugħa li għandu Joseph, żgur li Għawdex se jimxi l-quddiem u jkollu dak li verament jixraqlu.

© 2008 - Justyne Caruana