Gbir ta’ fondi

L-Orizzont (20-12-2007)

Il-ġimgħa li għaddiet il-poplu Għawdxi bagħat mesaaġġ ċar u b’saħħtu – ‘ irridu l-bidla, bidla li jista’ jagħtina biss Gvern Laburista ġdid’. Il-kampanja ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista kienet suċċess kbir f’Għawdex għaliex ġbarna somma sabiħa ħafna li kienet ġejja mill-qalb u kienet somma rekord.

Jien f’kull kampanja ta’ ġbir inkun involuta u naf x’jiġifieri attivita’ ta’ din ix-xorta. Pero’ din id-darba kien hemm heġġa kbira ħafna u n-nies riedet tagħti iktar għax temmen fil-Partit Laburista. Mhux faċli tmur fuq in-nies titlob donazzjoni meta taf li l-poplu mgħaffeġ bl-ogħli tal-ħajja u bil-piżijiet imma n-nies kienet ħerqana.

Il-kotba ta’ l-ircevuti tagħna mimlijin biż-żewġ liri u bil-hamsa l-iktar u anke ssib tfal li jagħtuk dik in-nofs lira mill-karus tagħhom pero’ kull għotja kienet ġenwina u mill-qalb. Anke nies magħrufin bħala nazzjonalisti tawna għaliex verament jemmnu li hemm bżonn il-bidla u qed jaraw fil-Partit Laburista opportunita tad-deheb biex pajjiżna jieħu r-ruħ speċjalment f’Għawdex.

In-nazzjonalisti fil-fatt qabadhom paniku kbir wara din il-ġabra għaliex il-messaġġ tal-poplu ħaduħ. Huma jafu li aħna niġbru l-ftit mingħand il-ħafna u meta raw li ġbarna ħafna minn Għawdex mill-ewwel irrealiżżaw li ġbarna mingħand ħafna u ħafna nies. Min jippanika pero’ trid tibża minnu għaliex jasal biex jagħmel kollox. Diġa’ bdejna nisimgħu b’ħafna diċeriji u spekulazzjonijiet li x’ħin taħseb fuqhom ma huma xejn pero’ xorta trid toqgħod b’sebgħa għajnejn. Diċerija minnhom saħansitra kienet tinvolvi lili. Qalu li jiena mhux ser noħroġ għall-elezzjoni għax jiena tqila! Jixtiequ kieku għax ikollhom xewka inqas xi tniggishom imma jiddispjaċini nikkonfermalhom li kont, għandi u nibqa bi ħsiebni nerġa nikkontesta l-elezzjoni mal-lista ta’ kandidati tal-Partit Laburista.

Issa iktar minn qatt qabel nemmen li l-Parit Laburista jistħoqqlu t-tmun ta’ pajjizna f’idejh. Illum, li minn hawn u ftit ġimgħat oħra ser insir omm, irrid l-aħjar għal din it-tarbija tiegħi u l-aħjar jista’ jagħtiħ biss Gvern Laburista ġdid. Sa mill-Opposizzjoni l–Partit Laburista ħejja l-pjan tiegħu biex malli jieħu l-Gvern jibda jwettaq u jkattar il-ġid. Gvernijiet Laburisti dejjem hekk għamlu għax qabel il-poplu kien bil-ġuħ u kkalpestat. Illum wara għoxrin sena ta’ Gvern nazzjonalista, reġ’ hawn il-ġuħ anke f’Għawdex stess u l-Għawdxi huwa kkalpestat u mmexxi minn gvern inkompetenti maħkum f’xibka ta’ korruzzjoni li mhux talli ma għandux il-ħila jikkumbatti talli jagħti kull barka għat-taħwid.

Is-sena li ġejja ser tkun importanti ħafna għall-pajjiżna għaliex ser nibdew folja ġdida, bi gvern ġdid, serju u trasparenti li ser jaħdem bis-sħiħ għall-ġid u l-prosperita’.

Nawgura lil kullħadd il-festi t-tajba u sena mimlija saħħa u gid.

© 2007 - Justyne Caruana