|
|
||||
|
Grazzi mill-qalb lil Alfred Sant |
||||
| L-Orizzont (13-03-2008) | ||||
|
Nhar is-Sibt li għadda l-poplu Għawdxi bil-vot tiegħu esprima ruħu u bħala partit għandna nkunu sodisfatti ħafna li f’Għawdex rajna kambjament kbir. L-Għawdxin urew biċ-ċar li ma kienux kuntenti bit-tmexxija Nazzjonalista. Qed ngħid dan għaliex il-Partit Laburista żied konsiderevolment l-ammont ta’ voti f’Għawdex biex b’hekk id-distakk bejn iż-żewġ partiti issa sar minimu ħafna. Grazzi kbira tmur lil dawk l-Għawdxin kollha ta’ rieda tajba li vvutaw Labour. Din iż-żieda fil-voti ma ġietx mix-xejn. Għal dawn l-aħħar snin Għawdex kellu x-xorti li kellu l-attenzjoni tal-mexxej tagħna Dr Alfred Sant. Għawdex kien, għadu u jibqa fuq nett fl-aġenda tal-Partit Laburista u dan il-poplu Għawdi apprezzaħ tant li ġie rifless fl-ammont ta’ voti li ksibna. Għalkemm it-tim ta’ kandidati Laburisti ħdimna ħafna, dan is-suċċess huwa attribwibbli għat-tmexxija bil-għaqal u serja tal-Leader. |
![]() |
|||
Jixraq li lkoll kemm aħna nroddu ħajr lil dan ir-raġel li tant ta lil dan il-pajjiż u lill-partit. Kulħadd jaf min x’hiex għadda fix-xhur li għaddew u minkejja dan b’kuraġġ kbir ġie lura biex imexxi kampanja elettorali. Dak li għamel hu stimola lilna lkoll biex kollha kemm aħna nagħmlu iktar mill-għalmu tagħna u kull ħin u mument tal-kampanja kien punt ta’ riferenza sod. Kienu ħafna dawk li matul il-karriera politika tiegħu attakkawħ u kritikawħ inġustament. Il-fatt jibqa’ li Alfred Sant huwa raġel ta’ integrita’ u onesta’ kbira. Ħadd qatt ma seta’ u jista’ jgħid xejn fiħ għaliex subajħ dejjem żammu dritt u prova jbiddel il-mentalita’ f’dan il-pajjiż minn waħda ta’ konfrontazzjoni għal wahda iktar tolleranti u mingħajr mibgħeda. Prova jagħti valur lill-meritokrazija fejn kull min hu kapaċi ħaqqu jimxi ndipendentement mit-twemmin politiku tiegħu. Ħafna ma fehmuħx – oħrajn għamlulu l-bsaten fir-roti biex din il-bidla fil-mentalita’ ma sseħħx għax hekk kien jaqblilhom. Għalija personali kien ta’ eżempju kbir mhux biss fil-karriera politika imma wkoll f’ħajti. Fuq livell uman u personali, Alfred Sant huwa bniedem sensittiv ħafna għall-problemi ta’ l-oħrajn dejjem lest li joffri u li jagħti l-għajnuna tiegħu. Għażiż Leader grazzi minn qalbi ta’ kollox u nassigurak li ser tibqa f’moħħna u f’qalbna għal dejjem u mhux ser ninsewk qatt. |
||||
|
©
2008 - Justyne Caruana
|
||||