X’ġara mill-aspettattivi tal-PN?

L-Orizzont (15-05-2008)
Issa li l-elezzjoni għaddiet, kulħadd qed jistaqsi lilu nnifsu u anke lill-oħrajn, x’ġara mill-aspettattivi li tellgħu n-Nazzjonalisti fost l-Għawdxin. Fil-fatt it-tgergir huwa ħafna u fejn qabel l-elezzjoni ħafna rjus kienu disponibbli, issa li għaddiet l-elezzjoni, ħafna qegħdin isibu l-bibien magħluqin f’wiċċhom.

Kienu ħafna l-wegħdiet li saru speċjalment għal dak li jirrigwarda l-impjiegi. Kien hemm omm li ċemplitli tilmenta li qabel l-elezzjoni, kandidat/a mal-Partit Nazzjonalista mar għandha bil-wiegħda li binha se jinstablu mpjieg. Fil-fatt anke tawha xi formoli biex jimtlew. Meta staqsiet għal-liema mpjieg kienet dik l-applikazzjoni, ġiet imwieġba biex ma tinkwetax u li għand min se tittieħed l-applikazzjoni jaf x’se jagħmel biha. Din il-mara sal-lum għadha ma ngħatatx sodisfazzjon dwar dan, però li taf żgur huwa li binha għadu d-dar u mingħajr impjieg.

Bħal din l-omm hemm ħafna u minkejja li saret kampanja sħiħa dwar kemm Gvern Nazzjonalista se jġib xogħol għall- Għawdxin, f’Għawdex stess, din s’issa għadha ma tat frott ta’ xejn – anzi kien hemm min taparsi sab xi mpiegi li eżatt wara l-elezzjoni ġew itterminati. Sadanittant mijiet ta’ żgħażagħ għadhom jistennew ix-xogħol u min jaf kemm baqagħlhom.

Għawdex hemm bżonn li jingħata attenzjoni partikolari u mmedjata. Li tagħmel attività ta’ ċertu daqs darba f’sena, ċertament mhix biżżejjed għalkemm hija utli ħafna. Hemm bżonn li jsir programm ta’ attivitajiet għal matul is-sena kollha u jsir l-investiment meħtieġ biex dan il-programm ikun jista’ jiġi sostnut. Kull tmiem il-ġimgħa jkollna diversi attivitajiet kulturali f’Għawdex. Ġieli tant ikun hemm attivitajiet fl-istess ġurnata li bil-kemm tkun tista’ tlaħħaq. Ħafna attivitajiet isiru minn persuni u entitajiet privati jew Kunsilli Lokali jew kumitati tal-banda u l-kontenut ikun varjat. It-talent f’Għawdex huwa inkredibbli u kull ma jmur il-livell dejjem qed jogħla tant li l-barranin li jkunu preżenti għal dawn l-attivitajiet jibqgħu mbellħin.

Jekk dawn l-attivitajiet jiġu kkordinati u mgħejjunin kemm finanzjarjament kif ukoll anke b’mezzi oħrajn inkunu kapaċi noħolqu kalendarju ta’ attivitajiet varjat u kontinwu li jattira kemm lill-Maltin kif ukoll lill-barranin u dan matul is-sena kollha – b’hekk ir-rota ekonomika f’Għawdex tibqa’ ddur b’iktar frekwenza u b’mod iktar kostanti.

Il-kultura f’Għawdex għandu jkollha sehem importanti fit-tkabbir ekonomiku tal-gżira tagħna.F’Għawdex għandna ħafna nies kapaċi jorganizzaw u l-potenzjal u t-talent kollu li għandna f’Għawdex għandu jiġi wżat bl-aħjar mod possibbli. Kull min huwa kapaċi jorganizza għandu jingħata kull opportunità u għajnuna possibbli biex jagħmel dan – indipendentement minn min hu. Ċertament ma jagħmilx sens li jkun hemm min jinħolqulu ntoppi u problemi għalxejn jew purament għax ma jkunx jogħġob lil xi ħadd tal-qalba.

L-esperjenza qiegħda turina kemm Għawdex għandu x‘joffri. Però xejn ma jsir u jiġi bix-xejn u hemm bżonn ta’ ħidma kbira min-nies kompetenti. Ma jistax ikollna prodott tajjeb jekk ikollok nies fid-dipartimenti u uffiċini tal-Gvern li qegħdin hemm għax xi ħadd poġġihom hemm biex ikunu sew u li ma jkunux jifhmu fil-qarabagħli. Irridu nimxu b’mod iktar professjonali biex Għawdex jieħu r-ruħ u tiġi megħluba l-inċertezza li kien kapaċi joħloq dan il-Gvern inkompetenti u ta’ l-uċuħ.

© 2008 - Justyne Caruana